Katekeżi Knisja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja realtà viżibbli u spiritwali


12. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 29 t’Ottubru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Fil-katekeżi ta’ qabel stajna nuru kif il-Knisja għandha natura spiritwali: hi l-ġisem ta’ Kristu, mibni fl-Ispirtu s-Santu. Imma meta nirriferu għall-Knisja, ħsiebna dritt imur fuq il-komunitajiet tagħna, il-parroċċi tagħna, id-djoċesijiet tagħna, l-istrutturi li fihom soltu niltaqgħu u, ovvjament, anki fuq il-komponenti u l-figuri l-iżjed istituzzjonali li jżommuha wieqfa, li jmexxuha. Din hi r-realtà viżibbli tal-Knisja. Allura jeħtieġ nistaqsu: dawn huma żewġ affarijiet differenti minn xulxin jew hi l-istess Knisja? U, jekk hi dejjem l-istess Knisja waħda, kif nistgħu nifhmu r-rabta bejn ir-realtà viżibbli tagħha u dik spiritwali?

1. Qabel xejn, meta nitkellmu fuq ir-realtà viżibbli tal-Knisja, ma rridux naħsbu biss fil-Papa, fl-Isqfijiet, fis-saċerdoti, fis-sorijiet u fil-persuni kkonsagrati. Ir-realtà viżibbli tal-Knisja hi magħmula minn tant aħwa mgħammdin li fid-dinja jemmnu, jittamaw u jħobbu. Imma tant drabi nisimgħu min jgħid: “Imma l-Knisja m’hix tagħmel hekk, il-Knisja m’hix tagħmel dik il-ħaġa l-oħra…” – “Imma, għidli ftit, min hi l-Knisja?” – “Huma l-qassisin, l-isqfijiet, il-Papa…” – Il-Knisja hi aħna lkoll, aħna! L-imgħammdin kollha aħna l-Knisja, il-Knisja ta’ Ġesù. Hi magħmula minn dawk kollha li jimxu wara l-Mulej Ġesù u li, f’ismu, jersqu qrib tal-foqra u l-imsejkna li qed ibatu, u jfittxu li joffrulhom ftit tas-serħan, tal-faraġ u tal-paċi. Dawk kollha li jagħmlu dak li l-Mulej ordnalna huma l-Knisja. Allura nifhmu li lanqas ir-realtà viżibbli tal-Knisja ma tista’ titkejjel, ma tista’ tinftiehem fis-sħuħija kollha tagħha: kif nistgħu nagħrfu l-ġid kollu li qed isir? Tant ħidmiet ta’ mħabba, tant fedeltajiet fil-familji, tant xogħol biex jiġu mrawma l-ulied, biex tiġi mgħoddija l-fidi, tant tbatija fil-morda li joffru t-tbatijiet tagħhom lill-Mulej… Dan ma tistax tkejlu u hu kbir ħafna! Kif nistgħu nifhmu l-għeġubijiet kollha li, permezz tagħna, Kristu jirnexxielu jwettaq fil-qalb u fil-ħajja ta’ kull persuna? Araw: anki r-realtà viżibbli tal-Knisja tmur lil hemm mill-kontroll tagħna, tmur lil hemm mill-isforzi tagħna, u hi realtà misterjuża, għax ġejja minn Alla.

2. Biex nifhmu r-rabta, fil-Knisja, ir-rabta bejn ir-realtà viżibbli tagħha u dik spiritwali, m’hemmx triq oħra għajr li nħarsu lejn Kristu, li minnu l-Knisja tibni ġisimha u li minnu hi mnissla, f’att ta’ mħabba bla tmiem. Anki fi Kristu, fil-fatt, bil-qawwa tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, nilmħu natura umana u natura divina, magħqudin fl-istess persuna b’mod ta’ l-għaġeb u indossulibbli. Dan jgħodd bl-istess xebh anki għall-Knisja. U kif fi Kristu n-natura umana toqgħod għal kollox għal dik divina u qiegħda għas-servizz tagħha, biex tista’ titwettaq is-salvazzjoni, hekk iseħħ, fil-Knisja, mir-realtà viżibbli tagħha fil-konfront ta’ dik spiritwali. Anki l-Knisja, mela, hi misteru, li fih dak li ma jidhirx hu iżjed importanti minn dak li jidher, u jista’ jingħaraf biss bl-għajnejn tal-fidi (ara Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 8).

3. Imma fil-każ tal-Knisja rridu nistaqsu lilna nfusna: Kif tista’ r-realtà viżibbli tkun għas-servizz ta’ dik spiritwali? Għal darb’oħra, dan nistgħu nifhmuh jekk inħarsu lejn Kristu. Kristu hu l-mudell tal-Knisja, għax il-Knisja hi l-ġisem tiegħu. Hu l-mudell ta’ l-Insara kollha, tagħna lkoll. Jekk inħarsu lejn Kristu, ma nistgħux niżbaljaw. Fil-Vanġelu ta’ Luqa nsibu r-rakkont ta’ meta Ġesù, lura Nazareth, fejn kien trabba, daħal fis-Sinagoga u beda jaqra, b’riferenza għalih innifsu, is-silta tal-Profeta Isaija fejn hemm miktub: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (4:18-19). Araw: kif Kristu nqeda bl-umanità tiegħu – għax kien bniedem ukoll – biex ixandar u jwettaq il-pjan divin tal-fidwa u tas-salvazzjoni – għax kien Alla –, hekk għandu jkun għall-Knisja wkoll. Permezz tar-realtà viżibbli tagħha, ta’ dak kollu li jidher, is-sagramenti u x-xhieda tagħna l-Insara kollha, il-Knisja hi msejħa ta’ kuljum biex tkun qrib ta’ kull bniedem, ibda mill-fqir, minn min qed ibati u minn min hu mwarrab, b’mod li biha kulħadd jista’ jibqa’ jħoss fuqu l-ħarsa kollha kompassjoni u ħniena ta’ Ġesù.

Għeżież ħuti, spiss bħala Knisja nġarrbu d-dgħufija u l-limiti tagħna. Kollha għandna minn dawn. Ilkoll aħna midinbin. Ħadd minna ma jista’ jgħid: “Jien m’iniex midneb”. Imma jekk xi ħadd minna jħoss li m’hux midneb, ħa jgħolli idu. Ilkoll aħna. U din id-dgħufija, dawn il-limiti, dawn id-dnubiet tagħna, tajjeb li jqanqlu fina dispjaċir qawwi, fuq kollox meta nagħtu eżempju ħażin u nintebħu li konna motiv ta’ skandlu. Kemm drabi smajna min jgħid, fil-post fejn ngħixu: “Dik t’hemm dejjem ġejja u sejra l-knisja, imma mbagħad dejjem tqasqas fuq kulħadd…”. Dan m’hux aġir Nisrani, hu eżempju ħażin: hu dnub. Ix-xhieda tagħna hi dik li nuru lill-oħrajn xi jfisser tkun Nisrani. Ejjew nitolbu li ma nkunux motiv ta’ skandlu. Nitolbu d-don tal-fidi, biex nistgħu nifhmu kif, minkejja ċ-ċokon tagħna u l-faqar tagħna, il-Mulej għamilna tassew strument ta’ grazzja u sinjal li jidher ta’ mħabbtu għall-bnedmin kollha. Nistgħu nsiru motiv ta’ skandlu, iva. Imma nistgħu wkoll insiru motiv ta’ xhieda, billi bil-ħajja tagħna ngħidu dak li Ġesù jrid minna.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s