Meta wrieni snienu!

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

X’ġaralek Patri? Jaqaw kien se jigmek xi kelb? Mela x’fettillek għaddejt minn ħdejh? Ma tafx li jista’ jigdmek?

Kieku kien kelb ma jimpurtax. L-għaliex jonboħ tnejn u ejja ħa mmorru. Imma dan mhux kelb! Mela xi ħadd kattiv. Le! Anzi! Dan mimli tjubija. Dan ix-xi ħadd, jew aħjar ix-Xi Ħadd, hu Dak li fuqu dejjem għallmuni li hu l-Umli! Il-Qaddis! Il-Ħniena! Il-Mogħdrija! Is-Sabar! Il-Ħlewwa! Insomma, l-Aħjar! Dan ix-Xi Ħadd, li issa diġà nistħajjel li tafu min hu, fettillu jurini snienu! Qalli: “Issa daqshekk!”

Mela x’għamilt Patri? Sraqt xi bank? Uuu! Li kieku sraqt almenu għandi xi ħaġa f’idi x’nonfoq għall-birra! Imma l-esperjenza tal-ħajja għallmitni li hemm xi ħaġa ħafna agħar minhekk! Ħaġa li naqgħu fiha daqs tazza ilma! Fettilli niġġudika! Fettilli ngħid kelma. Xejn ta’ barra minnhawn tafux. U iva! Kelma fil-widnejn. Tal-widnejn. U toqgħod għal widnejn. Kelma tafux!” Mhux xi parlata. Forsi kumment ta’ għaxar sekondi? Imma kemm ħarġet ħsara f’dawk l-għaxar sekondi!

L-esperjenza għallmitni li xi widnejn kelma bħal din tgħidx kemm togħġobhom! Kelma li, ġieli, tibda’ bl-istess formula: “Isma’! Bejnietna ta… !” Imma, milli jidher, Dak ix-Xi ħadd li kellimtkom fuqu ftit aktar ‘il fuq kollox jisma’ ħi! Kollox jara! Iblaħ li jien! Għall-mument insejt. Il-paroli nessieni għerf is-Salm 94. “U jgħidu: ‘Ma jarax il-Mulej; ma jintebaħx Alla ta’ Ġakobb.’ Ifhmuha, intom nies boloh fost il-poplu! Nies bla moħħ, meta se tintebħu? Forsi min għamel il-widnejn ma jismax? Jew min sawwar l-għajnejn ma jarax? Taħsbu li min iwiddeb lill-ġnus ma jrażżanx? Jew m’għandux għerf min jgħallem lill-bniedem? Jagħraf il-Mulej il-ħsibijiet tal-bniedem, u jaf li m’humiex ħlief frugħa” (S 94:7-11).

U frugħa ngħid kien kliemi meta qbadt lili nnifsi niġġudika! Mà x’toqol tal-mewt ġibt fuqi! Kemm ħassejtni imdejjaq! Kemm ġrejt bil-ġiri għand il-konfessur tiegħi għall-qrar! Meta niġġudika lil xi ħadd jiena insir imħallef! Imma biex tiskonġra trid tkun pur! Biex niġġudika irrid inkun bla dnub! “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla” (Ġw:8:7). U ġebla kulma tfajt! Ġebla x’inhi ħdejn min jitfa’ trakk? Hekk irraġunajt! Il-Patri ħej! Imma l-Mulej, għax iħobbni, ippermetta li jixħutli borġ! U għamel sewwa!

Ma qalliex ċar u tond f’kelmtu: “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom. Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Jew kif tmur tgħid lil ħuk, ‘Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta inti stess f’għajnek għandek travu? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!” (Mt 7 :1-5). F’dak il-waqt sirt wiċċ b’ieħor! Kemm ċaqċqet fuqi kelmet San Ġakbu! “Toqogħdux tqassu fuq xulxin, ħuti. Min iqassas fuq ħuh u jiġġudika lil ħuh, ikun qiegħed iqassas fuq il-Liġi u jiġġudika l-Liġi; imma jekk inti tiġġudika l-Liġi, ma tkunx qiegħed tagħmel dak li trid il-Liġi, imma ssir imħallef. Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef: dak li għandu s-setgħa jeħles u jeqred. Int min int biex tiġġudika ‘l ħaddieħor?” (Ġak 4:11-12).

Għażiż ħija! Għażiża oħti! Issa li qrajt ġrajjieti tiġġudikanix! Mhux l-għaliex ma jistħoqqlix! Iżda jekk tiġġudikani Ġesù jurik snienu! Ismagħni ħabib! Minn dak li għaddejt tiġġudika lil ħadd! Jekk ma tridx li l-Mulej isir iljun kontrik. Għal min jiġġudika lil ħuħ il-Mulej “joħroġ … bħal wieħed qawwi, u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu; jgħajjat l-għajta tal-gwerra, ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu. (Iż 42 :13). Għax l-iprem għadu tal-Mulej huwa min iqasqas u jiġġudika!

Isma’ minni! Tiġġudikax! Titkaża b’ħadd! Jekk ma tridx li jurik snienu!

Leave a Reply

%d bloggers like this: