Rgħajja, aktar milli studjużi, li ma jinsew qatt lil Kristu l-ewwel imħabba tagħhom 

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Ġunju 2014: Rgħajja, aktar milli studjużi, li ma jinsew qatt lil Kristu l-ewwel imħabba tagħhom, u jibqgħu dejjem jimxu warajH.   Dan hu r-ritratt tal-irġiel kollha kkonsagrati lil Alla bis-saċerdozju li għamel il-Papa dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Kif inhi l-ewwel imħabba tiegħek?  Jiġifieri, għadni nnamrat minnek bħall-ewwel jum li ltqajt  miegħek?  Inħossni hieni miegħek jew qed ninjorak?  Dawn huma mistoqsijiet universali li rridu nistaqsu lilna nfusna ta’ spiss.  Mhux biss il-miżżewġin lil xulxin imma anke s-saċerdoti u l-isqfijiet quddiem Ġesù.  Għaliex Hu, afferma l-Papa, jistaqsina bħalma jum wieħed staqsa lil Pietru:  ‘Xmun, bin Ġwanni, tħobbni int?’

Il-Papa beda l-omelija minn dan id-djalogu li nsibu fl-Evanġelju tallum, li fih naqraw li għal tliet darbiet, Kristu jistaqsi lil dak li kien l-ewwel wieħed fost l-Appostli, jekk iħobbux, b’mod li b’hekk iressqu lejn ‘l-ewwel imħabba’.  Din hi l-mistoqsija li nagħmel lili nnifsi, lil ħuti l-isqfijiet u lis-saċerdoti: Kif inhi l-imħabba llum, dik lejn Ġesù?  Għadha bħalma kienet fil-bidu?  Għadni bin-namra tal-ewwel jiem?  Jew inkella x-xogħol, il-preokkupazzjonijiet qegħdin ftit jew wisq jaljenawni fuq ħwejjeġ oħra u ninsa xi ftit din l-imħabba?  Il-miżżewġin jitlewmu – jitlewmu: dak hu normali – imma meta ma jkunx hemm imħabba, minflok it-tilwim jidħol it-tifrik.

Qatt m’għandna ninsew l-ewwel imħabba, qatt, tenna l-Papa Franġisku, li żied jenfasizza tliet aspetti oħra li wieħed irid iżomm f’moħħu fir-relazzjoni ta’ djalogu ta’ saċerdot ma’ Ġesù.  Li qabel kollox – qabel l-istudju, qabel ma wieħed jaspira li jsir intellettwali tal-filosofija jew tat-teoloġija jew tal-patroloġija – ikun ragħaj, l-istess kif Ġesù ħeġġeġ lil Pietru: ‘Itma’ n-nagħaġ tiegħi.’  Il-bqija jiġi wara, sostna l-Papa.

Itma’.  Bit-teoloġija, bil-filosofija, bil-patroloġija, b’dak kollu li tistudja, imma itma’… kun ragħaj.  Għax il-Mulej għal dan sejħilna.  It-tqegħid ta’ jdejn l-isqof fuq rasna kien biex inkunu rgħajja.

Imbagħad mistoqsija oħra, le?  L-ewwel waħda hi: kif inhi l-ewwel imħabba tiegħi?  It-tieni hi din: Jien ragħaj jew impjegat ta’ din l-organizzazzjoni mhux governattiva li nsejħulha Knisja?  Hemm id-differenza.  Jien ragħaj?  Hija mistoqsija li rrid nistaqsi lili nnifsi.  Iridu jagħmluha l-isqfijiet u anke s-saċerdoti: ilkoll.  Itma’, irgħa, imxi!

Għar-ragħaj ikkonsagrat lil Ġesù m’hemmx glorja jew maestà, osserva l-Papa: le, ħija.  Kollox jintemm b’mod mill-aktar komuni, u anke aktar umiljanti, tant drabi… meta tispiċċa f’qiegħ ta’ sodda, iridu jitimgħuk, ilibbsuk… imma kollox inutli għax int tibqa’ hemm, marid… Id-destin hu li tintemm kif intemm Hu.  Imħabba li tmut bħaż-żerriegħa tal-qamħ biex imbagħad tagħti l-frott.  Imma jien il-frott ma narahx!

Imbagħad hemm ir-raba’ kelma, l-aktar waħda qawwija li biha Ġesù jtemm id-djalogu ma’ Pietru: ‘Imxi warajja.’

Jekk aħna tlifna l-orjentament u ma nafux kif inwieġbu dwar l-imħabba, ma nafux inwieġbu dwar il-fatt li aħna rgħajja, ma nafux inwieġbu u m’għandniex iċ-ċertezza li l-Mulej mhux se jħallina waħedna anke fil-mumenti l-aktar koroh ta’ ħajjitna, fil-mard.  Hu jgħidilna: ‘Imxi warajja.’  Din hi ċ-ċertezza tagħna.  Fuq il-passi ta’ Ġesù.  F’dik it-triq: ‘Imxi warajja!’

Jalla lilna lkoll, saċerdoti u isqfijiet – temm il-Papa Franġisku – il-Mulej itina l-grazzja li nsibu dejjem u niftakru dejjem fl-ewwel imħabba tagħna, li nkunu rgħajja, li ma nistħux li nispiċċaw umiljati f’qiegħ ta’ sodda jew li nitilfu moħħna.  U jalla jtina dejjem il-grazzja li mmorru l-ħin kollu wara Ġesù, fuq il-passi tiegħu: il-grazzja li nimxu warajH.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

 

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading