Il-Papa f’Santa Marta: Il-knejjes m’għandhomx ikunu djar tan-negozju

Il-Ġimgħa, 21 ta’ Novembru 2014: Il-knejjes m’għandhomx ikunu djar tan-negozju: ir-redenzjoni ta’ Ġesù Kristu hi dejjem gratwita, qal il-Papa Franġisku dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

Fit-tifkira tal-preżentazzjoni ta’ Marija fit-Tempju, il-liturġija tal-lum ittina l-Evanġelju li fih naqraw li Ġesù jkeċċi lill-merkanti mit-Tempju għax id-dar tat-talb bidluha f’bejta tal-ħallelin.  Dak li għamel Ġesù, spjega l-Papa, huwa att ta’ purifikazzjoni.  It-Tempju kien ġie profanat u flimkien mat-Tempju kien profanat il-poplu t’Alla.  Kien ipprofanat bid-dnub gravi ħafna tal-iskandlu.

In-nies twajba, osserva l-Papa, kienet tmur it-Tempju u ma kinitx tagħti każ ta’ dawn l-affarijiet…  Imma kien ikollhom isarrfu l-flus biex jagħtu l-offerta.  Il-poplu t’Alla ma kienx imur fit-Tempju minħabba dawk in-nies, dawk il-bejjiegħa, imma kien imur biex iqim lil Alla… U hemm kien isib il-korruzzjoni li tiskandalizza lill-poplu.

Il-Papa fakkar l-episodju bibliku ta’ Anna, mara umli, omm Samwel, li kienet tmur fit-Tempju biex titlob il-grazzja li jkollha wild – kienet titlob fis-silenzju – filwaqt li s-saċerdot u ż-żewġ uliedu kienu korrotti, kienu jisfruttaw lill-pellegrini, kienu jiskandalizzaw lill-poplu.

Jien naħseb, żied jgħid Franġisku, fl-iskandlu li nistgħu nagħtu lin-nies bl-atteġġjament tagħna, bid-drawwiet mhux saċerdotali fit-Tempju: l-iskandlu tal-kummerċ, l-iskandlu tal-mondanità.  Kemm-il darba aħna u deħlin fi knisja għadna naraw, anke llum, il-lista tal-prezzijiet għall-Magħmudija, għall-benedizzjoni, għall-intenzjonijiet tal-quddies…?  U l-poplu jiskandalizza ruħu.

Ftit wara li sirt saċerdot, irrakkonta l-Papa, kont ma’ grupp ta’ studenti tal-università u tnejn minnhom, għarajjes, kienu se jiżżewġu.  Marru fil-parroċċa u riedu ċerimonja bil-quddiesa.  Is-segretarju tal-parroċċa insista li ma setgħux. Huma staqsew għaliex, ladarba l-Konċilju kien irrikmanda  li t-tieġ isir fil-quddiesa.  Is-segretarju qalilhom li l-ħin kien imqassam kull 20 minuta u l-quddiesa tieħu aktar.  Għax insistew li riedu l-quddiesa, minflok ta’ ħin wieħed kellhom iħallsu ta’ tnejn.  Dan hu skandlu, id-dnub tal-iskandlu, insista l-Qdusija Tiegħu.  Franġisku żied jgħid li aħna nafu x’qal Ġesù lil min jagħti skandlu: aħjar imur jintefa’ l-baħar.

Meta dawk li qegħdin fit-Tempju – saċerdoti, lajċi, segretarji – li għandhom f’idejhom it-tmexxija tat-Tempju, il-pastorali tat-Tempju, isiru negozjanti, il-poplu jieħu skandlu.  U aħna responsabbli ta’ dan.  Il-lajċi wkoll.  Ilkoll.

Għax jekk jiena nara li fil-parroċċa tiegħi qed isir dan, irid ikolli l-kuraġġ li lill-kappillan ngħidlu f’wiċċu.  In-nies isofru meta jaraw dan l-iskandlu.  Hu kurjuż li l-poplu jaf jaħfer lill-qassisin tiegħu meta dawn jaqgħu f’xi żball, jidinbu…  Jaf jaħfer.    Imma hemm żewġ affarijiet li l-poplu t’Alla ma jaħfirhomx: saċerdot marbut mal-flus u saċerdot li jittratta ħażin lin-nies.  Il-poplu dawn ma jasalx biex jaħfirhom.  Huwa l-iskandlu ta’ meta t-Tempju, id-Dar t’Alla, isiru negozju, bħal fil-każ ta’ dak it-tieġ: għall-użu tal-knisja trid tħallas il-kera!

Ġesù mhux irrabjat, kompla jispjega l-Papa.  Dik hija d-dagħdigħa ta’ Alla, iż-żelu għad-Dar t’Alla, għax ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew tagħti qima lil Alla l-ħaj jew tqim il-flus.

Imma għaliex Ġesù hu daqstant kontra l-flus?  Għax ir-redenzjoni hi gratwita:  hija l-gratwità ta’ Alla li ġabilna Hu, il-gratwità tal-imħabba totali ta’ Alla.  Meta l-Knisja jew il-knejjes isiru ‘affaristi’,  jibda jingħad li allura s-salvazzjoni mhix b’xejn!  Din hi r-raġuni għala Ġesù jaqbad il-frosta f’idejh biex jagħmel dan ir-rit ta’ purifikazzjoni tat-Tempju.

Il-liturġija llum tiċċelebra l-Preżentazzjoni tal-Madonna fit-Tempju: tfajla żgħira…  Mara sempliċi bħal Anna, dak il-ħin tidħol fit-Tempju.  Jalla Hi, lilna lkoll, lill-kappillani, lil kull min għandu responsabbiltà pastorali, tgħallimna nżommu t-Tempju nadif, tgħallimna nilqgħu bl-imħabba lil dawk li jiġu għandna, qisu kull wieħed u waħda minnhom kienu l-Madonna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta