Kemm hu bard!


Kitba ta’ Patri Mario Attard OFM Cap

“Kemm hu bard! Inħossni qed ninġazza!” Qisha toħroġlok bla ma trid hux din il-frażi! L-aktar f’dawn l-irjieħat li qiegħdin jagħmlu! Li, u biex ma noqgħodux induru lanqas mal-lewża, jitfgħuna fl-irjieħat tal-influwenza! Uhh kemm hawn bħalissa! Kulmin tisma’!

Il-bard ikraħ. Jinġazzak. Iregħdek. Minn ġewwa u minn barra. Tħoss ruħek ħierġa fih. U l-aktar meta l-imbierek riħ il-ħin kollu jonfoħ! U jonfoħ! Iva aqtagħha naqra riħ! U x’jaqtagħha jaqtagħha min jisimgħek! Isimgħu kif inhu għaddej! Donnu jrid jaqla’ kull m’hawn! Fi żmienu qiegħdin. Mela riħ se jkollna nistennew. Minn dak hemm! Almenu għalissa!

Imma din il-biċċa tal-bard ma ħallietni xejn kwiet! U se ngħidilkom l-għaliex. Il-bard kiesaħ. Għaliex jagħtina dak li hu. Kesħa ixxoqq l-għadam. Ommi Mà f’dawk il-postijiet fejn m’hemmx arja kundizzjonata. Fejn lanqas naqra heater m’hemm! Ma nafx kif jgħixu! Insomma! M’għandix lanqas għalfejn immur fil-bogħod. Jien, fil-kamra tal-kunvent tiegħi, lanqas heater m’għandi! Mela naf eżattament xi jħossu dawk li m’għandhomx heater fi djarhom. Kif tirżaħ hux! Meta tagħmel xi ħaġa tħossha doppja. Aħseb u ara meta ittektek biex tikteb xi ħaġa. Aħħ! Kull tektika inħossha dieħla, dritt dritt, fil-qalba ta’ qalbi! Ma jimpurtax!

Ara taħsbu li l-problema hi biss ta’ min m’għandux heater fid-djar! Ta’ min daru għadha kiesħa! Anki fi djar imsaħnin tinsab il-problema. Le! Mhux tal-heater li jsaħħan! Dik hawn min għandu heater f’kull kamra f’daru. Il-problema hija ta’ dawk li, fil-preżenza tagħhom, tħoss kesħa kbira! Anki fil-qilla tas-sħana tas-sajf tafux! Nies kesħin! Mhux qżież. Imma kesħin! Bla emozzjonijiet. Jew inkella, l-għaliex jibżgħu li jgħidu fuqhom in-nies, jew għaliex jaqbżuhom fil-kariga jiksħu! XXX! Taparsi ma jarawkx! Jinjorawk apposta! Ara ma’ min iridu hemmhekk taħsibhom qishom raw lil Żeża! Kemm jifirħu b’min iridu! Kemm jagħmlu frattarija! Quddiem din ix-xena tibda’ trodd salib ikbar minn ieħor! Għaliex tibda’ tħossok qed tiblieħ! Jew tiżmanġa! U jekk imqar ifettillek tiftaħ qalbek ma’ xi ħadd jaqbżu fuqek għax jgħidulek: “Giddieb!” Jew: “Giddieba!” Imma din hi l-verità! Il-gidba mhux tiegħek! Gidba ta’ min jaf jirrexta għax jaqbillu!

Le ħbieb! Aħna nafu lil xulxin kullimkien! Ejja nuru naqra imħabba u rispett li ġej mill-qalb! U mela jiena, għaliex ma studjatx bħalek jew moħħi ma nafx inħaddmu daqshekk għax int taf minfejn kellek tgħaddi jew kellek min jimbuttak, u mhux bħali għax babbu, issa minfuq se tipprova iġġibni inħossni żibel! Anqas jixraqlek għall-iskola li għandek! Imissek taf aħjar! Isa! Ejja nieqfu nilgħabu tal-ors! Ejja inkunu sinċieri ma’ xulxin. Wara kollox, temmen jew ma temminx, fuqi u fuqek hemm xi Ħadd li ġurnata għad irridu nagħtu kont lilu ta’ x’għamilna f’ħajjitna.

Tgħidlix li se tkun daqshekk baħnan u baħanana li se toqgħod tilgħab b’ruħek u bl-intelliġenza tiegħek tafx! Ara! Kun onest u onesta! Uri qalbek! Anki jekk għandek biża’ kbir li se jagħtuha bis-sieq! Ibqa’ urieha! U tara kif tkun heater tajjeb li, għas-sħana ta’ ħajtek, oħrajn jieħdu saħħithom mill-ġdid! Kun b’imħabbtek u bil-ġenerożità ta’ qalbek mediċina għal min hu fil-bard. Inġazzat. Għaliex m’għandux min iħobbu!

Tagħtihx int id-daqqa tal-mewt bil-kesħa li toħroġ minnek. Isa! Ejja! Agħmel differenza! Kemm hi sħana!