Il-martri jgħinuna biex il-fidi ma nittrasformawhiex f’poter


It-Tnejn 20 ta’ April 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

It-testimonjanza tal-martri tgħinna biex ma naqgħux fit-tentazzjoni li l-fidi nittrasformawha f’poter. Din kienet stqarrija oħra qawwija mill-Papa Franġisku waqt l-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

Fir-riflessjoni dwar il-Vanġelu tal-ġurnata, li fih naraw il-folla tfittex lil Ġesù wara l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut mhux minħabba l-istagħġib reliġjuż li jressqek lejn Alla imma minħabba interessi materjali, il-Papa Franġisku osserva li fil-fidi hemm ir-riskju li ma nifhmux il-vera missjoni tal-Mulej.  Dan jiġri meta aħna napprofittaw ruħna minn Ġesù u ftit ftit niżżerżqu lejn il-‘poter’.

Dan hu atteġġjament li nsibuh diversi drabi fil-Vanġeli: tant nies li jmorru wara Ġesù għall-interess.  Anke fost l-Appostli, ulied Żebedew riedu jsiru ‘prim ministru’ u ‘ministru tal-ekonomija’, jiġifieri fittxew il-poter.  Kemm tiddallam dik id-dilka li għandna biex inwasslu l-aħbar it-tajba lill-foqra, il-ħelsien lill-priġunieri, id-dawl lill-għomja, il-libertà lill-magħkusin, meta din tinbidel f’xi għamla ta’ poter!

Din it-tentazzjoni minn dejjem kienet: dik li aħna ngħaddu minn stagħġib reliġjuż tal-laqgħa ta’ Ġesù magħna, u nispiċċaw biex napprofittaw ruħna minnha.

Din kienet l-istess proposta li għamel ix-xitan lil Ġesù waqt it-tentazzjonijiet.  Waħda kienet fuq il-ħobż.  L-oħra kienet fuq l-ispettaklu: ‘Ejja nagħmlu spettaklu u n-nies kollha jibdew jemmnu fik!’ U t-tielet waħda kienet l-apostasija: jiġifieri l-qima lill-idoli.

Din hija tentazzjoni li n-Nisrani jħabbat wiċċu magħha kuljum, aħna lkoll li niffurmaw il-Knisja: mhix it-tentazzjoni tal-poter, tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, imma t-tentazzjoni tal-poter tad-dinja.  B’hekk niżżerżqu lejn dik il-bruda reliġjuża li tressaqna lejha l-mondanità.  Dik il-bruda li tikber, tikber u tispiċċa ssir atteġġjament li Ġesù jsejjaħlu ‘ipokrisija’.

B’dal-mod insiru Nsara tal-isem, afferma Franġisku, Insara ta’ atteġġjament estern imma b’qalb li moħħha fl-interessi, kif jgħid Ġesù: ‘Fil-verità ngħidilkom li qed tifttxuni mhux għax rajtu s-sinjali imma għax kiltu dak il-ħobż u xbajtu.’  Din hi t-tentazzjoni li tmexxina lejn il-mondanità, lejn il-poter, u b’hekk tiddgħajjef fina l-fidi, il-missjoni, u tiddgħajjef ukoll il-Knisja.

Il-Mulej iniggiżna bix-xhieda tal-qaddisin, bix-xhieda tal-martri li ta’ kuljum iħabbrulna li t-triq ta’ Ġesù hi t-triq tal-missjoni tiegħu: li nħabbru s-sena tal-grazzja.  In-nies tifhem iċ-ċanfira ta’ Ġesù u tistaqsih: ‘X’irridu nagħmlu biex inwettqu l-opra t’Alla?’  U Ġesù jwieġeb: ‘Din hi l-opra t’Alla: li temmnu f’dak li Hu bagħat,’ cioè li jkollkom il-fidi fiH u mhux f’dawk l-affarijiet li fl-aħħar mill-aħħar ibegħdukom minnU.  Din hi l-opra t’Alla: li temmnu f’dak li Hu bagħtilkom, li temmnu fiH.

Il-Papa Franġisku temm l-omelija b’din it-talba: Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nistagħġbu bil-laqgħa tagħna miegħu u jgħinna biex ma naqgħux fl-ispirtu tal-mondanità, jiġifieri f’dak l-ispirtu li, moħbi wara jew taħt kisja kristjaneżmu, iwassalna biex ngħixu ta’ pagani.

 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

 

 

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.