Il-Papa f’Santa Marta: Ix-xitan mhux ħrafa, irid ikun miġġieled bl-arma tal-verità

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 30 ta’ Ottubru 2014: Il-ħajja nisranija hija ġlieda kontra x-xitan, id-dinja u l-passjonijiet tal-ġisem.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Hu u jikkummenta l-qari meħud mill-ittra ta’ San Pawl lill-Efesin, il-Papa saħaq għal darb’oħra li x-xitan jeżisti u aħna rridu niġġildulu bl-armatura tal-verità.

Forza u kuraġġ:  Il-Papa Franġisku bena l-omelija fuq il-kliem ta’ San Pawl li, meta kien qed jindirizza lill-Efesin, jesprimi l-ħajja nisranija ‘b’lingwaġġ militari’.  Il-Qdusija Tiegħu qal li rridu niddefendu l-ħajja tagħna f’Alla u jeħtiġilna nissieltu biex immexxuha ’l quddiem. Għalhekk huma meħtieġa l-forza u l-kuraġġ biex nirreżistu u biex inħabbru.  Biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja spiritwali, irridu nissieltu.  Mhux konfront sempliċi, le, imma hija ġlieda kontinwa.

Franġisku fakkar li l-għedewwa tal-ħajja nisranija huma tlieta: id-demonju, id-dinja u l-ġisem, jew aħjar il-passjonijiet tagħna, li huma l-feriti li writna mid-dnub oriġinali.  Ċertament, osserva l-Papa, is-salvazzjoni Ġesù tahielna b’xejn, imma rridu niddefenduha.

Minn min irrid niddefendi ruħi?  X’irrid nagħmel?  Nilbsu l-armatura ta’ Alla, jgħidilna Pawlu, jiġifieri li dak li hu ta’ Alla jiddefendina biex nirreżistu n-nases tax-xitan.  Ċara din?  Ċara?, tenna l-Papa.  Ma nistgħux naħsbu fil-ħajja spiritwali, fil-ħajja nisranija, mingħajr ma nirreżistu t-tentazzjonijiet, mingħajr ma nissieltu max-xitan, mingħajr ma nilbsu din l-armatura ta’ Alla li ttina l-forza u tiddefendina.

San Pawl, kompla jgħid il-Papa, jinsisti li l-battalja tagħna mhix kontra affarijiet żgħar, imma kontra l-prinċipati u l-qawwiet, jiġifieri kontra x-xitan u sħabu.  Imma lil din il-ġenerazzjoni, u anke lil ġenerazzjonijiet oħra, ġegħluhom jemmnu li x-xitan hu ħrafa, figura, idea, l-idea tal-ħażin.  Imma x-xitan jeżisti u aħna rridu niġġieldu kontrieh.  Dan jgħidu Pawlu, mhux qed ngħidu jien, qal Franġisku.  Dan tgħidu l-Kelma t’Alla.  Imma aħna ma tantx aħna konvinti minnu.  U mbagħad Pawlu jgħidilna kif inhi din l-armatura ta’ Alla u liema huma l-armaturi differenti li jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw din l-armatura kbira ta’ Alla.  U jgħid: ‘Kunu sodi għalhekk, imħażżmin bil-verità.’  Din hi l-armatura ta’ Alla: il-verità.

Ix-xitan, kompla l-Papa, huwa l-giddieb, missier il-giddibin, missier il-gideb.  U flimkien ma’ San Pawl irid ikollna ġenbejna mħażżmin bil-verità u nkunu libsin il-kurazza tal-ġustizzja.

Għalhekk, ma nistgħux inkunu Nsara mingħajr ma naħdmu l-ħin kollu biex inkunu ġusti.  Ma nistgħux!  Ħaġa li tkun tista’ tgħinna ħafna hija jekk nistaqsu lilna nfusna jekk nemmnux jew le.  Jiena nemmen xi ftit iva u xi ftit le?  Jien xi ftit tad-dinja u nemmen sa fejn jaqbilli?  Mingħajr il-fidi, qal il-Papa Franġisku, ma nistgħux nimxu ’l quddiem, ma nistgħux niddefendu s-salvazzjoni li ġabilna Ġesù.

Għandna bżonn din il-kurazza ta’ fidi għax ix-xitan ma jixħittx lejna l-fjuri, imma vleġeġ jikwu biex joqtolna.   Għalhekk il-Papa ħeġġiġna biex naqbdu l-elmu tas-salvazzjoni u x-xabla tal-Ispirtu li hija l-Kelma t’Alla u stedinna nitolbu l-ħin kollu, u ngħassu bit-talb u s-suppliki.

Ħajjitna hija milizzja.  Il-ħajja nisranija hija ġlieda, ġlieda sabiħa, għax meta l-Mulej jirbaħ f’kull pass ta’ ħajjitna, jagħtina ferħ kbir: dak il-ferħ li l-Mulej rebaħ fina bis-salvazzjoni gratwita li tana.  Hu minnu li lkoll aħna xi ftit għażżenin fil-ġlieda – mhux veru? – u nħallu l-passjonijiet u t-tentazzjonijiet imexxuna.  Dan għaliex aħna lkoll midinbin, ilkoll!

Imma taqtgħux qalbkom, kuraġġ u forza għax il-Mulej magħna, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading