Ejjew nagħmlu l-ġid minflok noqogħdu nilagħbuha tal-qaddisin


It-Tlieta, 3 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Jekk nitgħallmu nagħmlu l-ġid, Alla jaħfrilna bil-ġenerożità kull dnub li nagħmlu. Alla ma jaħfirx biss l-ipokrisija, il-qdusija finta, afferma l-Papa dalgħodu, waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta.

Il-kliem tal-qari meħud mill-Profeta Iżaija, qal il-Papa Franġisku, huwa kmand u fl-istess waqt stedina li ġejjin direttament minn Alla: ‘Ieqfu agħmlu l-ħażen, tgħallmu agħmlu t-tajjeb billi tiddefendu l-orfni u r-romol.’ Li jfisser, kompla Franġisku, dawk li huma minsijin minn kulħadd, fosthom l-anzjani abbandunati, it-tfal li ma jmorrux skola jew li lanqas jafu jroddu s-Salib. Wara dan l-âmar, fis-sustanza hemm l-istedina ta’ dejjem għall-konverżjoni.

Imma kif nistgħu nikkonvertu? Billi nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb! Dik hi l-konverżjoni. It-tbajja tal-qalb ma jitneħħewx kif inneħħu xi tebgħa… immorru d-dry cleaning u noħorġu bil-ħwejjeġ nodfa. Dawn it-tbajja jitneħħew bl-għemil, billi nimxu fi triq oħra, jiġifieri fit-triq li nagħmlu dak li hu tajjeb.

U kif nista’ nagħmel it-tajjeb? Sempliċi! Billi nfittex il-ġustizzja, ngħin lil min hu maħqur, nagħti lill-orfni dak li jistħoqqlu, niddefendi l-kawża tal-armla. Niftakru li f’Iżrael l-aktar foqra, dawk li l-aktar kienu fi ħtieġa, kienu l-orfni u r-romol: agħmlu ġustizzja magħhom, morru fejn hemm il-ġrieħi tal-umanità, fejn hemm tant tbatija… U hekk, bil-ġid li tagħmel tnaddaf lil qalbek.

Il-wegħda lill-qalb nadifa, jiġifieri maħfura, tiġi minn Alla nnifsu li ma jżommx kont tad-dnubiet ta’ min iħobb lill-proxxmu tiegħu konkretament. Il-Mulej jgħidilna: ‘Jekk inti timxi f’din it-triq li fiha qed nistiednek timxi jiena, anke jekk dnubietek huma ħomor daqs l-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ.’

Hija eżaġerazzjoni. Il-Mulej jeżaġera, imma dik hi l-verità! Il-Mulej itina r-rigal tal-maħfra tiegħu. Il-Mulej jaħfer bil-ġenerożità. Issib min jgħidlek: ‘Imma jien s’hawn se naħfer, imbagħad naraw aktar ‘il quddiem…’ Le u le! Il-Mulej jaħfer dejjem u kollox! Kollox! Imma jekk int trid li tkun maħfur, trid tibda miexi fit-triq li fiha tagħmel it-tajjeb. Dan hu d-don!

Iżda l-Vanġelu tal-lum jippreżentalna grupp ta’ nies ta’ moħħ ħażin, dawk li jgħidu l-affarijiet tajbin imma jaġixxu bil-maqlub, qal Franġisku. Ilkoll moħħna jilħqilna u dejjem insibu triq, li ma tkunx dik it-tajba, biex nidhru aktar ġusti milli fil-fatt inkunu: din hi t-triq tal-ipokrisija.

Dawn jagħmlu tabirruħhom li jikkonvertu imma qalbhom hija gidba, huma giddibin! Qalbhom mhix tal-Mulej imma hi ta’ missier il-gideb kollu, ta’ Satana.

Din hi qdusija finta. Elf darba Ġesù jippreferi lill-midinbin u mhux lil dawn. Għaliex? Il-midinbin kienu jgħidu l-verità dwarhom infushom: ‘Ersaq minn ħdejja Mulej, għax jiena midneb!’ Kien qalha anke Pietru!

Imma wieħed minn dawn in-nies ma qal xejn minn dan, imma qal: ‘Niżżik ħajr Mulej għax jien miniex midneb, għax jien ġust…’

Matul din it-tieni ġimgħa tar-Randan hawn dawn it-tliet kelmiet biex naħsbu dwarhom, nimmeditawhom: l-istedina għall-konverżjoni; ir-rigal li se jtina l-Mulej, ir-rigal kbir tal-maħfra; u n-nasba, cioè li nagħmel tabirruħi li kkonvertejt imma naqbad it-triq tal-ipokrisija, temm Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.