Il-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru 2014: L-azzjoni għandha ħafna aktar effett mill-paroli, speċjalment meta nkunu ngħaddu l-fidi lil uliedna u liż-żgħażagħ – illum ngħidulhom ‘il-ġenerazzjoni diġitali’. Jekk irridu ngħinuhom biex ikollhom esperjenza tal-verità u tal-imħabba, aħna l-adulti għandna ntuhom eżempju tajjeb.
Illum kienet ċelebrazzjoni speċjali ħafna fil-kappella tad-Dar Santa Marta għax il-bankijiet kienu mimlijin tfal minn parroċċa Rumana. Wara xi ftit tal-mistħija, it-tfal malajr għelbu lilhom infushom u bdew sessjoni ta’ mistoqsijiet u twegibiet mal-Papa Frangisku. F’kumment li għamel, il-Papa qal li meta tħares lejhom, tkun qed tara wegħda li għad trid titwettaq, id-dinja li għad trid tasal.
Imbaghad il-Papa staqsa: X’dinja se nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri? Se ngħallmuhom dak li smajna fl-ewwel qari: biex jimxu fl-imħabba u l-verità? Jew se ngħallmuhom ħafna kliem u mbagħad inħallu ħajjitna tieħu direzzjoni oħra? Imma r-responsabbiltà ta’ dawn it-tfal taqa’ fuq spallejna! In-Nisrani obbligat jieħu ħsieb it-tfal, iż-żgħar, u jgħaddilhom il-fidi li hu jgħix, dak li għandu f’qalbu. Ma nistgħux ninjoraw dawn il-pjanti zgħar li qed jikbru.
Il-Papa Frangisku qal li kollox jiddependi milli aħna jkollna l-attitudni korretta lejn it-tfal. X’inhi l-attitudni tieghi?, staqsa l-Papa. Hija l-attitudni ta’ aħwa, ta’ missier, ta’ omm, li tgħinhom jikbru, jew hi attitudni distakkata… huma jikbru u jien ngħix ħajti…?
Ilkoll għandna r-responsabbiltà li nagħtu l-aħjar tagħna, jiġifieri l-fidi: intuhielhom, imma bl-eżempju! Il-kliem biss hu ħaga vojta… fid-dinja tal-lum, ossessjonata bl-immaġni, fejn kulħadd għandu l-mowbajl, il-kliem ma jiswa xejn. L-eżempju! L-eżempju! L-eżempju! X’se ntuhom?
F’dal-punt tal-omelija l-Papa Franġisku beda jistaqsi lit-tfal għaliex kienu ġew għall-quddiesa u b’hekk beda konverżazzjoni spontanja magħhom. Għadda ftit ħin sakemm l-ewwel tifel sab il-kuraġġ u qal: ‘Biex naraw lilek.’ Il-Papa wieġbu: ‘Anke jien qed nieħu gost nara lilkom!’
Imbagħad beda jagħmel mistoqsijiet lit-tfal li digà għamlu l-Ewwel Tqarbina u l-Konfermazzjoni u qalilhom li hu s-Sagrament tal-Magħmudija li jiftaħ il-bieb ghall-ħajja nisranija, u immedjatament wara jibda l-vjagg li jibqa’ sejjer tul il-ħajja kollha. L-istess vjaġġ li San Ġwann jirrakkonta fl-ittra li nqrat fl-ewwel qari: ‘mixja fil-verità u fl-imħabba’. Aktar tard matul dal-vjaġġ, żied jgħidilhom il-Papa, jaslu Sagramenti oħra bħalma hu ż-żwieġ. Imma, irrepeta l-Papa Franġisku, hu importanti li wieħed ikun jaf kif jgħix dan il-vjaġġ, li jkun jaf kif jgħix ħajtu bħal Gesù, f’dawn is-Sagramenti.
Ħa nistaqsikom ħaġa, kompla l-Papa: It-talb huwa Sagrament? Għajtu… ‘Le!’ Hux hekk? It-talb mhux Sagrament, imma jeħtiġilna nitolbu, issokta jgħid il-Papa. Tafu li tridu titolbu? Tajjeb, tajjeb. Iva! Itolbu lill-Mulej, itolbu lil Gesù, itolbu lil Marija biex jgħinuna f’dan il-vjaġġ ta’ verità u mħabba. Qegħdin tifhmu?
Intom ġejtu tarawni – min qalha din, int? – imma wkoll biex taraw lil Ġesù, tajjeb? Jew lil Ġesù nħalluh barra? It-tfal wieġbu: ‘Le!’ Issa Ġesù, zied jgħid il-Qdusija Tiegħu, qiegħed fuq l-altar u se narawH, ilkoll kemm aħna! Ġesù! Eżattament bħalissa rridu nitolbu lil Ġesù jgħallimna nimxu fil-verità u fl-imħabba.
Ejjew ngħiduha flimkien: ‘Nimxu fil-verità u fl-imħabba,’ għajtu flimkien mal-Papa t-tfal fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta