Il-Papa f’Santa Marta: Il-ħajja nisranija hija sempliċi: nisimgħu l-Kelma t’Alla u nqegħduha fil-prattika


It-Tlieta, 23 ta’ Settembru 2014: Il-ħajja nisranija hija sempliċi: nisimgħu l-Kelma t’Alla u nqegħduha fil-prattika.  Mhux nieqfu biss fil-qari tal-Evanġelju, imma nistaqsu lilna nfusna b’liema mod il-kliem tal-Evanġelju jkellem lil ħajjitna.  Dan qalu dalgħodu l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Kliem Ġesù kien jinstema’ ġdid, daqskemm dehret ġdida l-awtorità ta’ min kien qed jgħidu.  Kliemu kien imiss il-qalb u fih ħafna kienu jħossu l-qawwa tas-salvazzjoni li kien qed iħabbar.  Għalhekk, osserva l-Papa Franġisku, il-folol kienu jiġru wara Ġesù.

Imma kien hemm ukoll min kien jimxi warajh għall-konvenjenza, mingħajr wisq safa tal-qalb, forsi bix-xewqa waħdanija li jkun ftit aktar tajjeb.  Tul dawn l-elfejn sena, osserva Franġisku, dan ix-xenarju ma tantx inbidel wisq.

Anke llum ħafna jisimgħu lil Ġesù bħal dawk id-disa’ lebbrużi tal-Evanġelju li, ferħanin bis-saħħa fiżika li reġgħu kisbu, jinsew lil Ġesù li kien tahielhom lura.  Iżda Ġesù kien ikompli jitkellem u jħobb lin-nies.  Kien iħobb lill-folla tant li jasal biex jgħid: ‘Dawk li jimxu warajja’ – dik il-folla immensa – ‘huma ommi u ħuti.’  Imbagħad jitkellem dwar dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha.

Dawn huma ż-żewġ kundizzjonijiet biex nimxu wara Ġesù: nisimgħu l-Kelma t’Alla u nqegħduha fis-seħħ.  Din hi l-ħajja nisranija, xejn aktar.  Sempliċi, sempliċi.  Forsi aħna għamilnieha ftit aktar iebsa b’ħafna spjegazzjonijiet li ħadd ma jifhem, imma l-ħajja nisranija hekk hi: is-smigħ tal-Kelma t’Alla u li titqiegħed fil-prattika.

Hu għalhekk, kif naraw fis-silta tal-Evanġelju meħuda minn San Luqa, li Ġesù jwieġeb lil min kien qed jgħidlu li l-qraba tiegħu kienu qed ifittxuh: ‘Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha.’

Biex nisimgħu l-Kelma t’Alla, il-Kelma ta’ Ġesù, qal il-Papa, biżżejjed niftħu l-Bibbja, l-Evanġelju.  Imma dawn il-paġni, afferma Franġisku, ma rridux naqrawhom: irridu nisimgħuhom.  Nisimgħu l-Kelma t’Alla jfisser li naqraw u ngħidu lilna nfusna: ‘Imma dan lili xi jrid jgħidli, xi jrid jgħid lil qalbi?  Alla x’qed jgħidli b’dal-kliem?’  U b’hekk ħajjitna tinbidel.

Kull darba li nagħmlu dan – niftħu l-Evanġelju u naqraw silta – nistaqsu lilna nfusna: ‘B’dan Alla qed ikellimni, qed jgħidli xi ħaġa?  U jekk qed jgħidli xi ħaġa, x’qed jgħidli?’  Dan hu s-smigħ tal-Kelma t’Alla, li nisimgħuha b’widnejna u bi qlubna.  Niftħu qlubna għall-Kelma t’Alla.

L-għedewwa ta’ Ġesù kienu jisimgħu l-Kelma tiegħu, imma kienu qribu biex jippruvaw jaqbduh f’xi żball, biex iġegħluh jiżloq u jitlef l-awtorità.  Imma qatt ma kienu jistaqsu lilhom infushom: ‘X’qed jgħidli Alla b’dan il-kliem?’ U Alla ma jkellimx biss lil kulħadd – iva, ikellem lil kulħadd – imma jkellem lil kull wieħed u waħda minna personalment.  L-Evanġelju nkiteb għal kull wieħed u waħda minna.

Ċertament, kompla l-Papa, mhux faċli mbagħad inqiegħdu fis-seħħ dak li nkunu smajna, għax aktar faċli li tgħix bil-kalma mingħajr ma tħabbel rasek minn dak li titlob minnek il-Kelma t’Alla.  It-triq konkreta biex nagħmlu dan huma l-Kmandamenti u l-Beatitudnijiet, fakkar Franġisku.  U norbtu dejjem fuq l-għajnuna li jtina Ġesù anke meta qlubna jisimgħu imma jagħmlu tabirruħhom li mhux qed jifhmu.

Alla hu ħanin, fakkar il-Papa, u jaħfer lil kulħadd, jistenna lil kulħadd għax għandu paċenzja kbira.  Ġesù, temm il-Papa, jilqa’ lil kulħadd, anke lil dawk li jmorru jisimgħu l-Kelma t’Alla imbagħad jittraduha.  Naħsbu f’Ġuda.  ‘Ħabib’ isejjaħlu fil-waqt li Ġuda kien qed jittradih.

Il-Mulej dejjem jiżra’ l-Kelma tiegħu, u jitlob biss qalb miftuħa biex nisimgħuha u rieda tajba biex inqegħduha fis-seħħ.  Għalhekk illum it-talba tagħna għandha tkun dik tas-Salm:  ‘Mexxini Mulej fit-triqat tal-âmar tiegħek’ – jiġifieri fil-mogħdija tal-Kelma tiegħek – ‘u nitolbok biex bit-tmexxija tiegħek nitgħallem inqegħidha fis-seħħ.’

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta