Il-Papa f’Santa Marta: Inħarsu lilna nfusna mill-vanità li tbegħidna  mill-verità u tagħmilna qisna bżieżaq tas-sapun


Il-Ħamis, 25 ta’ Settembru 2014: Inħarsu lilna nfusna mill-vanità li tbegħidna mill-verità u tagħmilna qisna bżieżaq tas-sapun.  Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Il-Papa ħa spunt mill-qari meħud mill-Ktieb ta’ Koħelet u saħaq li anke meta jkunu qed jagħmlu l-ġid, l-Insara jridu jaħarbu t-tentazzjonijiet li jidhru.  Jekk fik m’hemmx xi ħaġa li hija konsistenti, anke int tgħaddi bħalma jgħaddi kollox.  Din is-silta mill-Ktieb ta’ Koħelet tat l-okkażjoni lill-Papa biex jitkellem dwar il-vanità.

Hija tentazzjoni, osserva Franġisku, li mhix limitata biss għall-pagani imma thedded anke lill-Insara, lill-bnedmin ta’ fidi.  Il-Papa fakkar li lil min kien jiftaħar, Ġesù kien iċanfru ħafna.  Lid-dutturi tal-liġi kien jgħidilhom li m’għandhomx joqogħdu jippassiġġaw fil-pjazez bi lbies għani qishom prinċpijiet.

Meta titlob, wissa l-Mulej, jekk jogħġbok agħmel dan fis-satra; titlobx biex jarawk in-nies, itlob fil-moħbi, mur f’kamartek.  L-istess ħaġa tgħodd, żied il-Papa, meta aħna ngħinu lill-foqra.  Iddoqqx trombi, agħmel dan bil-moħbi.  Il-Missier jarah u dan ikun biżżejjed.

Imma l-vanituż jgħid:  ‘Ara jien se nagħti daċ-ċekk għall-ħtiġijiet tal-Knisja,’ u juri ċ-ċekk, imbagħad min-naħa l-oħra jqarraq bil-Knisja.  Il-vanituż jagħmel dan: jgħix biex jidher.

Meta ssum, jgħid il-Mulej, jekk jogħġbok toqgħodx tqarras wiċċek, tidhirx imdejjaq biex kulħadd jinduna bik li qed issum.  Le, sum bil-ferħ, agħmel il-penitenza bil-ferħ biex ħadd ma jinduna.  Il-vanità hekk hi: tgħix biex tidher.

L-Insara li jgħixu hekk, kompla l-Papa, biex jidhru, għall-vanità, ikunu qishom paguni, jiftaħru.  Hemm min jgħid: ‘Jiena Nisrani, jien niġi minn dak il-qassis, minn dik is-soru, minn dak l-isqof, il-familja tiegħi hija familja nisranija.’  Jiftaħru.

Imma, staqsa l-Papa, ħajtek mal-Mulej?  Kif titlob?  Ħajtek u l-opri tal-ħniena kif jimxu flimkien?  Tmur iżżur lill-morda?  Għal din ir-raġuni Ġesù, kompla l-Qdusija Tiegħu, jgħidilna li rridu nibnu darna fuq il-blat, fuq il-verità.  Iżda kien widdeb li l-vanitużi jibnu darhom fuq ir-ramel u dik id-dar taqa’, dik il-ħajja nisranija taqa’, tiżloq għax m’għandhiex ħila tegħleb it-tentazzjonijiet.

Kemm Insara jgħixu biex jidhru, kompla jgħid.  Ħajjithom tidher qisha bużżieqa tas-sapun.  Sabiħa l-bużżieqa tas-sapun, ikollha ħafna kuluri!  Imma ddum sekondi … u wara?  Anke meta nħarsu lejn monumenti funebri, naraw li hija vanità, għax il-verità hi li aħna mmorru lura lejn l-art għerja, kif kien jgħid il-Qaddej t’Alla Pawlu VI.  L-art għerja tistenniena, din hi l-verità finali tagħna.

Sadattant jien qed niftaħar jew qed nagħmel xi ħaġa? Nagħmel il-ġid?  Infittex lil Alla?  Nitlob?  Dawn huma l-ħwejjeġ konsistenti.  Il-vanità hi giddieba, fantasjuża, tinganna lilha nfisha, tinganna lill-vanituż, għax l-ewwel tagħmel tabirruħha li hija xi ħaġa u dak li jkun jibda jaħseb li sar importanti u jibda jemmen dan, miskin!

Dan hu dak li ġara lit-Tetrarka Erodi li, kif jgħidilna l-Evanġelju tallum, kien imaħħaħ il-ħin kollu dwar l-identità ta’ Ġesù.  Il-vanità, qal il-Papa, tiżra’ l-inkwiet, tneħħi l-paċi.  Hija bħal dawk in-nies li jagħmlu l-make-up u mbagħad jibżgħu li x-xita se tneħħilhom dak kollu li jkollhom fuq wiċċhom.  Il-vanità ma tħalliniex fil-paċi.  Il-verità biss ittina l-paċi.

Franġisku mbagħad tenna li l-unika blata li fuqha nistgħu nibnu ħajjitna hi Ġesù.  U niftakru li anke d-demonju lil Ġesù fid-deżert ittantah bil-vanità meta qallu: ‘Ejja miegħi, ejja mmorru fuq it-tempju, ejja nagħmlu show.  Int intefa’ għal isfel u kulħadd jibda jemmen fik.’  Id-demonju kien ippreżenta lil Ġesù l-vanità fuq platt.  Il-vanità, saħaq il-Papa, hija marda spiritwali gravi ħafna.

L-irħib tad-deżert Eġizzjani kienu jgħidu li l-vanità hija tentazzjoni li rridu niġġildulha tul ħajjitna kollha, għax dejjem terġa’ lura lejna biex teħdilna l-verità.  U biex jispjegaw dan kienu jgħidu li qisha basla: int teħodha f’idejk u tibda tqaxxar saff, saff: tneħħi saff vanità llum, ieħor għada u tqatta’ ħajtek tneħħilha saff, saff biex tegħlibha.  U fl-aħħar tħossok kuntent: neħħejt il-vanità, qaxxart il-basla saff, saff, imma f’idejk tibqagħlek ir-riħa.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nkunux vanitużi, li nkunu veri, bil-verità tar-realtà u tal-Evanġelju, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta