Il-Fehma

Print Friendly, PDF & Email

2. Katekeżi dwar id-Doni tal-Ispirtu s-Santu mill-Papa Franġisku. 30 t’April 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Wara li ħarisna lejn l-għerf, l-ewwel wieħed mis-seba’ doni ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-lum nixtieq nixħet l-attenzjoni tiegħi fuq it-tieni don, jiġifieri dak tal-fehma. Hawn m’aħniex nitkellmu dwar l-intelliġenza umana, il-ħila intellettwali li biha nistgħu nkunu mżejna ftit jew ħafna. Imma din hi grazzja li l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jagħti u li żżejjen lin-Nisrani bil-ħila li jmur lil hemm mill-aspett estern tar-realtà u jgħarbel sa fil-qiegħ tal-ħsieb ta’ Alla u tal-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni.

L-Appostlu Pawlu, meta jindirizza lill-komunità ta’ Korintu, ifisser tajjeb x’inhuma l-effetti ta’ dan id-don – jiġifieri xi jħalli fina d-don tal-fehma –, u Pawlu jgħid hekk: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh. Alla rrivelahulna permezz ta’ l-Ispirtu” (1 Kor 2:9-10). Ovvjament dan ma jfissirx li n-Nisrani jista’ jifhem kull ħaġa u jkollu għarfien sħiħ tal-pjanijiet ta’ Alla: dan kollu jibqa’ jistenna li jidher bl-iżjed mod ċar meta nsibu ruħna quddiem it-tron ta’ Alla u nkunu tabilħaqq ħaġa waħda miegħU. Imma, kif tissuġġerixxi l-istess kelma, il-fehma – jew intellett – tippermettilna li “intus legere”, jiġifieri li “naqraw dak li hemm ġewwa”: dan id-don jgħinna nifhmu l-ħwejjeġ kif jifhimhom Alla, bl-intelliġenza ta’ Alla. Għax wieħed jista’ jifhem sitwazzjoni bl-intelliġenza umana, bi prudenza, u jagħmel tajjeb. Imma li tifhem sitwazzjoni b’mod profond, kif jifhimha Alla, hu l-effett ta’ dan id-don. U Ġesù ried jibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu biex aħna jkollna dan id-don, biex ilkoll kemm aħna nistgħu nifhmu l-ħwejjeġ kif jifhimhom Alla, bl-intelliġenza ta’ Alla. Hu rigal sabiħ li l-Mulej għamlilna lkoll. Hu d-don li bih l-Ispirtu s-Santu jdaħħalna fl-intimità ma’ Alla u jagħtina sehem fil-pjan ta’ mħabba li Hu għandu magħna.

Allura hu ċar li d-don tal-fehma hu strettament marbut mal-fidi. Meta l-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-qalb tagħna u jdawlilna moħħna, jgħinna nikbru jum wara l-ieħor fl-għarfien ta’ dak li l-Mulej qal u għamel. L-istess Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu u Hu jfissrilkom dak kollu li għallimtkom jien. Nifhmu t-tagħlim ta’ Ġesù, nifhmu l-Kelma tiegħu, nifhmu l-Vanġelu, nifhmu l-Kelma ta’ Alla. Wieħed jista’ jaqra l-Vanġelu u jifhem xi ħaġa, imma jekk aħna naqraw il-Vanġelu b’dan id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, nistgħu nifhmu l-profondità tal-kliem ta’ Alla. U dan hu don kbir, don kbir li lkoll kemm aħna għandna nitolbuh u nitolbuh flimkien: Agħtina, Mulej, id-don tal-fehma.

Hemm ġrajja mill-Vanġelu ta’ Luqa li tesprimi tajjeb ħafna l-profondità u l-qawwa ta’ dan id-don. Wara li raw il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib u d-difna tiegħu, żewġ dixxipli tiegħu, delużi u qalbhom maqsuma, iħallu Ġerusalemm u jerġgħu lura lejn ir-raħal tagħhom jismu Għemmaws. Huma u mexjin fit-triq, Kristu Rxoxt jersaq lejhom u jibda jitkellem magħhom, imma għajnejhom, mgħottija mid-diqa u d-disperazzjoni, ma jistgħux jagħrfuh. Ġesù jimxi magħhom, imma huma tant huma mnikkta, tant qalbhom maqtugħa, li jibqgħu ma jagħrfuhx. Imma meta l-Mulej fissrilhom l-Iskrittura, biex jifhmu li Hu kellu jbati u jmut ħalli mbagħad jerġa’ jqum, moħħhom infetaħ u fi qlubhom tkebbset mill-ġdid it-tama (ara Lq 24:13-27). U dan hu li jagħmel magħna l-Ispirtu s-Santu: jiftħilna moħħna, jiftħilna qlabna biex nistgħu nifhmu aħjar, biex nifhmu aħjar il-ħwejjeġ ta’ Alla, il-ħwejjeġ tal-bniedem, is-sitwazzjonijiet, il-ħwejjeġ kollha. Hu importanti d-don tal-fehma għall-ħajja Nisranija tagħna. Nitolbuh lill-Mulej, biex jagħtina, biex jagħti lilna lkoll dan id-don ħalli nifhmu, kif jifhem Hu, il-ħwejjeġ li jiġru u biex, fuq kollox, nifhmu l-Kelma ta’ Alla fil-Vanġelu. Grazzi.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading