Katekeżi Familja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Familja – Wegħdi lit-Tfal


32. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 14 t’Ottubru 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! Billi l-lum it-tbassir tat-temp kien xi ftit dubjuż u kienet imbassra x-xita, din l-udjenza qed nagħmluha f’żewġ postijiet fl-istess ħin: aħna hawn fil-pjazza u seba’ mitt marid u marida fl-Awla Pawlu VI li qed isegwu l-udjenza minn fuq l-iskrin kbir. Ninsabu lkoll magħqudin flimkien u ejjew nsellmulhom b’ċapċipa.

Il-kelma ta’ Ġesù l-lum hi qawwija: “Ħażin għad-dinja minħabba fl-iskandli”. Ġesù hu realista u jgħid: “Ma jistax ma jkunx hemm skandli, imma ħażin għal min jagħti skandlu”. Qabel nibda l-katekeżi l-lum nixtieq, f’isem il-Knisja, nitlobkom maħfra ta’ l-iskandli li f’dawn l-aħħar żminijiet seħħu kemm f’Ruma u kemm fil-Vatikan, nitlobkom maħfra.

Il-lum se nirriflettu fuq argument importanti ħafna: il-wegħdiet li nagħmlu lit-tfal. M’iniex nitkellem daqshekk fuq il-wegħdiet li nagħmlu kull tant u tant, mal-ġurnata, biex nikkuntentawhom jew biex joqogħdu kwieti (forsi b’xi logħba innoċenti: nagħtik ħelwa u wegħdiet simili…), biex inħeġġuhom jirsistu fl-iskola jew indawrulhom ħsiebhom minn xi kapriċċ. Qed nitkellem fuq wegħdiet oħra, fuq il-wegħdiet l-iżjed importanti, deċiżivi għal dak li huma jixtiequ mill-ħajja, għall-fiduċja tagħhom fil-bnedmin, biex fl-isem ta’ Alla huma jistgħu jaraw il-barka. Dawn huma wegħdiet li aħna nagħmlulhom.

Aħna l-adulti lesti li nitkellmu fuq it-tfal bħala wegħda tal-ħajja. Ilkoll ngħidu: it-tfal huma l-wegħda tal-ħajja. U faċli nitqanqlu, u ngħidu liż-żgħażagħ li huma l-futur tagħna, hekk hu. Imma xi drabi nistaqsi jekk aħniex daqshekk serji mal-futur tagħhom, mal-futur tat-tfal u mal-futur taż-żgħażagħ! Mistoqsija li għandna nagħmlu ta’ spiss hi din: kemm aħna leali fil-wegħdiet li nagħmlu lit-tfal, meta nġibuhom f’din id-dinja tagħna? Aħna nġibuhom fid-dinja u din hi wegħda, x’qed inwegħduhom?

Li nilqgħu u nieħdu ħsieb, inkunu qrib u attenti, nuru fiduċja u tama, huma daqstant ieħor wegħdiet fundamentali, li nistgħu niġbruhom f’waħda: imħabba. Aħna nwegħdu mħabba, jiġifieri mħabba li tersprimi ruħha f’sens ta’ merħba, fl-għożża, fil-qrubija, fl-attenzjoni, fil-fiduċja u fit-tama, imma l-akbar wegħda hi l-imħabba. Dan hu l-aħjar mod kif għandna nilqgħu bniedem li jiġi fid-dinja, u lkoll kemm aħna nitgħallmuh, diġà sa minn qabel ma nsiru konxji tagħna nfusna. Nieħu gost wisq meta mara l-missirijiet u l-ommijiet, meta ngħaddi minn ġo nofskom, iressquli t-tifel, it-tifla ċkejkna tagħhom u nistaqsihom: “Kemm għandu żmien?” – “Tliet ġimgħat, erba’ ġimgħat… nitolbu l-barka tal-Mulej fuqu”. Anki din tissejjaħ imħabba. L-imħabba hi l-wegħda li raġel u mara jagħmlu lil kull wild: sa mit-tnissil fil-ħsieb. It-tfal jiġu fid-dinja u jistennew konferma ta’ din il-wegħda: jistennewha b’mod sħiħ, fiduċjuż, bla difiża. Biżżejjed inħarsu lejhom: fir-razez kollha, fil-kulturi kollha, fil-kundizzjonijiet kollha tal-ħajja! Meta jseħħ il-kontra, it-tfal jisfaw miġruħa minn “skandlu”, minn skandlu insapportabbli, wisq iżjed gravi, għax ma għandhomx il-mezzi biex jifhmuh. Ma jistgħux jifhmu x’inhu jiġri. Alla jħares din il-wegħda, sa mill-bidu. Tiftakru x’jgħid Ġesù? L-Anġli tat-tfal jirriflettu l-ħarsa ta’ Alla, u Alla qatt ma jitlaq it-tfal minn taħt ħarstu (ara Mt 18:10). Ħażin għal dawk li jittradixxu l-fiduċja tagħhom, gwaj għalihom! L-abbandun fiduċjuż tagħhom għall-wegħda tagħna, li timpenjana sa mill-ewwel mument, jagħmel ħaqq minna.

U nixtieq inżid ħaġa oħra, b’ħafna rispett lejn kulħadd, imma anki ħafna frankezza. Il-fiduċja spontanja tagħhom f’Alla m’għandha qatt tiġi miġruħa, fuq kollox meta dan jiġri minħabba ċerta preżunzjoni (ftit jew wisq inkonxja) li neħdulU postu. Ir-relazzjoni ħelwa u misterjuża ta’ Alla mar-ruħ tat-tfal m’għandha qatt tiġi vvjolata. Hi relazzjoni reali, li Alla jridha u Alla jħarisha. It-tifel hu lest sa minn twelidu biex iħossu maħbub minn Alla, hu lest għal dan. Dritt malli jisma’ li hu maħbub għal dak li hu, iben iħoss ukoll li hemm Alla li jħobb lit-tfal.

It-tfal, malli jitwieldu, jibdew jirċievu bħala don, flimkien man-nutriment u l-għożża, il-konferma tal-kwalitajiet spiritwali ta’ l-imħabba. L-għemejjel ta’ l-imħabba jgħaddu mid-doni ta’ l-isem personali, il-qsim tal-lingwaġġ, il-fehmiet tal-ħars, id-dawl tat-tbissim. Hekk jitgħallmu li l-ġmiel tar-rabta bejn il-bnedmin qiegħed biex jimla r-ruħ tagħna, ifittex il-libertà tagħna, jaċċetta d-diversità tal-persuna l-oħra, jagħrafha u jirrispettaha bħala interlokutur. Miraklu ieħor, wegħda oħra: aħna – missierek u ommok – ningħataw lilek, biex int tista’ tingħata għalik innifsek! U din hi l-imħabba, li ġġorr fiha xrara minn dik ta’ Alla! Imma intom, missirijiet u ommijiet, għandkom din ix-xrara ta’ Alla biex tagħtuha lil uliedkom, intom strument ta’ l-imħabba ta’ Alla u din ħaġa sabiħa, sabiħa, sabiħa!

Huwa biss jekk inħarsu lejn it-tfal b’għajnejn Ġesù li nistgħu tabilħaqq nifhmu f’liema sens, jekk niddefendu l-familja, inkunu nipproteġu l-umanità! Kif jaraw l-affarijiet it-tfal hu kif jarahom l-Iben ta’ Alla. Il-Knisja nfisha, fil-Magħmudija, lit-trabi tagħmlilhom wegħdiet kbar, li bihom timpenja lill-ġenituri u lill-komunità Nisranija. L-Omm qaddisa ta’ Ġesù – li permezz tagħha l-Iben ta’ Alla wasal għandna, maħbub u mnissel bħala tarbija – tagħmel lill-Knisja kapaċi timxi fit-triq tal-maternità tagħha u tal-fidi tagħha. U San Ġużepp – raġel ġust, li laqgħu u pproteġieh, u hekk b’mod kuraġġjuż għamel ġieħ lill-barka u l-wegħda ta’ Alla – jagħmilna lkoll kapaċi u jistħoqqilna nilqgħu għandna lil Ġesù f’kull tarbija li Alla jibgħat fid-dinja.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s