Santu Wistin għadu attwali

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

“Dak qadim! Armieh! Spiċċa!” Ġieli ssib min jirraġunalek b’dan il-mod. Imma dan ir-raġunament ma jgħoddx għal kollox. Bħall-inbid tajjeb u ġenwin ċertu affarijiet aktar ma jgħaddi ż-żmien minn fuqhom aktar isiru prezzjużi. Wieħed minnhom huwa, mingħajr dubju, l-għaref Santu Wistin.

Darba, Johann Nepomuk Huber, filosfu u teologu Ġermaniż, fil-ktieb tiegħu Die Philosophie der Kirchenväter (Munich, 1859), kiteb hekk fuq Santu Wistin: “Santu Wistin huwa fenominu uniku fl-istorja tal-Kristjaneżmu. Ħadd minn missirijiet il-Knisja ma ħalla traċċi daqshekk jiddu tal-eżiżtenza tiegħu. Għalkemm fosthom insibu ħafna imħuħ mgħallma u qawwija madankollu ma nsibu fl-ebda wieħed minnhom il-karattru personali, il-moħħ, il-qalb u r-rieda daqshekk żviluppati u attivi daqshekk flimkien. Ħadd ma jgħaddih fil-għana tal-ħsibijiet u l-preċiżjoni tal-argumenti. Ħadd minnhom ma jgħaddih fil-profondità u ż-żelu għas-sensibiltà reliġjuża, fil-kobor tal-għanijiet u fl-enerġija tal-azzjoni. Għalhekk huwa [Santu Wistin] wkoll jimmarka l-milja taż-żmien patristiku. U ġie mgħolli mill-għarfien taż-żminijiet ta’ wara bħala l-ewwel u l-missier universali tal-knisja”.

Meta qiegħdin nitħaddtu fuq Santu Wistin aħna qiegħdin nitħaddtu fuq wieħed mill-akbar imħuħ tal-istorja umana. Bħalma ftit xjentisti jistgħu jkunu Einstein daqshekk ieħor huma ftit it-teoloġi li jistgħu jkunu bħal Wistin. Il-kitbiet ta’ Santu Wistin kienu bħal xmara dejjem tfur ta’ influwenza li tat frott abbundanti fl-ispiritwalità u d-duttrina Nisranija matul is-sekli. Ħafna mill-movimenti ta’ tiġdid fil-knisja ħadu l-ispirazzjoni tagħhom mill-isqof ta’ Ippona. Insemmu l-lollardi, l-Hussiti, ir-Riforma Protestanta, il-Puritani u l-Ġansenisti. Ħafna mill-aqwa ħassieba, predikaturi, u qaddisin tal-istorja tal-Knisja tal-Punent kienu dixxipli devoti ta’ Santu Wistin. Biżżejjed insemmu lil Beda l-Venerabbli, lil San Anselmu ta’ Canterbury, lil San Bernard ta’ Clairveaux, lil San Tumas D’Akwinu, John Wyclif, Martin Luteru, John Calvin, Blaise Pascal u B.B. Warfield. Jekk aħna, l-Insara tal-Punent, irridu tabilħaqq nifhmu l-wirt tagħna, ma nistgħux ma nirrelatawx mal-figura kbira ta’ Santu Wistin.

M’hemm l-ebda persuna fid-dinja l-antika, kemm Nisranija u anki Pagana, li għarrfittna min hi tassew daqs Santu Wistin. L-Istqarrijiet tiegħu jagħtuna tagħrif dettaljat ta’ min kien b’mod letterarju. Missier ir-Rinaxximent, Francesco Petrarca, wara li kkonverta lejn Kristu f’nofs ħajtu, dejjem kien iġorr miegħu kopja tal-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin kulfejn kien imur.

Santu Wistin kien dak li, bi qlubija liema bħalha, affronta sidru mal-aktar mistoqsijiet fundamentali tal-eżiżtenza. X’jista’ ikun jaf tassew moħħ il-bniedem? Min hu Alla? X’inhi l-verità? X’inhi s-sbuħija? X’inhu ż-żmien? X’inhi l-istorja? X’inhi r-ruħ? X’inhi l-memorja? X’inhi l-fidi? X’inhi r-raġuni? X’inhi r-relazzjoni bejn il-fidi u r-raġuni? X’inhi l-ġustizzja? X’inhu d-destin uman? X’inhuma l-limiti proprji tal-azzjoni politika? Min fejn ġej il-ħażen? Kif nistgħu nirrikonċiljaw il-ħażen mat-tbatija u mat-twemmin f’Alla twajjeb u li jista’ kollox? Santu Wistin huwa għalliem kbir tal-ħassieb Nisrani l-għaliex jgħallmu jara l-ħajja fid-dawl tal-fidi li jħaddan u mhux li jagħti biss rokna żgħira minn ħajtu lil Kristu u hekk jħalli l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu tiġi misħuqa mill-imwieġ qliel u distruttivi tal-kultura non-Kristjana tallum.

Santu Wistin kellu rwol determinanti għall-aħħar fl-iżvilupp storiku tad-duttrina Nisranija. Wistin kien it-teologu ewlieni li ħadem duttrina artikulata u koerenti man-natura umana, mal-waqgħa u t-tiġdid tagħha. Issa dan għamlu mhux f’baħar kalm iżda fl-eqqel tal-kontroversja Pelaġjana tal-ħames seklu. Santu Wistin kien dak li kkontribwixxa bil-kbir biex illum nistgħu nifhmu aktar it-tagħlim tal-Bibbja dwar ir-relazzjoni bejn id-dnub tal-bniedem u l-grazzja divina. Santu Wistin kien dak li tana tagħlim mill-isbaħ fuq il-bniedem fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla (antropoloġija) u kif il-bniedem ġie salvat mill-ħażen minn Kristu u l-grazzja ħelliesa tiegħu (soterjoloġija).  L-Isqof ta’ Ippona tana viżjoni mill-aktar ċara, għolja u fl-istess ħin mimlija umiltà ta’ x’inhu d-dnub oriġinali, il-predestinazzjoni u l-grazzja effikaċi li terġa’ twellidna mill-ġdid fil-Mulej.

Santu Wistin għadu ħaj fostna illum permezz tal-ispiritwalità tiegħu. Biżżejjed insemmu l-Istqarrijiet  u s-Solilokwi tiegħu li qanqlu bosta interess u kienu ta’ ispirazzjoni għal ħafna. Hekk ngħidu aħna, l-Arċisqof Ortodoss, Philaret minn Chernigov, qal hekk fuq Santu Wistin: “L-ogħla kwalità fih [f’Santu Wistin] hija l-umiltà profonda u sinċiera li biha x-xogħlijiet kollha tiegħu huma mimlija … [speċjalment l-Istqarrijiet] li, mingħajr dubju, jmissu lil dak li jkun fil-qalba ta’ ruħu bis-sinċerità tal-indiema tiegħu u jsaħħnu lil dak li jkun bl-umiltà li hija tant essenzjali fil-mogħdija tas-salvazzjoni”.

Kontribuzzjoni oħra kbira ta’ Wistin hija t-tifsira tal-istorja. Fix-xogħol kbir tiegħu l-Belt ta’ Alla, Wistin qal li l-istituzzjonijiet tal-bniedem jinsabu attakkati mir-rejaltà tad-dnub oriġinali u mill-ħażen tal-bniedem. Għal Wistin is-saltniet tal-art kienu msejsa fuq is-setgħa. L-unika għaqda li kienu jafu biha hija dik li jew tingħaqad magħna inkella noqtluk. Għalkemm Wistin qal li fil-Belt tal-bniedem hemm ħwejjeġ li huma tajbin, bħal paċi u l-prosperità, madankollu minħabba d-dnub dawn jistgħu jiddgħajfu jew jitħassru. Għalhekk huwa għaqli għall-bnedmin li jfittxu l-Belt ta’ Alla  biex iżommu s-sens proprju ta’ ordni li jwassal għall-paċi vera.

Jekk trid li Santu Wistin jgħinek u jsaħħek fil-formazzjoni tiegħek ipparteċipa fis-Sena Akkademika li se tibda’ fit-2 t’Ottubru fl-Istitut Agostinjan il-Pieta. Tista’ tikteb lill-Istitut Agostinjan, PO Box 61 Imsida PO MSD1000. Inkella iċċempel lid-Direttur, Patri Salvinu Caruana OSA fuq 21249407-99402102. Jew lis-segretarja: 27010827 jew 99450099.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading