Il-Ħamis, 20 ta’ Marzu 2014: Il-bniedem li jafda fih innifsu, fil-ġid tiegħu jew fl-ideoloġiji, hu ddestinat li jkun infeliċi. Min, minflok, jafda fil-Mulej, jagħti l-frott anke fi żmien in-nixfa. Hekk qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
Misħut il-bniedem li jafda fil-bniedem, il-bniedem li jafda fih innifsu: ikun qisu ‘tamarisk fi steppa’, ikkundannat li jinxef u jibqa’ mingħajr ma jagħti frott, jew biex imut. Il-Papa beda r-riflessjoni mill-ewwel qari li, minflok, jgħid hekk: ‘Imbierek il-bniedem li jafda fil-Mulej, ikun bħal siġra mħawla ħdejn l-ilma li fi żmien in-nixfa ma tiqafx tagħti l-frott.’
Hu biss fil-Mulej, afferma l-Papa Franġisku, li l-fiduċja tagħna tkun fiċ-ċert. Fiduċja f’affarijiet oħra ma tiswa xejn, ma ssalvaniex, ma ttiniex ħajja, ma ttiniex ferħ. U minkejja li dan nafuh, nibqgħu nafdaw fina nfusna, f’dak il-ħabib jew f’dik is-sitwazzjoni tajba li ninsabu fiha, jew f’dik l-ideoloġija. U l-Mulej jibqa’ ftit jew wisq fil-ġenb.
B’hekk il-bniedem jingħalaq fih innifsu, mingħajr xefaq, mingħajr bibien miftuħa, mingħajr twieqi, u ma jkollux is-salvazzjoni, ma jistax isalva lilu nnifsu. Dan jiġrilu l-għani tal-Evanġelju, spjega l-Papa. Kellu kollox: kien jilbes il-propra, jiekol kuljum, jagħmel ikliet kbar. Kien ferm kuntent imma ma kienx jinduna li fil-bieb tad-dar tiegħu kien hemm fqir mimli pjagi. Il-Papa enfasizza li l-Evanġelju jsemmi l-isem tal-fqir – kien jismu Lazzru – filwaqt li s-sinjur jibqa’ mingħajr isem.
Din hija l-akbar saħta ta’ min jafda fih innifsu jew f’kemm jiflaħ, fil-possibiltajiet tal-bnedmin u mhux ta’ Alla: jitlef ismu. X’jismek? Jisimni dak il-kont fil-bank, fit-tali bank. X’jismek? Tant proprjetà, tant vilel, tant affarijiet… X’jismek? L-affarijiet li għandna, l-idoli. U inti tafda f’dak, u dak hu bniedem misħut.
Ilkoll għandna din id-dgħufija, din il-fraġilità – afferma l-Papa – li nqiegħdu t-tamiet tagħna fina nfusna jew fil-ħbieb jew fil-ħiliet umani biss u ninsew lill-Mulej. Dan iqegħidna fit-triq tal-infeliċità.
Illum, f’dal-jum tar-Randan, jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: fejn qiegħed inpoġġi l-fiduċja tiegħi? Fil-Mulej, jew jien pagan li nafda fil-ħwejjeġ tad-dinja, fl-idoli li għamilt għalija nnifsi? U mill-ġdid: Għandi isem jew bdejt nitlef ismi u issa jisimni ‘jien’? Jien… jiena, miegħi, għalija, jiena biss? Għalija, għalija… dejjem dak l- egoiżmu: ‘jien’. Dan ma jagħtiniex is-salvazzjoni. Imma fl-aħħar mill-aħħar, osserva l-Papa, hemm bieb li jagħti t-tama lil dawk li jafdaw fihom infushom u li tilfu isimhom.
Fl-aħħar mill-aħħar dejjem hemm possibiltà. U dar-raġel, meta nduna li tilef ismu, kien tilef kollox – kollox – jgħolli għajnejh u jgħid kelma waħda: ‘Missier’. It-tweġiba ta’ Alla hija wkoll kelma waħda: ‘Ibni’. Jekk fil-ħajja, xi wħud minna jkollna tant fiduċja fil-bniedem jew fina nfusna, nispiċċaw biex nitilfu isimna, nitilfu d-dinjità, imma jibqa’ dejjem il-possibiltà li ngħidu din il-kelma, li tmur lil hinn mill-maġija, ħafna aktar ’il bogħod u aktar qawwija: ‘Missier’.
Hu dejjem jistenniena biex jiftħilna bieb li aħna ma nkunux qed narawh u jgħidilna: ‘Ibni’. Nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex lilna lkoll itina l-għerf li nagħrfu nafdaw fiH biss: mhux fl-affarijiet, fil-ħiliet tal-bniedem, imma fiH biss, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta