Katekeżi Knisja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja: Pellegrina lejn is-Saltna ta’ Alla


16. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 26 ta’ Novembru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Xi ftit kerha l-ġurnata l-lum, imma intom kontu kuraġġjużi, nifirħilkom! Nittama li nkunu nistgħu nitolbu flimkien il-lum.

Hu u jippreżenta l-Knisja lin-nies ta’ żmienna, il-Konċilju Vatikan II żamm tajjeb quddiem għajnejh verità fundamentali, li ma rridu qatt ninsew: il-Knisja m’hix realtà statika, wieqfa, għan fih innifsu, imma tinsab kontinwament f’mixja tul l-istorja, lejn id-destinazzjoni aħħarija u sabiħa li hi s-Saltna tas-Smewwiet, li tagħha l-Knisja fuq din l-art hi ż-żerriegħa u l-bidu (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 5).

Meta nħarsu lejn dan ix-xefaq, nintebħu li hawn tieqaf l-immaġinazzjoni tagħna, u tkun kapaċi biss tintuwixxi l-ġmiel ta’ misteru ’l fuq mis-sensi tagħna. U fina jitqanqlu b’mod spontanju ċerti mistoqsijiet: Meta se jseħħ dan il-passaġġ finali? Kif għad tkun id-dimensjoni ġdida li fiha tidħol il-Knisja? X’jiġri dak in-nhar mill-bnedmin? U mill-ħolqien li bih imdawrin? Imma dawn il-mistoqsijiet m’humiex ġodda, kienu diġà għamluhom id-dixxipli ta’ Ġesù f’dak iż-żmien: “Imma meta sa jseħħ dan? Meta jseħħ it-trijonf ta’ l-Ispirtu fuq il-ħolqien, fuq kull ma hu maħluq, fuq kollox…”. Huma mistoqsijiet umani, mistoqsijiet qodma. Anki aħna nagħmluhom dawn il-mistoqsijiet.

1. Il-Kostituzzjoni Konċiljari Gaudium et spes, quddiem dawn il-mistoqsijiet li ilhom jidwu sa minn dejjem fil-qalb tal-bniedem, tafferma: “Ma nafux meta jintemmu l-art u l-umanità u lanqas nafu kif l-univers kollu se jitbiddel. Tgħaddi l-bixra ta’ din id-dinja mħassra bid-dnub. Imma aħna nafu mir-Rivelazzjoni li Alla jħejji għamara ġdida u art ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja u li l-hena tagħha jxabba’ u jisboq ix-xewqat kollha ta’ paċi li jinbtu fil-qlub tal-bnedmin” (nru 39). Din hi d-destinazzjoni li lejha miexja l-Knisja: hi, kif tgħid il-Bibbja, “Ġerusalemm il-ġdida”, il-“Ġenna”. Iktar milli fuq post, hawn qed nitkellmu fuq “stat” tar-ruħ fejn l-istennijiet kollha kbar tagħna għad jitwettqu bil-kotra u l-essri tagħna, bħala ħlejjaq u bħala wlied Alla, jasal għall-maturità sħiħa tiegħu. Sa fl-aħħar għad nitlibbsu bil-ferħ, bil-paċi u bl-imħabba ta’ Alla b’mod sħiħ, mingħajr ebda limiti, u niġu wiċċ imb’wiċċ miegħu (ara 1 Kor 13:12)! Kemm hi ħaġa sabiħa meta naħsbu f’dan, naħsbu fis-Sema. Ilkoll kemm aħna għad insibu ruħna hemm, kollha. Hi ħaġa sabiħa, li tqawwi lir-ruħ.

2. F’din il-perspettiva, hi ħaġa sabiħa naraw kif teżisti kontinwità u komunjoni profonda bejn il-Knisja li hi fis-Sema u dik li għadha miexja hawn fl-art. Dawk kollha li diġà jgħixu għad-dell ta’ Alla jistgħu fil-fatt iweżnuna u jidħlu għalina, jitolbu għalina. Min-naħa l-oħra, anki aħna dejjem mistednin noffru opri tajba, talb u l-istess Ewkaristija biex intaffu t-tbatija ta’ l-erwieħ li għadhom qed jistennew li jidħlu fis-sebħ mingħajr tmiem. Iva, għax fil-perspettiva Nisranija d-distinzjoni m’għadhiex bejn min diġà miet u min għadu ma mietx, imma bejn min hu fi Kristu u min m’hux! Dan hu l-element determinanti, tassew deċiżiv għas-salvazzjoni tagħna u għall-ferħ tagħna.

3. Fl-istess ħin, l-Iskrittura Mqaddsa tgħallimna li t-twettiq ta’ dan il-pjan hekk sabiħ ma jistax ma jaffettwax ukoll dak kollu li jdawwarna u li ħareġ mill-ħsieb u l-qalb ta’ Alla. L-Appostlu Pawlu dan jaffermah b’mod espliċitu, meta jgħid li “il-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rum 8:21). Testi oħra jinqdew bix-xbieha tas-“sema ġdid” u ta’ l-“art ġdida” (ara 2 Piet 3:13; Apok 21:1), fis-sens li l-univers kollu għad jiġġedded u jinħeles darba għal dejjem minn kull ħjiel ta’ ħażen u mill-istess mewt. Mela dak li għandna quddiemna, bħala frott ta’ bidla li fir-realtà diġà qed isseħħ minn wara l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, hu ħolqien ġdid; mela mhux il-qerda tal-kożmu u ta’ dak kollu li għandna madwarna, imma kollox jitwassal għall-milja ta’ l-eżistenza, tal-verità, tal-ġmiel tiegħu. Dan hu l-pjan li Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, sa minn dejjem ried iwettaq u qed iwettaq.

Għeżież ħbieb, meta naħsbu f’dawn ir-realtajiet stupendi li hemm jistennewna, nintebħu kemm li nagħmlu parti mill-Knisja hu tabilħaqq don meraviljuż, li għandu miktub fuqu vokazzjoni wisq għolja! Għalhekk nitolbu lill-Verġni Marija, Omm il-Knisja, biex tħares il-mixja tagħna u tgħinna nkunu, bħalha, sinjal hieni ta’ fiduċja u ta’ tama fost ħutna.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s