Il-Knisja  mhix istituzzjoni riġida: il-Knisja hija ħielsa


Il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju 2014: Il-Knisja mhix istituzzjoni riġida: il-Knisja hija ħielsa.  Hekk qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Fl-omelija, il-Papa għamel twissija dwar tliet gruppi ta’ nies li jippretendu li huma Nsara u sejħilhom l-‘uniformisti’, l-‘alternattivisti’ u l-‘vantaġġisti’.  Għal dawn in-nies, osserva l-Papa, il-Knisja mhix darhom imma qegħdin fiha b’kera.

Ġesù jitlob għall-Knisja u jitlob lill-Missier biex fost id-dixxipli tiegħu ma jkunx hemm firdiet jew ġlied.  Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-Evanġelju tal-ġurnata biex jitkellem dwar l-għaqda fi ħdan il-Knisja.

Hemm ħafna, osserva l-Papa, li jgħidu li huma fil-Knisja imma qegħdin b’sieq waħda fiha u l-oħra għadha ma daħlitx.  B’hekk jidhrilhom li jistgħu jkunu fiż-‘żewġ postijiet’:  ġewwa u barra.  Għal dawn in-nies, wissa l-Papa Franġisku, il-Knisja mhix darhom, ma jħossuhiex tagħhom. Għal dawn il-Knisja qegħda għandhom b’kera.  Hemm gruppi li ‘jikru’ lill-Knisja, imma ma jqisuhiex bħala darhom.

Il-Papa qasam lil dawn in-nies fi tliet gruppi ta’ Nsara: dawk li jridu li fil-Knisja kulħadd ikun l-istess.  B’logħob bil-kliem, qal b’daħka l-Papa, nistgħu nsejħulhom ‘uniformisti’.

L-uniformità, ir-riġidità.  Huma ibsin!  M’għandhomx dik il-libertà li jagħti l-Ispirtu s-Santu.  U jħawdu dak li  għallem Ġesù fl-Evanġelju mad-duttrina tagħhom, id-duttrina tal-ugwaljanza.  Ġesù qatt ma ried li l-Knisja tiegħu tkun daqshekk riġida.  Qatt!  Minħabba l-atteġġjamenti tagħhom, dawn in-nies ma jidħlux fil-Knisja.  Jgħidu li huma Nsara, Kattoliċi, imma l-atteġġjamenti riġidi tagħhom ibegħduhom mill-Knisja.

Grupp ieħor, kompla l-Papa, hu magħmul minn dawk li dejjem għandhom l-idea tagħhom, li ma jridux li tkun bħal dik tal-Knisja, għandhom alternattiva. Dawn huma l-‘alternattivisti’.

Jien nidħol fil-Knisja imma b’din l-idea, b’din l-ideoloġija.  B’hekk huma ma jkunux jiffurmaw parti sħiħa mill-Knisja. Anke dawn għandhom sieq waħda barra.  Anke għal dawn il-Knisja mhix darhom, mhix tagħhom.  Sa ċertu punt huma kerrejja fil-Knisja.  Fil-bidu tal-evanġelizzazzjoni wkoll kien hemm minn dawn.  Naħsbu ftit fl-injostiċi li l-Appostlu  Ġwanni jsawwat bil-goff.  Jgħidu , ‘Iva,… iva, aħna Kattoliċi imma b’dawn l-ideat.’  Bl-alternattiva.  Ma jaqsmux mal-Knisja dak is-sens li jħossuha tagħhom.

U t-tielet grupp, kompla jgħid, hu magħmul minn dawk li jgħidu li huma Nsara imma ma jidħlux fil-Knisja minn qalbhom.  Huma l-‘vantaġġisti’, dawk li jfittxu l-vantaġġi u…  Imorru l-Knisja imma għall-vantaġġ personali, u jispiċċaw biex jibdew jagħmlu n-negozju fil-Knisja.

Dawn in-‘negozjanti’ nafuhom tajjeb!  Anke dawn kienu jeżistu sa mill-bidu.  Niftakru fi Xmun is-Saħħar, naħsbu f’Ananija u f’Safira.  Dawn kienu japprofittaw ruħhom mill-Knisja għall-interessi tagħhom.  U lil dawn rajniehom fil-komunitajiet parrokkjali jew djoċesani, fil-kongregazzjonijiet reliġjużi, fost il-benefatturi tal-Knisja.  Hemm tant minnhom, eh?  Jiddandnu li huma benefatturi tal-Knisja u, minn wara l-mejda, ikunu qed imexxu l-interessi tagħhom.  Dawn ukoll ma jħossux il-Knisja bħala omm, bħala tagħhom.  Ġesù jgħid: ‘Le, il-Knisja mhix riġida;  hija waħda, unika: il-Knisja hi libera!’

Fil-Knisja, kompla jirrifletti l-Papa, hemm tant kariżmi: hemm diversità kbira ta’ persuni u ta’ doni tal-Ispirtu s-Santu!  Il-Mulej jgħidilna, kompla Franġisku: ‘Jekk trid tidħol fil-Knisja, agħmel hekk għall-imħabba, biex tagħti qalbek u mhux biex tinnegozja għall-qliegħ tiegħek.’  Il-Knisja, irrimarka Franġisku, mhix dar għall-kiri; il-Knisja hija dar biex tgħix fiha, u tqisha bħala ommok.

Il-Papa jifhem li dan mhux faċli għax it-tentazzjonijiet huma kbar.  Imma, l-għaqda tal-Knisja, l-għaqda fid-diversità, fil-libertà u fil-ġenerożità, jagħtiha biss l-Ispirtu s-Santu.  Dan hu x-xogħol tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu, żied jgħid, inissel l-armonija fil-Knisja.  L-għaqda tal-Knisja hija l-armonija.

Ilkoll – kompla josserva l-Papa – aħna differenti; m’aħniex l-istess, għall-grazzja t’Alla, inkella nkunu fl-infern!  Ilkoll kemm aħna msejħin biex inkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu.  Proprju din id-doċilità hija l-virtù li teħlisna milli nkunu riġidi, milli nkunu ‘alternattivisti’, milli nkunu  ‘vantaġġisti’ jew negozjanti fil-Knisja: id-doċilità għall-Ispirtu s-Santu.  Hija proprju din id-doċilità li tittrasforma lill-Knisja u minn dar tal-kiri tagħmilna bnedmin li jħossuha d-dar tagħhom.

Jalla l-Mulej, temm il-Qdusija Tiegħu, jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu u jalla dan inissel l-armonija fil-komunitajiet tagħna – fil-komunitajiet parrokkjali, fil-komunitajiet djoċesani, fil-komunitajiet tal-movimenti .  Jalla jkun l-Ispirtu li jnissel din l-armonija għax, kif kien jgħid wieħed mis-Santi Padri tal-Knisja, l-Ispirtu nnifsu huwa l-armonija.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta