Jeħtieġ li nkunu ħaġa waħda kif inhuma ħaġa waħda Ġesù u l-Missier


Il-Ħamis, 21 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-pjagi huma l-prezz li Ġesù ħallas biex il-Knisja tkun magħquda miegħu u m’Alla għal dejjem. L-Insara tal-lum huma msejħin biex jitolbu l-grazzja tal-għaqda u jissieltu mhux kontra xulxin, imma biex bejniethom ma jidħlux l-ispirti tal-firda, il-gwerra u l-għira.

 

Waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta l-Papa għamel omelija dwar it-Talba Ewkaristika li nsibu fil-Vanġelu tal-lum: it-talba l-kbira li fiha Ġesù jitlob li ‘jkunu ħaġa waħda’ kif Hu ħaġa waħda mal-Missier.

Quddiem it-tentazzjoni, qal Franġisku, m’għandniex inċedu lill-missier l-ieħor, missier il-gideb u l-firda. Il-Papa daħal fl-ispirtu taċ-Ċenaklu u fil-qawwa tal-kliem ta’ Ġesù qabel ma mar għall-Passjoni.

Hu ta’ faraġ, osserva Franġisku, nisimgħu lil Ġesù jgħid lill-Missier li ma kienx qed jitlob biss għad-dixxipli tiegħu imma wkoll għal dawk li jemmnu fiH permezz tal-Kelma mwassla minnhom. Din il-frażi smajnieha kemm-il darba, imma l-Papa talab ftit aktar attenzjoni fuq it-tifsira tagħha.

Forsi m’aħniex attenti biżżejjed għal dan il-kliem, qal il-Papa. Ġesù talab għalija! Din hi għajn ta’ fiduċja: Hu jitlob għalija. Jiena nimmaġina, kompla Franġisku, kif inhu Ġesù quddiem il-Missier fis-Sema. Hu qed jitlob għalija, għalina. U l-Missier x’jara? Jara l-pjagi, il-prezz li ħallas għalina. Ġesù jitlob għalina bil-pjagi tiegħu u b’qalbu miġruħa jkompli jitlob għalina.

Ġesù jitlob għall-għaqda fost il-poplu tiegħu, għall-Knisja. Imma Ġesù jaf, afferma l-Papa Franġisku, li l-ispirtu tad-dinja hu spirtu ta’ firda, ta’ gwerra, ta’ għira, ta’ ġelożija anke fil-familji, anke fil-familji reliġjużi, anke fid-djoċesijiet, anke fil-Knisja kollha. Din hi t-tentazzjoni l-kbira: dik li twassal għat-tqassis, li twassal biex tagħti t-tikketti, biex tittimbra lill-persuni. Dawn huma atteġġjamenti, żied il-Papa, li din it-talba titlob li jitbarru.
Jeħtieġ li nkunu ħaġa waħda kif inhuma ħaġa waħda Ġesù u l-Missier. Din hi proprju l-isfida li għandna aħna l-Insara: li ma nagħtux wisa’ għall-firdiet bejnietna, li ma nħallux l-ispirtu tal-firda, lil missier il-gideb, jidħol bejnietna. Infittxu dejjem l-għaqda.
Kulħadd jibqa’ kif inhu, imma nfittxu li ngħixu magħqudin. Ġesù ħafirlek? Hu jaħfer lil kulħadd. Ġesù jitlob biex aħna nkunu ħaġa waħda. U l-Knisja għandha bżonn kbir ta’ din it-talba għall-għaqda.

Fuq nota umoristika l-Papa Franġisku qal li l-Knisja ma żżommx magħquda bil-kolla, għax l-għaqda li jitlob minnha Ġesù hija grazzja li ġejja minn Alla u hija t-taqbida tagħna fid-dinja.

Irridu nagħmlu l-wisa’ għall-Ispirtu s-Santu – temm Franġisku – biex jittrasformana bħalma l-Missier hu ħaġa waħda fl-Iben.

Parir ieħor li ta Ġesù fil-jiem ta’ qabel ma ħalla d-dinja kien: ‘Ibqgħu fija.’ Nitolbu din il-grazzja, li lkoll nibqgħu fih għax Hu jgħidilna wkoll għaliex irid dan minna: ‘Missier irrid li dawk li tajtni, ilkoll ikunu miegħi fejn inkun jien.’ Jiġifieri li dawn jibqgħu miegħu.
Li nibqgħu ma’ Ġesù fid-dinja jfisser li nkunu miegħu għax nikkontemplaw il-glorja tiegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.