It-Tnejn, 3 ta’ Novembru 2014: Ir-rivalità u l-vanaglorja huma kamla li ddgħajjef il-Knisja. Jeħtieġ naħdmu bi spirtu ta’ umiltà u armonija mingħajr ma nfittxu l-interessi personali. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa ħa spunt mill-ittra ta’ San Pawl lill-Filippin u osserva li l-ferħ tal-isqof hu li jara l-Knisja tiegħu magħquda fl-imħabba u l-armonija. Din l-armonija hija grazzja li jtina l-Ispirtu s-Santu, żied Franġisku, imma aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna, ħilitna kollha, biex ngħinu lill-Ispirtu s-Santu jnissel din l-armonija fil-Knisja.
Għalhekk, kompla l-Papa, San Pawl jistieden lill-Filippin biex ma jagħmlu xejn għall-pika u l-vanaglorja u biex ma jiġġildux bejniethom, biex ma jagħmlux biex jidhru huma, jew jieħdu atteġġjament biex bih jidhru li huma aħjar minn ħaddieħor. Hu ċar, osserva l-Papa, li din mhix xi ħaġa ta’ żmienna biss, imma ġejja mill-bogħod. U staqsa: kemm-il darba, fl-istituzzjonijiet tagħna, fil-Knisja, fil-parroċċi, fil-kulleġġi, insibu dan? Il-piki, li nidhru aħna, il-vanaglorja, huma żewġ dudiet tal-kamla li jnawru l-konsistenza tal-Knisja u jdgħajfuha.
Il-pika u l-vanaglorja jaħdmu kontra l-armonija, kontra l-qbil. X’parir jagħti Pawlu minflok il-pika u l-vanaglorja? Kull wieħed u waħda minna jrid jaħdem bl-umiltà. X’għandha tkun din l-umiltà? Li nqisu lil ħaddieħor superjuri għalina. Pawlu hekk kien iħoss. Hu jqis lilu nnifsu mhux den li jissejjaħ appostlu: l-aħħar wieħed. Jumilja ruħu bil-kbir. Dan kien is-sentiment tiegħu, li jaħseb li l-oħrajn huma akbar minnu.
Il-Papa fakkar lil San Martin de Porres, ‘patri Dumnikan umli’ li llum il-Knisja tagħmel it-tifkira liturġika tiegħu. L-ispiritwalità tiegħu kienet fis-servizz għax kien iħoss li l-oħrajn kollha, anke l-akbar midinbin, kienu superjuri għalih. U kien iħoss dan bis-serjetà.
San Pawl imbagħad iħeġġeġ lil kulħadd biex ma jfittixx l-interessi personali. Infittxu l-ġid tal-oħrajn. Inservu lill-oħrajn. Dan hu l-ferħ tal-isqof, meta jara lill-Knisja tiegħu hekk: tħoss l-istess, tagħmel l-istess karità, fejn kulħadd jibqa’ magħqud fl-armonija.
Din hi l-arja li Ġesù jrid jara fil-Knisja tiegħu. Jista’ jkollna opinjonijiet differenti, ma jimpurtax, imma dejjem b’dan l-atteġġjament, b’din l-atmosfera ta’ umiltà, karità, mingħajr ma niddisprezzaw lil ħadd.
B’riferiment għall-Evanġelju tal-ġurnata, il-Papa żied jgħid li hu ikrah meta fl-istituzzjonijiet tal-Knisja, ta’ djoċesi, fil-parroċċi, insibu nies li jfittxu l-interessi personali u mhux is-servizz, l-imħabba. Dan hu dak li jrid jgħid Ġesù fl-Evanġelju: ma nfittxux l-interessi personali, ma nimxux fit-triq li nagħtu lil min jista’ jroddilna lura. Hekk hu, jien għamiltlek favur imma inti trid tpattihuli hekk!
Din il-parabbola, li nistiednu għall-ikel lil min ma jista’ jagħtina xejn lura, hija l-gratwità. Meta fil-Knisja jkun hemm l-armonija, ikun hemm l-għaqda, ħadd ma jfittex l-interessi tiegħu, ikun isaltan dan l-atteġġjament ta’ gratwità. Jien nagħmel il-ġid u mhux nagħmel it-tajjeb qisu xi biċċa negozju.
Il-Papa stieden lil kulħadd biex jagħmel eżami tal-kuxjenza u jistaqsi: kif inhi l-parroċċa tiegħi, kif inhi l-komunità? Fihom isaltan dan l-ispirtu? Fl-istituzzjoni tiegħi hemm din l-armonija, dan l-ispirtu ta’ mħabba, ta’ għaqda, l-idea li l-oħrajn huma superjuri għalija? Dan l-ispirtu jeżisti fil-parroċċa, fil-komunità tiegħi? B’hekk forsi nsibu li għandna xi ħaġa xi ntejbu u nistaqsu lilna nfusna: x’nista’ nagħmel jien biex dan it-titjib iseħħ?
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta