Il-Papa f’Santa Marta: Il-misteru ma jfittixx pubbliċità

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Diċembru 2013: Il-misteru tar-rapport bejn Alla u l-bniedem ma jfittixx pubbliċità, għaliex dan ma jirrendihx veritier. Aktarx jitlob l-istil tas-skiet. Imbagħad jgħodd għalina li niskopru, proprju fis-skiet, il-karatteristiċi tal-misteru ta’ Alla fil-ħajja personali. Meta jonqos ftit jiem għall-Milied, il-Papa Franġisku ppropona riflessjoni qawwija dwar il-valur tas-skiet. U stieden biex is-skiet inħobbuh u nfittxuh hekk kif għamlet Marija, li x-xiehda tagħha kienet imfakkra fil-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Ir-riflessjoni kienet imsejsa fuq is-silta tal-Evanġelju ta’ Luqa proposta mil-liturġija tal-jum (1, 26-38), bit-tluq minn dik is-sentenza li tgħidilna tant, indirizzata mill-Anġlu lill-Madonna: ‘Il-qawwa tal-Iktar Għoli tgħattik b’dellha. L-Ispirtu Santu jinżel fuqek,’  u li terġa’ wkoll tiġbed is-silta mill-Ktieb ta’ Iżaija (7, 10-14), imxandra bħala l-ewwel qari fiċ-ċelebrazzjoni.

Huwa d-dell ta’ Alla, spjega l-Papa, li fl-istorja tas-salvazzjoni dejjem jindokra l-misteru. Huwa d-dell ta’ Alla li jakkumpanja l-poplu fid-deżert, l-istorja kollha tas-salvazzjoni tagħna li l-Mulej dejjem indokra fil-misteru. U kopra l-misteru. M’għamilx riklamar tal-misteru. Infatti l-misteru li jirreklama lilu nnifsu mhuwiex nisrani, mhuwiex misteru ta’ Alla. Huwa taparsi misteru. Proprju s-silta evanġelika tallum tikkonferma dan, kompla l-Papa; infatti, meta l-Madonna tirċievi mingħand l-anġlu l-aħbar tal-Iben, il-misteru tal-maternità tagħha personali, tibqa’ moħbija.

U din hija verità li tirrigwarda wkoll lilna lkoll. Dan id-dell ta’ Alla fina, f’ħajjitna, enfasizza l-Papa, jgħinna biex niskopru l-misteru tagħna: il-misteru tagħna tal-laqgħa mal-Mulej, il-misteru tagħna tal-mixja tal-ħajja mal-Mulej. Infatti, kull wieħed u waħda minna, spjega l-Papa, jaf kif il-Mulej jaħdem b’mod misterjuż f’qalbna, f’ruħna. U dik hija s-sħaba, il-qawwa, kif inhu l-istil tal-Ispirtu Santu, biex jgħatti l-misteru tagħna. Din is-sħaba fina, f’ħajjitna, tissejjaħ skiet. Is-skiet huwa proprju s-sħaba li tkopri l-misteru tar-rapport tagħna mal-Mulej, tal-qdusija tagħna u ta’ dnubietna.

Il-Papa kompla jgħid li dan huwa  misteru li ma nistgħux nispjegawh. Imma meta ma jkunx hemm skiet f’ħajjitna, il-misteru jintilef, jitlaq. Hekk hi, allura, l-importanza li nindukraw il-misteru bis-skiet: dik hija s-sħaba, dik hija l-qawwa ta’ Alla għalina, dik hija l-qawwa tal-Ispirtu Santu.

Il-Papa Franġisku mbagħad reġa’ ppropona mill-ġdid ix-xiehda tal-Madonna li għexet sal-aħħar dan is-skiet tul ħajjitha kollha. Naħseb, qal il-Papa, dwar kemm-il darba żammet siekta,  kemm-il darba ma qalitx dak li kienet tkun qiegħda tħoss, biex tindokra l-misteru tar-rapport ma’ Binha.  U fakkar li fl-1964, ġewwa Nazaret, il-Papa Pawlu VI qalilna lkoll li hemm bżonn li nġeddu u nsaħħu, li nqawwu s-skiet, proprju għaliex is-skiet jindokra l-misteru. Il-Papa mbagħad ta leħen lis-skiet tal-Madonna f’riġlejn is-salib, lil dak li kien għaddej minn moħħha, bħal ma kien għamel Ġwanni Pawlu II.

Fil-fatt, huwa ppreċiża, l-Evanġelju ma jlissen ebda kelma tal-Madonna: Marija kienet siekta, imma ġewwa qalbha kemm ħwejjeġ kienet qiegħda tgħid lill-Mulej f’dak il-waqt kruċjali tal-istorja. Probabbilment Marija reġghet ħasbet dwar kliem l-Anġlu li għadna kemm qrajna fl-Evanġelju rigward Binha: ‘Dakinhar għidtli li se jkun kbir! Int għidtli li se ttih it-Tron ta’ David missieru u li se jsaltan għal dejjem! U issa qed narah hemm, fuq is-salib.’ Marija bis-skiet kopriet il-misteru li ma kinetx qiegħda tifhem. U bis-skiet ħalliet li l-misteru jkun jista’ jikber u jiffjorixxi sabiex iwassal lil kulħadd tama kbira.

‘L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, il-qawwa tal-Iktar Għoli tgħattik bid-dell tagħha.’ Il-kliem tal-anġlu lil Marija, reġa’ tenna l-Papa, jassigurana li l-Mulej jindokra l-misteru tiegħu. Għaliex il-misteru tar-rapport tagħna ma’ Alla, tal-mixja tagħna, tas-salvazzjoni tagħna, ma jistax jitqiegħed fil-beraħ, ikun irreklamat. Is-skiet jindukrah. Il-Papa Franġisku kkonkluda l-omelija tiegħu bit-talba li l-Mulej jagħti lilna lkoll il-grazzja li nħobbu s-skiet, li nfittxuh, li jkollna qalb indukrata mis-sħaba tas-skiet. U hekk il-misteru li jikber fina jagħti bosta u bosta frott.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: