Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa Franġisku beka minħabba l-insara li sfaw imsallbin fis-Sirja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju 2014: Il-Papa Franġisku beka minħabba l-Insara li sfaw imsallbin fis-Sirja.  Dan qalu dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta hu u jfakkar dak li ġara f’pajjiż mhux nisrani.   Franġisku kien qed jikkummenta dwar il-qari mill-Atti tal-Appostli li jirrakkonta li l-Appostli kienu ġew imsawta mis-Sanhedrin. Il-Papa nnota li anke fid-dinja tallum għad hawn min jaħseb li hu ‘awtorità fuq il-kuxjenza’ u f’ċerti pajjiżi għadek tista’ tispiċċa l-ħabs għax għandek kopja tal-Bibbja jew tilbes salib.

Is-swat mis-Sanhedrin għall-Papa Franġisku fisser tliet ikoni.  L-ewwel ikona hija l-imħabba ta’ Ġesù għall-poplu tiegħu, l-attenzjoni tiegħu għall-problemi tal-poplu.  Il-Mulej ma joqgħodx jgħodd in-numru ta’ nies li jimxu warajh, qatt ma jgħaddilu minn moħħu li jagħmel ċensiment biex jara jekk il-Knisja kibritx… le!  Hu jipprietka, iħobb, jakkumpanja, jimxi fil-mogħdijiet mal-bniedem, bil-manswetudni u bl-umiltà.  Hu jitkellem bl-awtorità, jiġifieri bis-setgħa tal-imħabba.

It-tieni ikona hija l-għira tal-awtoritajiet reliġjużi ta’ dak iż-żmien.  Ma setgħux iniżżluha li n-nies jimxu wara Ġesù! Ma setgħux jaċċettawha! Kienu għajjurin.  Din hi attitudni ħażina għall-aħħar.  Il-ġelożija, l-għira… u aħna nafu li missier l-għira hu x-xitan.  Kien minħabba l-għira tiegħu li daħal il-ħażen fid-dinja.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li dawk in-nies kienu jafu min kien Ġesù: kienu jafu sew!  Kienu l-istess nies li ħallsu lill-għassiesa biex jgħidu li d-dixxipli kienu serqu l-ġisem ta’ Ġesù!  Kienu ħallsu biex isikktu l-verità.

Kultant, il-ħażen f’ċerti nies jista’ jkun estrem!  Għax meta nħallsu biex naħbu l-verità nkunu qed inwettqu ħażen morali kbir.  U kien għalhekk li n-nies kienu jafuhom sewwa u ma kinux imorru warajhom.  Imma l-poplu kellu jittollerahom għax kienu nies ta’ awtorità: l-awtorità tal-kult, l-awtorità tad-dixxiplina ekkleżjali ta’ żmienhom, l-awtorità fuq il-poplu…  u l-poplu kellu jaċċettahom.

Ġesù kien qal li huma kienu jgħabbu lill-poplu b’piżijiet kbar u kienu jġagħluh iġorr it-tagħbija fuq spallejh.  Dawn in-nies ma setgħux iġerrħu l-manswetudni ta’ Ġesù, ma setgħux jaċċettaw il-manswetudni tal-Evanġelju. U minħabba l-għira u minħabba l-mibegħda jħallsu l-flus.

Waqt il-laqgħa tas-Sinedriju kien hemm raġel għaref, Gamaljel, li talab lill-mexxejja reliġjużi biex jeħilsu lill-Appostli.  B’hekk, kompla l-Papa, naraw l-ewwel żewġ ikoni: Ġesù li jħossu mqanqal għax jara lill-poplu mingħajr ragħaj u l-awtoritajiet reliġjużi…

Dawn, bil-manuvri politiċi tagħhom, ikomplu jiddominaw fuq il-poplu.  Għalhekk iġibu lill-Appostli quddiemhom, wara li dar-raġel għaref kien tkellem, isawtuhom u jordnawlhom biex ma jitkellmux f’isem Ġesù.  Imbagħad ħelsuhom.  ‘Jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa, insawtuhom waħda sew u nibagħtuhom ’il hemm!’  Inġustizzja, imma xorta waħda għamluha.  Huma kienu ‘l-imgħallmin tal-kuxjenza’ u dehrilhom li kellhom is-setgħa li jagħmlu dak li għamlu.   Imgħallmin tal-kuxjenza…  kemm hawn minnhom fid-dinja tallum ukoll!

F’dal-punt il-Papa qal: Bkejt meta rajt ir-rapport tal-Insara li sfaw imsallbin f’ċertu pajjiż li mhux nisrani.  Sal-lum, kompla josserva, hemm nies li joqtlu u jippersegwitaw f’isem Alla.  Għadna sal-lum naraw ħafna li, bħall-Appostli, jifirħu li jsofru l-umiljazzjonijiet f’isem Kristu.  Din hi t-tielet ikona tallum: il-ferħ tax-xhieda.

L-ewwel ikona: Ġesù man-nies, imħabbtu, it-triq li għallimna li għandna nimxu fiha.  It-tieni ikona: l-ipokrisija ta’ dawn il-mexxejja reliġjużi tal-poplu, li kienu jħallu lill-poplu mjassar bil-ħafna kmandamenti, b’din il-legalità kiesħa u iebsa, u li kienu wkoll ħallsu biex jaħbu l-verità.  It-tielet ikona hija l-ferħ tal-martri Nsara, il-ferħ li ħassew tant ħutna tul l-istorja, dan il-ferħ li bih huma ngħaddu mal-bosta li kienu denji li jsofru d-diżunur f’isem Kristu.   U llum għad hawn ħafna minnhom! Aħsbu ftit kif f’xi pajjiżi, tista’ tispiċċa l-ħabs għax ikollok il-Bibbja fuqek; jew ma tistax tilbes salib għax teħel multa.  Imma l-qalb tithenna.

It-tliet ikoni: inħarsu lejhom illum.  Din hi parti mill-istorja tas-salvazzjoni tagħna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d bloggers like this: