Fl-imħabba tagħna lejn Alla m’hemmx triq tan-nofs

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-Papa Franġisku qal li n-Nisrani veru m’għandux jagħmel kompromessi: irid iħalli l-ħniena t’Alla tmissu u jrid iħobb lil ħuh b’qalbu kollha, inkella jkun ipokrita u jagħmel aktar ħsara milli ġid.

Franġisku kien qiegħed jagħmel l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu u qal li, maż-żmien Alla baqa’ jibni r-relazzjoni tiegħu mal-bnedmin, fil-bidu permezz tal-Profeti, u aktar tard bix-xhieda tal-qaddisin. Madankollu, minkejja l-kobor ta’ dawk magħżula biex iwasslu l-messaġġ tiegħu bit-tagħlim u bl-azzjonijiet tagħhom, l-istorja tas-Salvazzjoni hi bogħod milli tkun perfetta: hi mimlija ipokrisija u infedeltà.

Fir-riflessjoni tiegħu l-Papa Franġisku ġabar fi ftit kliem l-istorja kollha, ibda minn Abel u spiċċa fiż-żminijiet tal-lum. Skont Ġeremija, kif naqraw fil-qari tal-lum, Alla jistqarr bi mrar f’qalbu li l-poplu tiegħu m’obdiex u lanqas ta kas, tant li baqa’ miexi b’qalb iebsa fil-ħażen.

Alla tahom kollox, qal il-Papa, imma huma tawh lura affarijiet ħżiena biss. Il-fedeltà għebet.

Din hi l-istorja t’Alla. Qisu Alla qed jibki. U meta Ġesù ħares lejn Ġerusalemm, Hu wkoll beka għax f’qalbu kellu din l-istorja tal-għajbien tal-fedeltà. Aħna nimxu kif tgħidilna r-rieda tagħna u b’hekk qalbna tibbies u ssir tal-ġebel.

Għalhekk il-Kelma t’Alla ma tkunx tista’ tidħol fiha. U l-poplu jitbiegħed dejjem aktar. Dan hu r-riskju li lkoll għandna fl-istorja personali tagħna. Issa, f’dal-jum tar-Randan għandna nistaqsu lilna nfusna: jien nisimgħu leħen il-Mulej jew nagħmel kif jiftilli?

Il-Vanġelu meħud minn Luqa wkoll itina eżempju ta’ din il-qalb iebsa, truxa għall-Kelma t’Alla. Fih Ġesù jkeċċi xitan minn raġel u bi tweġiba jirċievi l-akkuża li qed jagħmel dan bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten. ‘Int saħħar bid-demonju fik!’

Din, qal il-Papa Franġisku, hija l-iskuża tipika ta’ min jagħmel il-liġijiet, għax jaħseb li l-ħajja hija mmexxija mil-liġijiet li jagħmel hu.

Din hi wkoll l-istorja tal-Knisja! Aħsbu ftit fil-povra Ġovanna d’Arco. Illum hija qaddisa, imma kienet sfat maħruqa fuq il-ħuġġieġa għax akkużawha li kienet eretika. L-inkwiżituri, dawk li kienu jimxu fuq ir-regoli, dawk il-Fariżej… kienu bogħod ħafna mill-imħabba t’Alla.

U aktar qrib tagħna, naħsbu fil-Beatu Antonio Rosmini. Il-kitbiet tiegħu kienu kollha mqiegħdin fl-indiċi, ma stajtx taqrahom u kien dnub li taqrahom. Illum hu beatu.

Fl-istorja ta’ Alla mal-poplu tiegħu, il-Mulej bagħat il-Profeti biex jgħidu lill-poplu tiegħu li Hu kien iħobbhom. Fil-Knisja l-Mulej jibgħat il-qaddisin. U huma l-qaddisin li jmexxu l-ħajja tal-Knisja ‘l quddiem, mhux min għandu l-poter; mhux l-ipokriti, imma l-qaddisin.

Il-Papa Franġisku żied jgħid li l-qaddisin mhumiex dawk li jibżgħu jħallu l-ħniena t’Alla tmellishom. Għalhekk il-qaddisin huma nies li jifhmu l-uġigħ, it-tbatija u l-miżerja umana, u jakkumpanjaw lill-poplu t’Alla. Ma jobogħduhomx lil dawn in-nies.

Ġesù jgħid: ‘min mhux miegħi hu kontra tiegħi.’ U m’hemmx kompromessi. Jew qiegħed fit-triq tal-imħabba jew fit-triq tal-ipokrisija. Jew tħalli lil Alla jħobbok bil-ħniena tiegħu, jew tagħmel dak li jiftillek skont ma’ tgħidlek qalbek li b’hekk tibbies ma’ kull jum li jgħaddi.

‘Min mhux miegħi hu kontra tiegħi’, m’hemmx it-tielet għażla. Jew int qaddis jew għażilt ir-rotta l-oħra. Min ma jilqax il-Kelma hu tellief… anzi, agħar minn hekk, jaħli u jkisser, hu korrott u jikkorrompi, temm jistqarr bis-soltu lingwaġġ qawwi tiegħu l-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: