Il-Familja. In-Nanniet II


9. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 11 ta’ Marzu 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Fil-katekeżi tal-lum inkomplu bir-riflessjoni tagħna fuq in-nanniet, u nħarsu lejn il-valur u l-importanza tar-rwol tagħhom fil-familja. Dan nagħmlu jien u nħossni wieħed minn dawn il-persuni, għax anki jien ġej minn din il-faxxa ta’ età.

Meta kont il-Filippini, il-poplu Filippin sellimli hekk: “Lolo Kiko” – jiġifieri Nannu Franġisku – “Lolo Kiku”, qaluli! Qabel xejn importanti nagħfsu fuq ħaġa: hu minnu li s-soċjetà tfittex li teħles minna, imma żgur li l-Mulej le. Il-Mulej qatt ma jarmina. Hu jsejħilna biex nimxu warajh f’kull età tal-ħajja, u anki l-anzjanità fiha grazzja u missjoni, vokazzjoni vera tal-Mulej. L-anzjanità hi vokazzjoni. Għadu ma wasalx il-waqt li “niġbdu x-xbieki għal ġod-dgħajsa”. Dan il-perjodu tal-ħajja bla dubju hu differenti minn dawk ta’ qablu; xi ftit irridu anki “noħolquh”, għax is-soċjetajiet tagħna m’humiex lesti, spiritwalment u moralment, biex lil dan il-mument tal-ħajja jagħtuh il-valur sħiħ tiegħu. Dari, fil-fatt, ma kienx daqshekk normali li jkollok iż-żmien għad-dispożizzjoni tiegħek; il-lum sar iżjed normali. U anki l-ispiritwalità Nisranija nqabdet xi ftit fuq sieq waħda, għax hemm bżonn li jkollna spiritwalità tal-persuni anzjani. Imma għall-grazzja ta’ Alla ma tonqosx ix-xhieda ta’ qaddisin irġiel u nisa anzjani!

Bqajt milqut ħafna mill-“Jum ta’ l-Anzjani” li għamilna hawn fi Pjazza San Pietru s-sena l-oħra, il-pjazza kienet imbullata. Smajt stejjer ta’ anzjani li qattgħu ħajjithom għall-ġid ta’ l-oħrajn, u anki stejjer ta’ koppji ta’ miżżewġin li waslu biex jgħidu: “Niċċelebraw il-ħamsin sena żwieġ, nagħmlu s-sittin sena żwieġ”. Dan importanti jkunu jafu bih iż-żgħażagħ li jegħjew wisq malajr; importanti x-xhieda ta’ l-anzjani fil-fedeltà. U f’din il-pjazza kellna ħafna minnhom dak in-nhar. Hi riflessjoni li ta’ min jissoktaha, f’ambitu kemm ekkleżjali u kemm ċivili. Il-Vanġelu jġibilna quddiemna xbieha sabiħa ħafna, li tqanqalna u tinkuraġġina. Hi x-xbieha ta’ Xmun u ta’ Anna, li dwarhom ikellimna l-Vanġelu ta’ l-infanzja ta’ Ġesù miktub minn San Luqa. Żgur li kienu anzjani, ix-“xwejjaħ” Xmun u l-“profetessa” Anna li kellha 84 sena. Ma kinitx taħbiha l-età tagħha din il-mara. Il-Vanġelu jgħid li ta’ kuljum kienu jistennew il-miġja tal-Mulej, b’fedeltà kbira, għal snin twal. Riedu propju jarawh dan il-jum, jaqraw is-sinjali tiegħu, jintebħu li feġġ. Forsi kienu wkoll xi ftit rassenjati, issa, li ħa jispiċċaw imutu qabel jasal: imma dik l-istennija twila kompliet tokkupalhom ħajjithom kollha, ma kellhomx impenji iżjed importanti minn dan: li jistennew lill-Mulej u jitolbu. Għalhekk, meta Marija u Ġużeppi waslu fit-Tempju biex iwettqu dak li kienet titlob minnhom il-Liġi, Xmun u Anna minnufih qabżu minn posthom, immexxija mill-Ispirtu s-Santu (ara Lq 2:27). It-toqol ta’ l-età u ta’ l-istennija f’waqt wieħed għebu. Huma għarfu t-Tarbija, u skoprew qawwa ġdida, għal ħidma ġdida: li jroddu ħajr u jagħtu xhieda għal dan is-Sinjal ta’ Alla. Xmun infexx f’innu mill-isbaħ ta’ ferħ (ara Lq 2:29-32) – sar poeta f’dak il-ħin – u Anna saret l-ewwel predikatriċi ta’ Ġesù: “bdiet titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2:38).

Għeżież nanniet, għeżież anzjani, ejjew nimxu fuq l-istess passi ta’ dawn ix-xjuħ straordinarji! Insiru aħna wkoll xi ftit poeti tat-talb: nieħdu gost nagħżlu l-kliem tagħna, nagħmlu tagħna dak li tgħallimna l-Kelma ta’ Alla. Hu don kbir għall-Knisja, it-talb tan-nanniet u ta’ l-anzjani! It-talb ta’ l-anzjani u tan-nanniet hu don għall-Knisja, hu għana kbir! Injezzjoni kbira ta’ għerf anki għas-soċjetà umana kollha kemm hi: fuq kollox għal dik li hi wisq medhija, wisq imħabbta, wisq aljenata. Xi ħadd irid jgħanni, anki għalihom, jgħanni s-sinjali ta’ Alla, iħabbar is-sinjali ta’ Alla, jitlob għalihom! Inħarsu lejn Benedittu XVI, li għażel li jqatta’ l-aħħar parti ta’ ħajtu fit-talb u fis-smigħ ta’ Alla! Xi ġmiel! Bniedem kbir ta’ fidi tas-seklu l-ieħor, mit-tradizzjoni Ortodossa, Olivier Clément, qalilna: “Ċiviltà li m’għadhiex titlob iżjed hi ċiviltà fejn ix-xjuħija tilfet is-sens tagħha”. U din hi ħaġa tal-biża’, għax aħna għandna bżonn qabel xejn ta’ anzjani li jitolbu, għax ix-xjuħija għalhekk ingħatatilna. Għandna bżonn ta’ anzjani li jitolbu għax ix-xjuħija ngħatatilna propju għalhekk. Ħaġa sabiħa t-talb ta’ l-anzjani.

Aħna nistgħu rroddu ħajr lill-Mulej għall-ġid li rċivejna, u nimlew il-vojt ta’ l-ingratitudni li hemm madwarna. Nistgħu ninterċedu għax-xewqat tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda u nagħtu dinjità lill-memorja u s-sagrifiċċji ta’ dawk li għaddew. Aħna nistgħu nfakkru liż-żgħażagħ ambizzjużi li ħajja mingħajr imħabba hi ħajja niexfa. Nistgħu ngħidu liż-żgħażagħ li qed jibżgħu li l-biża’ mill-futur jista’ jintrebaħ. Nistgħu ngħallmu liż-żgħażagħ li jħobbu wisq lilhom infushom, li hemm iżjed ferħ f’li tagħti milli f’li tirċievi. In-nanniet jiffurmaw “kor” permanenti ta’ santwarju spiritwali kbir, fejn it-talb ta’ supplika u l-għana ta’ tifħir iwieżnu l-komunità li taħdem u tissielet fl-għalqa tal-ħajja.

Fl-aħħar nett, it-talb isaffi bla waqfien lill-qalb. It-tifħir u s-supplika lil Alla ma jħallux lill-qalb tibbies fir-rabja u l-egoiżmu. Kemm hu ikrah iċ-ċiniżmu ta’ anzjan li tilef is-sens tax-xhieda tiegħu, jiddisprezza liż-żgħażagħ u ma jxerridx l-għerf tal-ħajja! Min-naħa l-oħra, kemm hu sabiħ l-inkuraġġiment li l-anzjan jirnexxielu jittrasmetti liż-żagħżugħ li qed ifittex is-sens tal-fidi u tal-ħajja! Din hi tabilħaqq il-missjoni tan-nanniet, il-vokazzjoni ta’ l-anzjani. Kliem in-nanniet għandu fih xi ħaġa speċjali, għaż-żgħażagħ. U dan huma jafuh. Il-kliem li n-nanna tiegħi ħallietli miktub dak in-nhar ta’ l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, għadni nġorru miegħi, dejjem fil-brevjar, u naqrah ta’ spiss, u dan jagħmilli tajjeb.

Kemm nixtieq Knisja li kapaċi tisfida lill-kultura ta’ l-iskart bil-ferħ li joħroġ minn tgħanniqa ġdida bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani! U dan hu dak li l-lum nitlob lill-Mulej, din it-tgħanniqa!

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.