Is-Sibt, 11 ta’ Jannar 2014: Aħna magħqudin bis-saħħa tal-Ispirtu u meta saċerdot jitbiegħed minn Ġesù Kristu jista’ jitlef id-dilka. F’ħajtu le, għax essenzjament id-dilka tibqa’ fih… imma jitlifha. U minflok midluk jispiċċa biex ikun idellek. Kemm jagħmlu ħsara lill-Knisja s-saċerdoti li jdellku! Dawk li jqiegħdu l-enerġija tagħhom fl-affarijiet artifiċjali, fil-vanità, f’atteġġjament u f’lingwaġġ superfiċjali… Kemm-il darba, b’għafsa ta’ qalb, nisimgħu min jgħid: ‘Das-saċerdot qisu farfett’! Għax moħħu dejjem fil-vanità… Dan m’għandux rapport tajjeb ma’ Ġesù Kristu, tilef id-dilka u sar idellek!
Aħna s-saċerdoti għandna ħafna limiti: ilkoll aħna midinbin. Imma jekk immorru għand Ġesù Kristu, jekk infittxu lill-Mulej bit-talb – it-talb ta’ interċessjoni, it-talb ta’ adorazzjoni – inkunu saċerdoti tajbin minkejja li midinbin. Imma jekk nitbiegħdu minn Ġesù Kristu, ikun jeħtieġ li nikkompensaw dan b’atteġġjamenti oħra. B’hekk jinħolqu dawn il-figuri… anke s-saċerdot-negozjant, is-saċerdot-imprenditur… Imma s-saċerdot li jadura lil Ġesù Kristu, is-saċerdot li jqim lil Ġesù Kristu, is-saċerdot li jitkellem ma’ Ġesù Kristu, is-saċerdot li jfittex lil Ġesù Kristu u jħalli lil Kristu jfittex lilu… Dan hu ċ-ċentru ta’ ħajjitna. Jekk dan ikun nieqes, nitilfu kollox. Imbagħad x’nagħtuhom lin-nies?
Imma kemm hu sabiħ issib saċerdoti li taw ħajjithom bis-serjetà għall-vokazzjoni tagħhom u li dwarhom in-nies tgħid: ‘Veru li għandu karattru ikrah, għandu dik u għandu l-oħra,… imma hu saċerdot!’ U n-nies ixommu mill-bogħod! Minflok, meta n-nies tara lis-saċerdoti, biex ngħidu hekk, idolatri, li minflok lil Ġesù għandhom ħafna idoli zgħar… zgħar… dawk devoti ta’ ‘alla Narċiżu’, … meta n-nies jaraw lil dawn, in-nies jgħidu: ‘Miskin!’
Imma dak li jeħlisna mill-mondanità u mill-idolatrija li jagħmluna ndellku, dak li jzommna fid-dilka, hi r-rabta ma’ Ġesù Kristu. U llum, lilkom li kellkom il-ġentilezza li tiġu tikkonċelebraw hawn miegħi, nawguralkom dan: Itilfu kollox fil-ħajja imma titilfux ir-rabta ma’ Ġesù Kristu! Din tkun ir-rebħa tagħkom. U b’hekk nibqgħu mexjin ’il quddiem!
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta