It-Tnejn, 2 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Faċli tiġġudika lil ħaddieħor. Imma f’ħajtu n-Nisrani jimxi ‘l quddiem biss jekk ikollu l-għerf li jakkuża lilu nnifsu. Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu fid-Dar Santa Marta meta reġa’ beda jiċċelebra l-quddiesa mal-gruppi wara li temm l-eżerċizzi spiritwali.
Il-qari tal-lum hu dwar il-ħniena. Il-Papa fakkar li aħna lkoll midinbin, mhux fit-teorija, imma fir-realtà. Il-virtù nisranija, anzi xi ħaġa aktar minn virtù, hi l-ħila li nakkuża lili nnifsi. Dan hu l-ewwel pass għal min irid ikun Nisrani veru.
Ilkoll kemm aħna, qal il-Papa, għandna arti kbira kif niġġustifikaw lilna nfusna, ninħbew wara l-iskużi: ‘mhux jien’, ‘mhix ħtija tiegħi’, ‘iva,… imma l-affarijiet mhux hekk kienu…’ Ilkoll kemm aħna għandna alibi biex nispjegaw in-nuqqasijiet tagħna, dnubietna, u tant drabi għandna ħila nagħmlu wiċċ tal-innoċenti, ta’ ‘mhux jien’, ‘forsi kien xi ħadd ieħor’. Imma dan mhux il-mod ta’ kif nimxu ‘l quddiem fil-ħajja nisranija.
Hu aktar faċli nakkużaw lil ħaddieħor, osserva l-Papa. Inkella, meta nippruvaw inġibu ruħna mod ieħor, tiġri xi ħaġa ftit jew wisq stramba: aħna nibdew niflu dak li għandna ħila naslu li nagħmlu u għall-ewwel ma nibdewx inħossuna sew, inħossuna diżgustati, imma wara, dan il-ħsieb għandu jnissel fina paċi u serenità. Per eżempju, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, meta f’qalbi nħoss l-għira u naf li din se twassalni biex immaqdar lil ħaddieħor, li noqtol moralment lil xi ħadd, dan hu l-għerf li bih jien irrid nagħraf nakkuża lili nnifsi.
Jekk aħna dan l-ewwel pass tal-ħajja ma nitgħallmuhx, qatt u qatt ma nistgħu nagħmlu passi ‘l quddiem fil-ħajja nisranija, fil-ħajja spiritwali.
L-ewwel pass hu li nakkuża lili nnifsi, mhux hekk? Jien u l-kuxjenza tiegħi. Inkun għaddej mit-triq, ngħaddi minn quddiem il-ħabs, u ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Eh, ħaqqhom dawn!’ Imma inti taf illi kieku ma kellekx il-grazzja t’Alla, int kont tkun hemm ġew ukoll?
Ħsibt li int għandek mnejn tasal tagħmel dak kollu li għamlu huma u forsi agħar? Dan hu l-mod kif wieħed jakkuża lilu nnifsu, billi ma naħbux minna nfusna l-għeruq tad-dnub li jinsabu fina, il-ħafna affarijiet li aħna kapaċi nagħmlu, anke jekk ma jkunux jidhru.
Il-Papa żied li n-Nisrani għandu jkollu virtù oħra: dik li jistħi quddiem Alla, bi djalogu li bih aħna nagħrfu l-mistħija ta’ dnubna u l-kobor tal-ħniena t’Alla.
Ngħidu: ‘F’idejk Mulej, Alla tagħna, il-ħniena u l-maħfra. Għalija l-mistħija u għalik il-ħniena u l-maħfra.’ Hu tajjeb li tul dan ir-Randan nagħmlu dan id-djalogu mal-Mulej: nakkużaw lilna nfusna, nitolbu ħniena.
Fil-Vanġelu Ġesù hu ċar ħafna: ‘Ħennu bħalma hu ħanin magħkom Missierkom.’ Meta bniedem jitgħallem jakkuża lilu nnifsu, isir ħanin mal-oħrajn għax min jien jien biex niġġudika, jekk jien kapaċi nasal nagħmel anke agħar minn ħaddieħor?
Meta nagħmlu din il-mistoqsija lilna nfusna, inkunu qed nobdu l-eżortazzjoni ta’ Ġesù: ‘Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati, aħfru u intom tkunu maħfura.’ Imma, żied il-Papa, kemm nieħdu gost niġġudikaw lill-oħrajn, inqassu dwarhom!
Jalla f’dan ir-Randan, temm il-Papa, il-Mulej itina l-grazzja li nitgħallmu nakkużaw lilna nfusna, għax aħna konxji li nistgħu naslu nagħmlu l-agħar affarijiet, u ngħidu: ‘Ikollok ħniena minni, għinni biex nistħi minni nnifsi, u tini l-ħniena biex nista’ nkun ħanin mal-oħrajn.’
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija