It-Tnejn, 3 ta’ Frar 2014: Tużawx lil Alla u lill-poplu biex tiddefendu ruħkom fil-mumenti ta’ diffikultà. Il-Papa Franġisku għamel din it-twissija waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu hu u jikkummenta fuq l-atteġġjament tar-re David fil-konfront ta’ ibnu Assalonne li ttradih. Il-Papa ħeġġeġ biex dejjem nagħżlu t-triq tal-fiduċja f’Alla.
Ir-re David jaħrab għax ibnu Assalonne ttradih. Il-Papa Franġisku għamel omelija mibnija fuq dan l-ewwel qari tal-quddiesa tal-ġurnata, meħud mit-tieni Ktieb ta’ Samwel, li jirrakkonta dan it-tradiment kbir u l-konsegwenzi tiegħu. David għandu qalbu sewda għax anke l-poplu kien iżomm ma’ ibnu u kontra r-re. Hu jħoss li qisu dan ibnu huwa mejjet. Iżda x’inhi r-reazzjoni ta’ David quddiem dan it-tradiment ta’ ibnu?
Il-Qdusija Tiegħu indika tliet atteġġjamenti.
L-ewwelnett David, bniedem li jiggverna, iħares lejn ir-realtà kif inhi u jaf li din il-gwerra kellha tkun iebsa ħafna u li kienet se tħalli bosta vittmi. Imbagħad jagħżel li ma jħallix lill-poplu tiegħu jmut. Hu, osserva l-Papa, seta’ jitqabad f’Ġerusalemm kontra l-qawwiet ta’ ibnu, iżda jagħżel li Ġerusalemm m’għandhiex tinqered.
Dan hu l-ewwel atteġġjament: biex jiddefendi ruħu David ma jinqediex la b’Alla u lanqas bil-poplu tiegħu. Dan ifisser l-imħabba li kellu r-re lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu. Re midneb, nafuha l-istorja, imma re li b’din l-imħabba kbira tiegħu kien tant marbut ma’ Alla tiegħu u mal-poplu tiegħu u biex jiddefendi ruħu la juża lil Alla u lanqas lill-poplu.
Fil-waqtiet koroh tal-ħajja jista’ jiġri li, fid-disperazzjoni, bniedem ifittex jiddefendi ruħu kif jista’ u anke juża lil Alla u lin-nies. Imma għal David le. L-ewwel atteġġjament tiegħu hu li ma jużax la lil Alla u lanqas lill-poplu. Allura David jagħżel li jaħrab.
It-tieni atteġġjament tiegħu hu wieħed ‘penitenzjali’. Jitla’ fuq il-muntanja jibki, jimxi ħafi, b’rasu mgħottija. U kull min kien miegħu kellu rasu mgħottija u mal-mixi kien qed jibki. Din hi verament mixja penitenzjali. Forsi, irrifletta l-Papa, f’qalbu ħaseb dwar tant affarijiet koroh, tant dnubiet li kien għamel: ħaseb li ma kienx xi bniedem innoċenti. Jaħseb ukoll li mhux sew li ibnu jittradih imma jifhem ukoll li hu mhux xi qaddis u għalhekk jagħżel il-penitenza.
Dil-mixja għat-telgħa, fuq il-muntanja, tfakkarna f’telgħa oħra li għamel Ġesù, anke Hu f’waqt ta’ tbatija u ħafi tiela’ l-muntanja mgħobbi bis-salib, b’dan l-atteġġjament penitenzjali. David jaċċetta li jinsab fil-luttu u jibki. Kull meta tiġrilna xi ħaġa hekk fil-ħajja tagħna dejjem infittxu – dan hu istint tagħna – li niġġustifikaw ruħna. David ma jiġġustifikax ruħu, hu realista. Jipprova jsalva l-Arka ta’ Alla u l-poplu tiegħu u jagħmel il-penitenza tul dik it-triq. Hu bniedem kbir: midneb kbir u wkoll qaddis kbir. Kif jistgħu jgħammru flimkien dawn iż-żewġ affarijiet… jafu biss Alla!
U tul il-mixja, żied il-Papa, jidher persunaġġ ieħor: Simej, li beda jitfa’ l-ġebel lil David u lill-qaddejja tiegħu. Huwa għadu li beda jisħet lil David. Wieħed mill-ħbieb tar-re afferma, għalhekk, li jrid joqtol lil dan il-‘misħut’, lil dan il-‘kelb mejjet’. Imma David iwaqqfu: minflok il-vendetta kontra dawn l-insulti kollha, jagħżel li jafda ruħu f’idejn Alla. Anzi jgħid lill-qaddejja biex iħallu lil Simej jisħet, għax hekk ordnalu l-Mulej. U jżid jgħid ir-re David: ‘Hu jaf dejjem dak li jsir, hu l-Mulej li qed jippermetti dan.’
David ikompli jaħseb: ‘Forsi l-Mulej jara n-niket tiegħi u jroddli b’ġid is-saħta tallum.’ It-tielet atteġġjament hu għalhekk il-fiduċja fil-Mulej. L-imġiba ta’ David, iċċara l-Papa, tista’ tgħin lilna wkoll għax fil-ħajja aħna lkoll ngħaddu minn waqtiet ta’ dlam u prova.
Hekk hu allura, it-tliet atteġġjamenti ta’ David: ma ninnegozjawx lil Alla u l-appartenenza tagħna; naċċettaw il-penitenza u nibku fuq l-iżbalji tagħna, u fl-aħħar, ma nfittxux li nieħdu l-ġustizzja f’idejna imma nafdaw f’Alla.
Hu sabiħ nisimgħu dan u naraw dawn it-tliet atteġġjamenti: bniedem li jħobb lil Alla, li jħobb lill-poplu tiegħu u ma jinnegozjahx; bniedem li jagħraf lilu nnifsu bħala midneb u jagħmel il-penitenza; bniedem li hu żgur minn Alla tiegħu u jintelaq f’idejH.
David hu qaddis u aħna nqimuh bħala qaddis. Nitolbuh jgħallimna dawn l-atteġġjamenti fil-waqtiet mudlama ta’ ħajjitna, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta