Il-Ġimgħa, 31 ta’ Ottubru 2014: Fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa tkellem dwar dawk l-Insara li huma tant marbutin mal-liġi li jinsew il-ġustizzja u dwar l-Insara li huma marbutin mal-imħabba li jwasslu l-liġi għall-milja tagħha.
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jistaqsi lill-Fariżej hux sewwa jew le tfejjaq nhar ta’ Sibt, imma huma ma jweġbux. Allura Hu jaqbad raġel marid minn idejh u jfejqu. Il-Papa nnota li meta l-Fariżej sabu l-verità ma’ wiċċhom, baqgħu siekta, imma kienu jseksku minn wara u jfittxu kif jistgħu jwaqqgħuh. Ġesù jċanfar lil dawn in-nies li tant kienu marbutin mal-liġi li kienu nsew il-ġustizzja, tant li kienu jiċħdu l-għajnuna anke lill-ġenituri anzjani bl-iskuża li kienu jkunu taw kollox lit-Tempju.
Imma min hu l-aktar importanti – staqsa l-Papa – ir-raba’ kmandament jew it-Tempju? Dan il-ħarsien strett tal-liġi kien ibegħidhom mill-imħabba u mill-ġustizzja. Kienu jieħdu ħsieb il-liġi u jinjoraw il-ġustizzja. Kienu josservaw il-liġi u jinjoraw l-imħabba.
Kienu mudelli: il-mudelli ta’ żmienhom. Għal dawn in-nies Ġesù kellu kelma waħda: ipokriti. Minn naħa jduru d-dinja biex jagħmlu d-dixxipli, imbagħad jagħlqu l-bieb. Bnedmin tal-għeluq, tant marbutin mal-liġi, mal-irqaqat tal-liġi: mhux mal-liġi li hi l-liġi tal-imħabba, imma mal-irqaqat tal-liġi. Kienu dejjem jagħlqu l-bibien għat-tama, għall-imħabba, għas-salvazzjoni. Nies li ma kienu jafu jagħmlu xejn aktar ħlief jagħlqu l-bibien.
Il-mixja biex inkunu fidili lejn il-liġi mingħajr ma nittraskuraw il-ġustizzja u l-imħabba, kompla jgħid il-Papa Franġisku bi kwotazzjoni mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, hija l-maqlub ta’ dan: mill-imħabba lejn l-integrità; mill-imħabba lejn id-dixxerniment; mill-imħabba lejn il-liġi. Din hi t-triq li jgħallimna Ġesù, li hija għal kollox l-oppost ta’ dik tad-dutturi tal-liġi. Din it-triq mill-imħabba lejn il-ġustizzja tressaqna lejn Alla. Iżda t-triq l-oħra, dik tal-ħarsien tal-liġi waħedha, tal-ħarsien tal-irqaqat tal-liġi, tressaqna lejn l-għeluq, lejn l-egoiżmu.
It-triq li mill-imħabba tieħu lejn l-għarfien u d-dixxerniment, lejn il-milja, tressaqna lejn il-qdusija, lejn is-salvazzjoni, lejn il-laqgħa ma’ Ġesù. Filwaqt li t-triq li tressaqna lejn l-eġoiżmu, lejn is-suppervja, li ġġegħilna nħossuna ġusti, lejn dik il-qdusija tad-dehra biss, mhix it-triq it-tajba, mhux hekk? Lil dawn in-nies Ġesù jgħidilhom: ‘Intom tħobbu tidhru mal-poplu bħala nies ta’ talb, ta’ sawm… imma biex tidhru.’ Tant li lin-nies Ġesù jgħidilhom: ‘Agħmlu dak li jgħidulkom imma mhux dak li jagħmlu huma.’
Dawn huma ż-żewġ toroq, osserva l-Papa. Imbagħad hemm il-ġesti żgħar ta’ Ġesù li jgħinuna nifhmu t-triq tal-imħabba li teħodna lejn l-għarfien u d-dixxerniment. Ġesù jaqbadna minn idejna u jfejjaqna. Ġesù jersaq qribna. Din il-qrubija hija eżattament il-prova li aħna mexjin fit-triq it-tajba, għax hi proprju t-triq li għażel Alla biex isalvana: il-qrubija. Hu resaq qribna, sar bniedem. Il-laħam: il-laħam ta’ Alla huwa s-sinjal tal-ġustizzja vera. Alla li sar bniedem bħalna u aħna li rridu nsiru bħall-oħrajn, bħal min hu fil-bżonn, bħal min jeħtieġ l-għajnuna tagħna. Il-laħam ta’ Ġesù, afferma l-Papa, huwa l-pont li jqarribna lejn Alla… mhux l-irqaqat tal-liġi, le! Fil-laħam ta’ Alla l-liġi ssib il-milja tagħha u huwa laħam li jaf isofri, li ta ħajtu għalina.
Jalla dawn l-eżempji, dawn l-eżempji ta’ qrubija ta’ Ġesù, mill-imħabba lejn il-milja tal-liġi, jgħinuna biex qatt ma naqgħu fl-ipokrisija, temm il-Papa Franġisku. Hu tant ikrah in-Nisrani ipokrita: tant ikrah. Jalla l-Mulej jeħlisna minn dan.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta