Il-Papa f’Santa Marta: L-imħabba nisranija hija konkreta u ġeneruża

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 9 ta’ Jannar 2014: L-imħabba nisranija dejjem għandha l-karatteristika li tkun konkreta. Għalhekk hija mħabba li tesprimi ruħha aktar bl-atti milli bil-kliem, hija aktar għotja milli hi ħaġa li tirċeviha. Dan affermah il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ppresjieda dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

Ebda romantiċiżmu: jew hija mħabba lesta tgħin u altruwista, li xxammar il-kmiem u tħares lejn il-foqra, li tippreferi tagħti aktar milli tirċievi, inkella hi mħabba li m’għandha x’taqsam xejn mal-imħabba kristjana.  Il-Papa Franġisku huwa ċar ħafna fuq dan u fir-riflessjoni li għamel dalgħodu kien imnebbah mill-ewwel ittra ta’ San Ġwann li fiha l-Appostlu jirrepeti:  ‘Jekk inħobbu lil xulxin, Alla jibqa’ fina u mħabbtu fina tibqa’ perfetta.’ L-esperjenza tal-fidi, osserva l-Papa, tinsab proprju f’din l-affermazzjoni ta’ San Ġwann.

Aħna f’Alla u Alla fina: din hi l-ħajja nisranija.  Il-ħajja nisranija hi li ma nibqgħux fl-ispirtu tad-dinja, ma nibqgħux fis-superfiċjalità, fl-idolatrija, fil-vanità.  Le u le, għandna nibqgħu fil-Mulej.  U Hu jħallasna billi jibqa’ fina; imma l-ewwel u qabel kollox għandu jibqa’ Hu fina.  Tant drabi nkeċċuh u b’hekk ma nibqgħux fiH.  Dak li jibqa’ huwa l-Ispirtu s-Santu.

Wara li ċċara din id-dinamika tal-Ispirtu li jmexxi l-imħabba nisranija, il-Papa tkellem dwar il-laħam u qal li, li nibqgħu fl-imħabba t’Alla, mhux tant estasi tal-qalb, daqskemm hi xi ħaġa sabiħa li aħna nħossu fina.

Osservaw, żied Franġisku, li l-imħabba li jitkellem dwarha Ġwanni mhix l-imħabba tat-telenovelli!  Le, hija xi ħaġa differenti.  L-imħabba nisranija għandha dejjem kwalità waħda: il-konkretezza.  L-imħabba nisranija hija konkreta.  Gesù stess, meta jitkellem dwar l-imħabba, jitkellem dwar affarijiet konkreti: nagħtu l-ikel lill-imġewħin, inżuru lill-morda, u tant ħwejjeġ oħra konkreti.  Meta m’hemmx din il-konkretezza, nistgħu nkunu qed ngħixu Kristjaneżmu tal-illużjonijiet għax ma nkunux qed nifhmu sewwa liema hu l-messaġġ ewlieni ta’ Ġesù.  Din l-imħabba ma tasalx li tkun konkreta: hija mħabba tal-illużjonijiet bħall-illużjoni li kellhom id-dixxipli meta raw lil Ġesù u ħasbuh fantażma.

Il-fantażma hu appuntu, kif naraw fl-Evanġelju tallum, dak li jaraw id-dixxipli u jibqgħu mibluhin u mbeżżgħin xħin jarawh riesaq lejhom miexi fuq il-baħar.  Imma l-istagħġib tagħhom jitnissel mill-qalb iebsa għax, kif jgħid l-istess Evanġelju, ma fehmux it-tkattir tal-ħobż li kien sar ftit qabel.

Jekk qalbek tkun iebsa, ikkummenta l-Papa Franġisku, int ma tistax tħobb u tibda taħseb li l-imħabba hija biss stħajjil.  Le, l-imħabba hija konkreta.  U din il-konkretezza, żied jgħid, hi mwaqqfa fuq żewġ kriterji.

L-ewwel kriterju hu li tħobb bl-azzjonijiet tiegħek mhux bil-kliem.  Il-kliem itir mar-riħ, illum hawn u għada jgħosfor.  It-tieni kriterju tal-konkretezza hu li fl-imħabba hu aktar importanti li tagħti milli li tirċievi.  Min iħobb jagħti, jagħti… jagħti affarijiet, ħajtu, jagħti lilu nnifsu lil Alla u lill-oħrajn. Minflok, min ma jħobbx, min hu egoista, ifittex dejjem dak li se jirċievi, ifittex dejjem li jkollu aktar, li jikseb il-vantaġġi.

Jeħtieġ nibqgħu bi qlubna miftuħa – mhux bħad-dixxipli, li kellhom qalbhom magħluqa, li ma fehmu xejn.  ‘Ibqgħu f’Alla u Alla jibqa’ fina.’  Nibqgħu fl-imħabba, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d