Il-Papa f’Santa Marta: Meta tgħib il-preżenza t’Alla minn fost il-bnedmin, jintilef ukoll is-sens tad-dnub

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar 2014: Meta tgħib il-preżenza t’Alla minn fost il-bnedmin, jintilef ukoll is-sens tad-dnub u jista’ jiġri li ħaddieħor ikollu jħallas prezz għall-medjokrità nisranija tagħna. Din kienet l-affermazzjoni qawwija tal-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fil-kappella tad-dar Santa Marta. Nitolbu ‘l Alla l-grazzja li fina qatt ma tonqos il-preżenza tas-saltna tiegħu.

Dnub gravi, bħalma hu per eżempju l-adulterju, huwa mitqies biss bħala problema li rridu nsibu tarf tagħha.  L-għażla li jagħmel ir-re David, li naqraw dwarha fl-ewwel qari tallum, kienet il-mera li l-Papa Franġisku qiegħed quddiem il-kuxjenza ta’ kull Nisrani.

David jiġġennen wara Betseba, mart Urija, wieħed mill-ġenerali tiegħu.  Jeħodhielu u jibagħtu fuq il-front tal-battalja biex imut… u fil-fatt ikun qiegħed jagħmel delitt.  Minkejja dan, l-adulterju u l-qtil ftit li xejn imissulu l-kuxjenza.  David jagħmel dnub gravi imma ma jħossx li hu dnub, osserva l-Papa.  Lanqas jgħaddilu minn moħħu li jitlob maħfra, imma kull ma jiġih f’moħħu hu: ‘Kif se nħoll dil-problema?’

Dan jista’ jiġri lilna wkoll.  Ilkoll aħna midinbin u għalina lkoll il-ħobżna ta’ kuljum hi t-tentazzjoni.  Jekk xi ħadd jgħidlek: ‘Imma jien qatt ma jkolli tentazzjonijiet,’ jew ikun kerubin jew inkella xi ftit belhieni, mhux hekk?  Wieħed jifhem li fil-ħajja l-ġlieda max-xitan qatt ma tehda għax hu dejjem irid ir-rebħa.

Imma l-problema l-aktar gravi f’din is-silta mhux tant it-tentazzjoni u d-dnub kontra d-disa’ kmandament, imma l-mod kif iġib ruħu David. David hawn ma jitkellimx dwar dnub imma dwar problema li għandu bżonn isolvi.  Dan hu sinjal!  Meta s-Saltna t’Alla tnin, meta tonqos is-Saltna t’Alla, wieħed mis-sinjali hu li nitilfu s-sens tad-dnub.

Kuljum, waqt li ngħidu l-Missierna, nitolbu lil Alla ‘tiġi saltnatek…’ li jfisser, spjega l-Papa Franġisku, ‘tikber saltnatek’.  Imma meta nitilfu s-sens tad-dnub, nitilfu wkoll is-sens tas-Saltna t’Alla u minflokha, sostna l-Papa, titfaċċa xbieha ta’ xi ħaġa superpotenti li biha nibdew ngħidu lilna nfusna: ‘Jien nista’ kollox.’   Il-qawwa tal-bniedem tieħu post il-glorja t’Alla!  Dan hu l-ħobż ta’ kuljum.  Hu għalhekk li ta’ kuljum ngħidu t-talba ‘tiġi saltnatek’, ‘tikber saltnatek’, għax is-salvazzjoni ma tinkisibx bil-makakkerija tagħna, bil-ħażen tagħna, bl-intelliġenza ta’ kemm għandna ħila ninnegozjaw.  Is-salvazzjoni tiġi bil-grazzja t’Alla u bit-taħriġ ta’ kuljum li aħna nagħmlu fil-ħajja nisranija tagħna permezz ta’ dil-grazzja.  L-akbar dnub tallum hu li l-bniedem tilef is-sens tad-dnub. 

Il-Papa Franġisku hawn ikkwota frażi ċelebri tal-Papa Piju XII u dawwar ħarstu lejn Urija, il-bniedem bla ħtija li ntbagħat għall-mewt ħtija tar-re tiegħu.  Urija, qal il-Papa, isir b’hekk emblema tal-vittmi kollha tas-suppervja tagħna, suppervja li aħna ma nammettux.

Nistqarr magħkom, żied il-Qdusija Tiegħu, li meta nara dawn l-inġustizzji, din is-suppervja tal-bniedem, u meta nara l-periklu li dan jista’ jiġri anke lili, il-periklu li nitlef is-sens tad-dnub, jagħmilli tajjeb li naħseb fil-bosta Urija tal-istorja, tant Urija li anke llum ibatu minħabba l-medjokrità nisranija tagħna, meta nitilfu s-sens tad-dnub, meta nħallu s-Saltna t’Alla tiġġarraf.  Dawn huma l-martri tad-dnubiet li aħna ma nagħrfux.

Jagħmlilna tajjeb illum nitolbu għalina nfusna biex il-Mulej itina dejjem il-grazzja li ma nitilfux is-sens tad-dnub, biex ma nkunux aħna li nwaqqgħu s-Saltna.  U nistgħu wkoll inqiegħdu fjura fuq l-oqbra ta’ dawn il-ħafna Urija ta’ żmienna, li jħallsu l-prezz tal-ikla ta’ min iħossu ċert minnu nnifsu, dawk l-Insara li jħossuhom ċerti minnhom infushom, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta