Il-Papa f’Santa Marta: Ħsieb ħieles

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru 2013: Naħsbu ta’ Nsara, għaliex Nisrani ma jaħsibx biss b’rasu; jaħseb ukoll b’qalbu u bl-ispirtu li għandu ġo fih. Din l-istedina saret mill-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata ġewwa d-Dar Santa Marta. Stedina b’mod partikolari attwali f’kuntest soċjali – ġiegħel li jkun innutat il-Papa – fejn kull ma jmur qiegħed ikun dejjem iktar insinwat ħsieb dgħajjef, ħsieb uniformi, ħsieb pret-à-porter.

L-Isqof ta’ Ruma ċċentra r-riflessjoni tiegħu fuq is-silta evanġelika ta’ Luqa (21, 29-33) proposta waqt il-liturġija, li fiha l-Mulej, b’eżempji sempliċi, jgħallem lid-dixxipli tiegħu biex jifhmu dak li kien qed iseħħ. F’dan il-każ Ġesù jistieden biex tkun osservata s-siġra tat-tin u s-siġar kollha, għaliex meta jibdew jarmu wieħed jifhem li jkun qorob is-sajf. F’kuntesti oħra l-Mulej juża eżempji simili biex iċanfar lill-Fariżej li ma jridux jifhmu s-sinjali taż-żmenijiet; dawk li ma jarawx il-pass ta’ Alla fl-istorja, fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael, fl-istorja ta’ qalb il-bniedem, fl-istorja tal-umanità.

It-tagħlim, skont il-Qdusija Tiegħu, huwa li Ġesù bi kliem sempliċi jinkoraġġina biex naħsbu ħalli nifhmu. U dan huwa inkoraġġiment biex naħsbu mhux biss b’rasna, imma wkoll bil-qalb, bl-ispirtu, b’kull ma aħna. Dan huwa appuntu l-‘ħsieb tan-Nisrani’, biex inkunu nistgħu nifhmu ‘s-sinjali taż-żmenijiet’. U dawk li ma jifhmux, bħal ma jiġri fil-każ tad-dixxipli ta’ Għemmaws, huma definiti minn Kristu stupidi u qalbhom tardiva. Għaliex, spjega l-Papa, dak li ma jifhimx l-affarijiet ta’ Alla huwa persuna hekk, stupida u iebsa biex tifhem, waqt li l-Mulej irid li aħna nifhmu dak li jkun qed iseħħ f’qalbna, f’ħajjitna, fid-dinja, fl-istorja; u nifhmu xi jfisser dak li qed iseħħ issa. Infatti dan jinsab fit-tweġibiet għal dawn id-domandi li nistgħu nagħrfu s-sinjali taż-żmenijiet.

B’danakollu l-affarijiet mhux dejjem imorru hekk. Hemm għadu li qed jonsobna. Dan huwa l-ispirtu tad-dinja li, fakkar il-Qdusija Tiegħu, jagħmlilna proposti oħra. Għaliex ma jridniex poplu, iridna massa. Mingħajr ħsieb u mingħajr libertà. L-ispirtu tad-dinja, fis-sustanza, jimbuttana għal għonq triq ta’ uniformità, imma mingħajr dak l-ispirtu li jagħmel korp ta’ poplu, billi jittrattana bħallikieku ma għandniex il-ħila li naħsbu, bħal persuni li mhumiex ħielsa. U minħabba f’dan – il-Papa Franġisku ċċara espressament il-mekkaniżmi tal-persważjoni okkulta – hemm mod determinat ta’ ħsieb li hemm bżonn li jkun impost, hemm bżonn li jsir reklam ta’ dan il-ħsieb u hemm bżonn li naħsbu b’dan il-mod. Dan hu l-ħsieb uniformi, il-ħsieb ugwali, il-ħsieb dgħajjef; ħsieb sfortunatament hekk mifrux, ikkummenta l-Isqof ta’ Ruma.

Fil-prattika l-ispirtu tad-dinja ma jridx li aħna nitolbu quddiem Alla: imma għaliex iseħħ dan? U biex jaljenana mid-domandi essenzjali, jipproponilna ħsieb pret-à-porter, skont il-gosti tagħna: jien naħseb kif jogħġobni. Dan il-mod ta’ ħsieb kollox sew mal-ispirtu tad-dinja; waqt li dak li huwa ma jridx huwa dak li jitlobna Ġesù: il-ħsieb ħieles, il-ħsieb ta’ raġel u ta’ mara li huma parti mill-poplu ta’ Alla. Mill-bqija, is-salvazzjoni kienet proprju din: li tagħmilna poplu, poplu ta’ Alla. Li jkollna l-libertà. Għaliex Ġesù jitlobna li naħsbu b’mod liberu, li naħsbu biex nifhmu x’qed jiġri.

Bla dubju, wissa l-Papa Franġisku, waħedna ma nistgħux nagħmlu kollox: ninħtieġu l-għajnuna tal-Mulej, ninħtieġu l-Ispirtu s-Santu biex nifhmu s-sinjali taż-żminijiet. Infatti, huwa proprju l-Ispirtu li jirregalalna l-intelliġenza biex nifhmu. Dan huwa rigal personali mogħti lil kull bniedem, grazzja li għaliha hemm bżonn li jien nifhem għaliex jiġri dan lili u liema hija t-triq li l-Mulej irid għal ħajti. Minn hawn l-eżortazzjoni konklussiva biex nitolbu lill-Mulej Ġesù l-grazzja li jibagħtilna l-ispirtu tal-intelliġenza tiegħu, sabiex ma jkollniex ħsieb dgħajjef, ħsieb uniformi, ħsieb skont il-gosti tagħna, u biex minflok ikollna biss ħsieb skont Alla. U b’dan il-ħsieb – ta’ moħħ, ta’ qalb u ta’ ruħ – li huwa don tal-Ispirtu, infittxu li nkunu nistgħu nifhmu xi jkunu jfissru l-affarijiet, nifhmu tajjeb is-sinjali taż-żmenijiet.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb