Il-Magħmudija, Sagrament li fuqu tinbena l-fidi tagħna


1. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 8 ta’ Jannar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum se nibdew serje ta’ Katekeżi fuq is-Sagramenti, u l-ewwel waħda hi dwar il-Magħmudija. B’kumbinazzjoni tajba, il-Ħadd li ġej taħbat sewwa sew il-festa tal-Magħmudija tal-Mulej.

1. Il-Magħmudija hi s-sagrament li fuqu tinbena l-istess fidi tagħna u li tlaqqamna bħala membri ħajjin fi Kristu u fil-Knisja tiegħu. Flimkien ma’ l-Ewkaristija u l-Konfirmazzjoni tifforma l-hekk imsejħa “Inizjazzjoni Nisranija”, li tikkostitwixxi bħal ġrajja waħda kbira sagramentali li twaħħadna mal-Mulej u tagħmel minna sinjal ħaj tal-preżenza tiegħu u ta’ mħabbtu.

Fina tista’ tqum din il-mistoqsija: Imma hi tabilħaqq meħtieġa l-Magħmudija biex nistgħu ngħixu ta’ Nsara u nimxu wara Ġesù? Fl-aħħar mill-aħħar dan m’hux sempliċi rit, att formali tal-Knisja biex nagħtu isem lit-tarbija? Taf tqum din il-mistoqsija. U dwar dan, hu ta’ dawl għalina dak li jikteb l-Appostlu Pawlu: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-Magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6:3-4). Mela din m’hix biss formalità! Hi att li jmiss l-eżistenza tagħna fil-profondità tagħha. Tarbija mgħammda u tarbija li m’hix mgħammda m’humiex l-istess. M’humiex l-istess persuna mgħammda u oħra li m’hix. Aħna, bil-Magħmudija, niġu mgħaddsa f’din l-għajn tal-ħajja li qatt ma taqta’ li hi l-mewt ta’ Ġesù, l-akbar att ta’ mħabba ta’ l-istorja kollha; u grazzi għal dik l-imħabba nistgħu ngħixu ħajja ġdida, mhux iżjed suġġetta għall-ħażin, għad-dnub u għall-mewt, imma f’komunjoni ma’ Alla u ma’ l-aħwa.

2. Ħafna minna m’għandhomx l-iċken tifkira taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sagrament, u dan hu ovvju, la ġejna mgħammda ftit wara li twelidna. Għamilt din il-mistoqsija darbtejn jew tlieta, hawn, fil-pjazza: Min minnkom jaf x’kienet id-data tal-Magħmudija tiegħu, jgħolli idu. Importanti nkun naf il-ġurnata li fiha jien ġejt mgħaddas sewwa sew f’dak il-kurrent tas-salvazzjoni ta’ Ġesù. U ppermettuli nagħtikom parir. Imma, iżjed milli parir, biċċa xogħol għal-lum. Il-lum, x’ħin tmorru d-dar, fittxu, staqsu x’kienet id-data tal-Magħmudija u hekk titgħallmu liema kien dak il-jum hekk sabiħ tal-Magħmudija tagħkom. Li nkunu nafu d-data tal-Magħmudija tagħna jfisser li nafu data hienja. Jekk ma nafuhiex inkunu nirriskjaw li nitilfu l-memorja ta’ dak li l-Mulej wettaq fina, il-memorja tad-don li rċivejna. Imbagħad nispiċċaw biex inqisuha biss bħala ġrajja li seħħet fil-passat – u bilkemm għax ridna aħna, imma għax riedu l-ġenituri tagħna –, li għalhekk m’għandha l-ebda effett fuq il-preżent. Jeħtieġ nerġgħu nqajmu fina l-memorja tal-Magħmudija tagħna. Aħna msejħin ngħixu l-Magħmudija tagħna kuljum, bħala realtà attwali fl-eżistenza tagħna. Jekk jirnexxielna nimxu wara Ġesù u nibqgħu fil-Knisja, anki jekk bil-limiti tagħna, bid-dgħufijiet tagħna u bid-dnubiet tagħna, dan hu propju minħabba fis-Sagrament li fih sirna ħolqien ġdid u ġejna mlibbsa mill-ġdid bi Kristu. Hu bil-qawwa tal-Magħmudija, fil-fatt, li, meħlusin mid-dnub oriġinali, aħna mlaqqmin fir-relazzjoni ta’ Ġesù ma’ Alla l-Missier; li aħna nġorru tama ġdida, għax il-Magħmudija tagħtina din it-tama ġdida: it-tama li nimxu fit-triq tas-salvazzjoni, ħajjitna kollha. U din it-tama xejn u ħadd ma jista’ jitfiha, għax it-tama ma tqarraqx bina. Ftakruha: it-tama fil-Mulej qatt ma tqarraq. Grazzi għall-Magħmudija, aħna kapaċi naħfru u nħobbu anki lil min joffendina u jagħmlilna d-deni; jirnexxielna nagħrfu f’dawk ta’ l-aħħar u fil-foqra l-wiċċ tal-Mulej li jiġi jżurna u hu qrib tagħna. Il-Magħmudija tgħinna nagħrfu l-wiċċ ta’ Ġesù f’wiċċ dawk il-persuni li huma fi ħtieġa, f’dawk li qed ibatu, anki fil-proxxmu tagħna. Dan kollu hu possibbli grazzi għall-qawwa tal-Magħmudija!

3. Punt ta’ l-aħħar, li hu importanti. U hawn nagħmel mistoqsija: Tista’ persuna tgħammed lilna nfisha? Ħadd ma jista’ jgħammed lilu nnifsu! Ħadd. Nistgħu nitolbuha, nixtequha, imma għandna bżonn ta’ xi ħadd li jagħtina dan is-Sagrament f’isem il-Mulej. Għax il-Magħmudija hi don li jingħata f’kuntest ta’ attenzjoni u ta’ kondiviżjoni fraterna. Dejjem tul l-istorja, wieħed jgħammed lill-ieħor, lill-ieħor, lill-ieħor… hi katina. Katina ta’ Grazzja. Imma jien ma nista’ qatt nitgħammed waħdi: hemm bżonn nitlob lil xi ħadd ieħor jagħtini l-Magħmudija. Hu att ta’ fratellanza, att ta’ filjazzjoni għall-Knisja. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija nistgħu naraw il-karatteristiċi l-iżjed naturali tal-Knisja, li bħal omm tkompli tnissel ulied ġodda fi Kristu, fil-frott li jagħti l-Ispirtu s-Santu.

Għalhekk lill-Mulej nitolbuh minn qalbna li nkunu nistgħu ngħixu dejjem iżjed, fil-ħajja ta’ kuljum, din il-grazzja li rċivejna bil-Magħmudija. Huma u jiltaqgħu magħna, ħutna jistgħu jiltaqgħu ma’ wlied veri ta’ Alla, aħwa veri ta’ Ġesù Kristu, membri veri tal-Knisja. U tinsewx il-biċċa xogħol tal-lum: fittxu, staqsu x’inhi d-data tal-Magħmudija tagħkom. Kif jien naf liema hi d-data tat-twelid tiegħi, jeħtieġ inkun naf ukoll id-data tal-Magħmudija tiegħi, għax dan hu jum ta’ festa.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.