Il-Ħamis, 16 ta’ Diċembru 2014: Alla jsalva qalb niedma filwaqt li min ma jafdax fiH jiġbed fuqu l-kundanna. Dan affermah il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
F’għajnejn Alla hija l-umiltà li ssalva lill-bniedem: is-suppervja titlef is-salvazzjoni. Il-qofol ta’ kollox hi l-qalb. Dik tal-umli hi miftuħa, taf tindem, taċċetta korrezzjoni u tafda f’Alla. Dik tas-supperv hija l-oppost: arroganti, magħluqa, ma tafx tistħi, u ma tħallix il-leħen ta’ Alla jinfidha.
Is-silta meħuda mill-Profeta Sofonija u l-Evanġelju, dalgħodu nebbħu l-omelija tal-Papa Franġisku. Fir-riflessjonijiet tiegħu ħa ż-żewġ siltiet li tipproponi l-liturġija tal-lum flimkien, u qal li t-tnejn jitkellmu dwar ‘ġudizzju’ li minnu jiddependu s-salvazzjoni u l-kundanna.
Is-sitwazzjoni li jiddeskrivi l-Profeta Sofonija hi dik ta’ belt ribelli li, minkejja li fiha hemm grupp li nidem minn dnubietu – dan, enfasizza l-Papa, huwa l-poplu t’Alla li għandu t-tliet karatteristiċi tal-umiltà, tal-faqar u tal-fiduċja fil-Mulej – imma fil-belt hemm ukoll, żied Franġisku, dawk li m’aċċettawx il-korrezzjoni, ma afdawx fil-Mulej. U xortihom hi l-kundanna.
Dawn ma jistgħux jirċievu s-salvazzjoni. Huma magħluqin għas-salvazzjoni. ‘Inħalli f’nofsok poplu umli u fqir, jafda f’isem il-Mulej għal ħajtu kollha.’ U dan għadu jiġri sal-lum, mhux hekk? Meta naraw lill-poplu qaddis ta’ Alla, umli, li l-għana tiegħu hija l-fidi fil-Mulej, din hi t-triq tas-salvazzjoni u t-triq tal-Knisja. Mhux hekk?, staqsa l-Papa. Din hi t-triq li għandha timxi fiha l-Knijsa, mhux l-oħra fejn ma tismax il-leħen, ma taċċettax il-korrezzjoni u ma tafdax fil-Mulej.
Ix-xena li jippreżentalna l-Evanġelju hi dik tal-kuntrast bejn iż-żewġ ulied li l-missier jibgħat jaħdmu fl-għalqa tiegħu. L-ewwel wieħed jirrifjuta, imma jindem u jmur; it-tieni wieħed jgħid ‘iva’, imma mbagħad jinganna lil missieru.
Ġesù jirrakkonta din l-istorja lill-kapijiet tal-poplu u bla tlaqliq jafferma li huma ma ridux jisimgħu leħen Alla ġej minn Ġwanni u għalhekk in-nisa tat-triq u l-pubblikani, li emmnu lil Ġwanni, jaslu qabilhom fis-Saltna tas-Sema.
L-iskandlu mqajjem minn din l-affermazzjoni, osserva l-Papa Franġisku, hu l-istess bħal ta’ dawk il-ħafna Nsara li jħossu li huma puri għax għalihom biżżejjed li tmur il-quddies u titqarben. Imma Alla għandu bżonn aktar, żied jgħid il-Papa.
Jekk ma tindimx, jekk int ma tismax lill-Mulej, ma taċċettax il-korrezzjoni u ma tafdax fiH, qalbek mhix niedma. Imma dawn l-ipokriti li jiskandalizzaw ruħhom minħabba dak li jgħid Ġesù dwar in-nisa tat-triq u l-pubblikani, kienu jmorru għandhom bil-moħbi biex jisfugaw il-passjonijiet tagħhom jew biex jagħmlu n-negozju. Imma kollox bil-moħbi… kienu puri! Imma l-Mulej dan ma jridux.
Dan il-ġudizzju jtina t-tama, assigura l-Papa Franġisku, dment li aħna jkollna l-kuraġġ li niftħu qlubna għal Alla mingħajr riżervi, u noffrulu wkoll il-lista ta’ dnubietna. Biex jispjega ruħu, il-Papa semma l-istorja ta’ dak il-qaddis li kien jaħseb li lil Alla kien tah kollox b’ġenerożità kbira.
Dejjem kien jisma’ lill-Mulej, dejjem jagħmel ir-rieda tiegħU, lill-Mulej kien itih dak li hu tiegħU: ‘Imma int għadek ma tajtnix ħaġa waħda!’ Imma l-imsejken kien tant twajjeb li jgħid: ‘Imma Mulej x’ma tajtekx? Tajtek ħajti, naħdem mal-foqra, nagħmel il-katekeżi, naħdem ’il hawn u ’l hinn….’
‘Imma hemm xi ħaġa li għadek ma tajthilix,’ jgħidlu l-Mulej. ‘X’inhi, Mulej?’ U l-Mulej iwieġeb: ‘Dnubietek!’
Meta aħna naslu li ngħidu: ‘Mulej dawn huma dnubieti’ – mhux id-dnubiet ta’ dak u tal-ieħor, ‘dnubieti’… huma tiegħi – ‘ħudhom int u jien insalva.’ Meta aħna naslu nagħmlu dan, aħna nkunu dak il-poplu sabiħ, poplu umli u fqir, li jafda f’isem il-Mulej. Jalla l-Mulej jaqlgħalna din il-grazzja, temm il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta