Il-Ġimgħa, 21 ta’ Marzu 2014: Biex ma ‘noqtlux’ fi qlubna l-Kelma t’Alla hemm bżonn li nkunu umli u jkollna ħila nitolbu. Waqt li kien qed jikkummenta l-Evanġelju tallum fil-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku indika dawn iż-żewġ atteġġjamenti bħala stil ta’ ħajja nisranija.
Jekk in-Nisrani ma jkunx umli u ma jitlobx, jista’ jagħmel tiegħu l-Kelma t’Alla u jinterpretaha kif jaqbel lilu. L-ispunt biex inħarsu lilna nfusna minn din it-theddida l-Papa Franġisku ħadu mill-Evanġelju tallum li fih Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli li l-ewwel joqtlu lill-qaddejja u fl-aħħar joqtlu wkoll lil iben sid l-għalqa tad-dwieli bil-ħsieb li jkunu huma l-werrieta.
Jisimgħu din il-parabbola kien hemm il-fariżej, ix-xjuħ, is-saċerdoti, u Ġesù, qal il-Papa, jindirizza lilhom biex ifehemhom f’liema abbiss kienu waqgħu għax qalbhom ma kinitx miftuħa għall-Kelma t’Alla.
Dan hu d-dramm ta’ dawn in-nies, qal Franġisku, u dan hu d-dramm tagħna wkoll! Il-Kelma t’Alla huma għamluha tagħhom. B’hekk il-Kelma t’Alla saret kelmthom, kelma li taqdi l-interessi tagħhom, l-ideoloġiji tagħhom, it-teoloġija tagħhom… imma kelma għas-servizz tagħhom. U kulħadd jinterpretaha skont kif jidhirlu, skont l-interessi personali. Dan hu d-dramm ta’ dan il-poplu. U biex jiddefendu dan, joqtlu. Hekk ġralu Ġesù.
Il-kapijiet tas-saċerdoti u tal-fariżej, kompla l-Papa Franġisku, fehmu li kien qed jitkellem dwarhom meta semgħu din il-parabbola ta’ Ġesù. Ippruvaw jaqbduh biex joqtluh. B’hekk, afferma l-Papa, il-Kelma t’Alla tmut, issir priġuniera, l-Ispirtu s-Santu jingħalaq fil-gaġġa tax-xewqat ta’ kull wieħed minnhom. U dan hu eżattament dak li jiġri lilna, osserva l-Qdusija Tiegħu, meta ma nkunux miftuħin għan-novità tal-Kelma t’Alla, meta ma nobdux il-Kelma t’Alla.
Imma hemm frażi li tagħtina t-tama. Il-Kelma t’Alla hi mejta fil-qalb ta’ dawn in-nies u tista’ tmut ukoll fi qlubna! Imma ma tintemmx għax hi ħajja fil-qalb ta’ min hu sempliċi, tal-umli, tal-poplu t’Alla. Kienu qed jippruvaw jaqbduh, imma beżgħu mill-folla tal-poplu t’Alla li kien iqisu bħala profeta. Dik il-folla sempliċi – li kienet tmur wara Ġesù għax dak li kien jgħid Ġesù kien jagħmlilhom tajjeb għall-qalb tagħhom, kien iħeġġilhom qlubhom – dawn in-nies ma kinux żbaljaw: ma kinux jużaw il-Kelma t’Alla għall-interessi tagħhom; kienu jisimgħu u jemmnu, kienu jfittxu li jkunu aktar tajbin.
U aħna, staqsa fl-aħħar il-Papa, x’nistgħu nagħmlu biex ma noqtlux il-Kelma t’Alla, biex inkunu doċli, biex ma nagħlqux lill-Ispirtu s-Santu f’gaġġa? Żewġ affarijiet sempliċi, wieġeb lilu nnifsu.
Dan hu l-atteġġjament ta’ min irid jisma’ l-Kelma t’Alla: l-ewwel l-umiltà, it-tieni t-talb. Dawn in-nies ma kinux jitolbu. Ma kellhomx bżonn jitolbu. Kienu jħossuhom ċerti minnhom infushom, kienu jħossuhom qawwija, kienu jħossuhom ‘allat’.
Umiltà u talb: bl-umiltà u bit-talb nimxu ‘l quddiem biex nisimgħu l-Kelma t’Alla u nobduha. Umiltà u talb fil-Knisja. B’hekk ma jiġrilniex dak li ġara lil dawn in-nies: ma noqtlux biex niddefendu l-Kelma t’Alla, il-Kelma li aħna nemmnu li hi l-Kelma t’Alla, illi nagħmluha kelma li nibdluha biex taqdi lilna.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta