Ir-rgħajja għandhom jisimgħu aktar u jitkellmu anqas


Il-Ħamis, 25 ta’ Ġunju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

In-nies tinduna meta ragħaj ikun nieqes mill-koerenza li ttih l-awtorità.  Din kienet waħda mill-osservazzjonijiet li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.  Franġisku tkellem dwar id-differenza bejn il-predikaturi veri u l-‘profeti foloz’.

 

Il-poplu mistagħġeb jisma’ lil Ġesù għax jgħallem bħal wieħed li għandu s-setgħa u mhux bħall-Iskribi.  Il-Papa kien qed jikkummenta l-pass tal-Vanġelu li nsibu fil-Vanġelu tal-lum u osserva li n-nies tinduna meta saċerdot, isqof, katekista, Nisrani, ikollhom il-koerenza li ttihom l-awtorità.

Ġesù jwissi lid-dixxipli biex iħarsu ruħhom mill-profeti foloz.  Il-Papa kompla jispjega kif wieħed jista’ jagħraf min huma l-profeti veri u min huma l-profeti foloz, min huma l-predikaturi veri tal-Vanġelu u min huma dawk li jipprietkaw Vanġelu li mhux Vanġelu.

Biex nifhmu dan hemm tliet kelmiet, qal il-Papa: il-kelma, l-għemil u s-smigħ.   Qabel xejn, wissa Franġisku – li kkwota t-twissija ta’ Ġesù: ‘Mhux kull min jgħidli Mulej, Mulej jidħol fis-saltna tas-smewwiet’ – dawn ilabalbu, jagħmlu, imma jonqoshom atteġġjament ieħor li hu l-bażi u hu l-pedament tal-kelma, tal-għemil: jonqoshom is-smigħ.  Għalhekk Ġesù jkompli jgħid: ‘Min jisma’ dan kliemi u jagħmlu.…’   Il-kelma u l-għemil waħedhom mhumiex biżżejjed… iqarrqu bina tant drabi.

Ġesù dan jibdlu u jgħid: smigħ u għemil.  Inqiegħdu fis-seħħ dak li nisimgħu.  ‘Kull min jisma’ kliemi u jagħmlu jkun jixbah lill-bniedem għaqli li jibni daru fuq il-blat.’

Iżda min jisma’ kliem Ġesù u ma jagħmlux tiegħu, kompla jgħid il-Papa, iħallih għaddej, ma jisimgħux bis-serjetà u ma jqegħdux fis-seħħ, ikun bħal dak li d-dar bnieha fuq ir-ramel.

Ir-riżultat nafuh, osserva Franġisku.  Meta Ġesù jwissi dwar il-profeti foloz, jgħid: ‘Tagħrfuhom mill-frott tagħhom.’  Dan hu għemilhom: tant kliem, jagħmlu l-għeġubijiet, jagħmlu ħwejjeġ kbar, imma qalbhom mhix miftuħa biex jisimgħu l-Kelma t’Alla.  Jibżgħu mis-skiet tal-Kelma t’Alla.  U dawn huma l-Insara foloz, il-profeti foloz.  Minnu li jagħmlu affarijiet tajbin, imma tonqoshom il-blata.

Tonqoshom, fisser Franġisku, il-blata tal-imħabba t’Alla, il-blata tal-Kelma t’Alla.  U mingħajr din il-blata, widdeb il-Qdusija Tiegħu, ma jistgħux jipprofetizzaw, ma jistgħux jibnu: kollox ikun ħliqa għax fl-aħħar kollox jiġġarraf.

Dawn huma r-rgħajja foloz, ir-rgħajja mondani, ir-rgħajja u l-Insara li jitkellmu ħafna, jibżgħu mis-skiet, jagħmlu li jidhrilhom u mhux dak li hu ta’ Alla!

Niftakruhom dawn it-tliet kelmiet: l-għemil, is-smigħ, il-kliem.   Min jitkellem u jagħmel biss, mhux profeta veru, mhux Nisrani veru, u fl-aħħar jiġġarraflu kollox għax mhux qiegħed fuq il-blata tal-imħabba t’Alla, mhux samm bħall-blata.

Min jaf jisma’ u mis-smigħ jaġixxi bil-qawwa tal-kelma ta’ ħaddieħor, mhux b’tiegħu, dak jibqa’ sod.  Minkejja li jkun bniedem umli, ta’ bla importanza… imma dawn huma n-nies kbar li għandha l-Knisja!  Kemm isqfijiet kbar, saċerdoti kbar, fidili kbar li jafu jisimgħu u jagħmlu dak li jisimgħu!

Eżempju ta’ dan fi żmienna hi Madre Tereża, qal Franġisku.  Ma kinitx titkellem; fis-skiet għarfet tisma’ u wettqet ħafna!  Ma ġġarrfitx la hi u lanqas l-opra tagħha.

In-nies kbar jafu jisimgħu u jagħmlu dak li jisimgħu għax il-fiduċja tagħhom, il-qawwa tagħhom hija l-blata tal-imħabba ta’ Ġesù Kristu.  Id-dgħufija ta’ Ġesù, temm jgħid il-Papa, li minn qawwi sar dgħajjef biex isaħħaħ lilna, tkun magħna waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-quddiesa u tgħallimna nisimgħu u nagħmlu dak li nisimgħu u mhux dak li tgħidilna rasna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

One thought on “Ir-rgħajja għandhom jisimgħu aktar u jitkellmu anqas”

  1. Prosit tal kitba nteresanti..Il problema tal bniedem il lum li sfortunatament ma jridx jisma…Bena madwaru hafna allat foloz,li mhumiex jaghtuhom il veru ferh li jaf jaghti biss il mahbub taghna Gesu..

    Nancy

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.