Is-Seminarju!


Patri Mario Attard OFM Cap

Qabel intemmet is-sena 2016 kelli grazzja mill-kbarnett! Jiġifieri dik li nagħmel passiġġjata f’wieħed mill-kuruturi l-kbar f’Mater Dei. Nista’ ngħid li hu kuritur pjuttost kwiet meta mqabbel mal-oħrajn li dejjem maħnuqa bin-nies. U, f’dan il-kuritur, bil-Kuruna tar-Rużarju ma’ jdejja, inżebbeġ u nżebbeġ, il-ħsieb beda idur u jdur.

U fl-aħħar it-tiġieġa faqset il-bajda! U x’kien jisimha din il-bajda? SEMINARJU! Le ħabib! Minix se nitħaddet fuq xi Seminarju! La dak tal-Arċisqof u wisq anqas ta’ xi Istitut ta’ Ħajja Ikkonsagrata. Jew, biex tifihmni, ta’ xi Ordni Reliġjuż. Madankollu, f’din il-passiġġjata kemmxejn partikulari li kelli f’dan l-Isptar ġenerali tagħna l-Maltin, bdiet tiġi quddiem għajnejja d-don tal-ħajja. X’ħa nagħmel b’ħajti? Kif se ngħixha? X’indirizz se nagħtiha? X’ħa niżra’ fiha?

Hemm hi! Il-boċċa ġiet qrib il-likk! X’ħa niżra’ fiha? Il-ħajja hija SEMINARJU! Mela hija l-post li fih niżirgħu ħalli jieħu u jkollna frott u ħaxix ta’ kull xorta. Sintendi, minix nitħaddet mill-basal, mill-qarabli, mill-ful, mill-pastard, mill-kaboċċi, mit-tuffieħ, mill-larinġ, mil-banana u mill-bqija. Iżda qed nitħaddet iva fuq frott u ħaxix ieħor li jagħmel tajjeb ħafna għal ruħna u għal ġisimna!

Qaluli li s-SEMINARJU huwa ambjent li fih issiru l-isforzi meħtieġa sabiex jifforma fl-irġiel Insara ħajja ta’ qdusija, virtù umana u servizz ġeneruż f’dawk li jkunu se jsiru saċerdoti. Hemm bżonn tal-formazzjoni. Hemm bżonn ta’ min jirsisti biex jifforma. Nafu li x-xogħol tal-formazzjoni jitlob paċenzja tal-beati Pawli. Min jifforma jeħtieġlu itambar u jtambar u jtambar. Ħafna drabi bil-ħelu, xi kultant bil-goff u, rari ħafna, bi splużjoni wkoll. U din il-kedda kollha ħalli dak li jkun jifhem l-importanza ta’ dak li jkun qed jingħatalu.

Ħajjitna SEMINARJU. Hija dak l-ambjent speċjali imsejjes fuq l-esperjenzi li ngħaddu minnhom ta’ kuljum, li juruna l-bżonn li nħallu lill-Mulej jibdilna. U jibdilna f’hiex? Jekk jiena u int iseħħilna noqgħodu bilqiegħda u nagħmlu lista ta’ attitudnijiet li għandna bżonn nibdlu ngħid li ma nispiċċaw qatt. Għax il-bniedem, bħall-Knisja, semper reformandum! Dejjem fil-bżonn li jirriforma ruħu! Għax ħadd m’hu eżent milli jiġi riformat. Kulħadd għandu jara ħajtu bħala faċilità korrettiva. Mela ejja numiljaw ruħna u noqgħodu għal dak li hu sewwa biex jibdilna, bil-mod il-mod, fih!

Fost il-ħwejjeġ li f’ħajjitna għandna bżonn niffurmaw ruħna hija l-formazzjoni affettiva. Ejja ma naħsbux li din hija xi ħaġa li tolqot biss lill-formazzjoni saċerdotali inkella dik għall-Ħajja Ikkonsagrata. Il-formazzjoni affettiva tolqot lil kulħadd. Lil kull min isejjaħ u issejjaħ lilu u lilha nnifisha bniedem u bniedma. Ilkoll nafu kemm l-immaturità u l-inkosistenza fl-ispirtu joħolqu problemi u nkwiet. Mhux biss f’min għadu żgħir u adoloxxenti. Iżda anki f’nies adulti li suppost jafu aħjar. Issa dan iseħħ meta titkisser l-armonija sabiħa bejn dak li hu intellettwali, dak li rrid tabilħaqq bir-rieda kollha tiegħi u l-oqsma kollha affettivi tiegħi bħala persuna. Meta dan il-bilanċ jonqos jiġri li jkun hemm instabbiltà, bdil il-ħin kollu ta’ stati ta’ ħsieb, u mġieba immexxija biss mix-“xewqa”. L-uġiegħ jibda’ jikber u joktor l-għaliex ma nibdix inżomm l-obbligi tiegħi. Filwaqt li d-diżappunti jibdew jirrankaw u jidħlu fuqi bil-goff. Speċjalment wara li l-ispirtu ta’ entużjażmu jiżvinta fija. B’hekk nispiċċa fi stati ta’ dwejjaq kbar u dippressivi għall-ebda raġuni ta’ xejn. U ż-żrara nibda’ naraha muntanja! Nispiċċa li nibda’ nċedi l-armi quddiem l-ostakkli u nibqa’ inkaxkar saqajja biex nagħmel tabilħaqq deċiżjonijiet importanti f’ħajti.
Il-problema fija tikber meta nibda’ nagħmel lili nnifsi ċ-ċentru tal-attenzjoni bil-għan li niġi rikonoxxut u rikonoxxuta. Barra minhekk nibda’ naħseb li dak li nħoss huwa l-imħabba vera. Jista’ ikun u jista’ le! Min jiżra’ f’ħajtu l-maturità affettiva jintebaħ li ħajtu ma tippermettix dwaliżmi, riduzzjoniżmu jew viżjonijiet parzjali. Ħajtu tkun trid verità. Dik il-verità li titlob, minnha innifisha, dak li ngħidulu l-ordo amoris. Jew aħjar l-ordni tal-imħabba. Il-maturità affettiva vera fil-ħajja titlob qawwa, rieda soda u l-kapaċità li wieħed isegwi u jgħix dan l-ordo.

Imma, kif jirraġunaw xi wħud, il-ħajja hija din l-istraight jacket? Fil-verità l-ħajja tibqa’ misteru. Kemm fis-sens li tipponta għall-ħajja li m’għandhiex tmiem u li diġà bdiet minn din id-dinja u kif ukoll li ħadd ma jista’ tabilħaqq ikollu l-kontroll sħiħ tal-ħajja. U mhux għalhekk l-ħajja hija affaxinanti? Mela … għall-erwieħ!

Madankollu huwa meħtieġ li niskopru xi virtujiet li jgħinuna biex mill-ġnien ta’ ħajjitna nagħmlu frott li jibqa’. Fost il-dawra li għamilt fid-dinja tar-riflessjoni, dejjem għall-frisk u d-dawl tax-xemx ħanina tal-kuritur ta’ Mater Dei, ħarġu, ħelu ħelu, dawn is-sitt virtujiet li jistgħu tabilħaqq jibdlu ħajjitna.

L-ewwel, l-impenn. Mingħajr impenn ħajjitna m’għandha sens ta’ xejn. L-għaliex nibdew insiru vittmi taċ-ċirkustanzi u addijo milli nkunu kaptani tal-vapuri ta’ ħajjitna. Il-mument li nikkommettu ruħna għal xi ħaġa jew xi ħadd, ħsibijietna jissarfu f’azzjoni u f’impenn veru. Fl-impenn għandna għażla jekk nibqgħux fih inkella nieqfux u hekk nitfgħu lilna nfusna fi frustrazzjoni, dwejjaq u addiction. Mela għaliex ma nikkommettix ruħi għall-affarijiet li jinteressawni u jagħtu lil ħajti u lil dik ta’ ħaddieħor, għan?

It-tieni, il-fidi. Mingħajr il-fidi iebsa li ngħix. L-għaliex il-fidi tipprovidili fundament spiritwali li jgħinni nibqa’ għaddej mid-diffikultajiet li nħabbat wiċċi magħhom. Madankollu l-fidi tista’ tkun sfida l-għaliex qed nafda fi ħwejjeġ li ma nistax nara. Biss, meta naffaċċja diffikultà, jekk nipprattika l-fidi u nafda fil-vjaġġ, tgħinni nibqa’ miexi ‘l quddiem u, l-istess fidi, tagħtini l-paċi. L-aktar meta naf li l-affarijiet se jimxu.

It-tielet, il-maħfra. Il-maħfra tista’ tibdel l-andament ta’ ħajjitna. Il-maħfra tgħinna npoġġu l-attenzjoni tagħna fuq ħwejjeġ oħra fil-ħajja. B’hekk ma ninkulllawx ruħna mar-rabja u r-riżentiment lejn min weġġagħna. Jekk hemm xi ħadd li għadni ma ħfirtlux ejja nirrifletti dwar kemm in-nuqqas ta’ maħfra qed jaffettwa lil ħajti. Ejja nara ftit kif se nsewwi r-relazzjoni tiegħi ma’ din il-persuna ħalli ngħix l-aħjar ħajja possibbli.

Ir-raba, il-gratitudni. Il-gratitudni hija virtù li, meta ipprattikata, ħajti tista’ tmur ‘il quddiem f’ħakka t’għajn. Il-gratitudni tgħinni ndawwar ħsibijiet negattivi f’pożittivi. Il-ħsibijiet pożittivi jwaqqfu dawk negattivi. Nies li huma grati jirkupraw malajr mill-mard, jikkowpjaw aħjar mal-istress, u jkunu aktar b’saħħithom. Dejjem hemm xi ħaġa f’ħajti li għaliha għandi nkun grat. Meta nipprattika l-gratitudni qed niffoka ħsibijieti fuq dak li qed jissarraf f’ġid f’ħajti. U dan jgħinni nagħmel bidla pożittiva.

Il-ħames, il-kuraġġ. C.S Lewis qal: “Il-kuraġġ m’huwiex sempliċiment wieħed mill-virtujiet, imma l-forma ta’ kull virtù meta tkun fil-prova”. Kemm irrid kuraġġ biex nippersevera fl-ostakoli tal-ħajja. Kemm kuraġġ irrid biex inkun onest ma xi ħadd dwar dak li nħoss tassew. L-integrità tinħtieġ kuraġġ l-għaliex qed nagħmel l-aħjar ħaġa. Anki jekk tkun tassew iebsa. Ejja naħseb billi nkun kuraġġuż meta nipprattika l-virtujiet. B’hekk nikber fil-virtù!
Is-sitta, l-imħabba. Bl-imħabba, kull ħaġa hija possibbli. Bl-imħabba r-relazzjoni jilħqu l-milja tagħhom. Bl-imħabba tikber fija l-fiduċja fija nnifsi. Għalhekk nibda’ nħobb aktar lili nnifsi u nkun ta’ servizz għall-oħrajn. B’hekk se nesperjenza aktar paċi u armonija. U se noħloq l-istess għall-oħrajn. L-imħabba iddawwal lil ħajti u timlieha bil-paċi. Jekk xi ħadd jikkritani minflok ma nħalli lili nnifsi ninġarr mir-rabja, ejja nieħu nifs ‘il ġewwa u nagħżel li ngħidilhom kif inħossni b’ġentilezza u mħabba. Biż-żmien nibda’ ninduna li din il-prattika iddaħħal lili u lil min weġġagħni f’aktar paċi u ferħ.

Għaliex din is-sena ma niżrax dawn iż-żrieragħ tal-impenn, tal-fidi, tal-maħfra, tal-gratitudni, tal-kuraġġ u tal-imħabba fl-għalqa ta’ ħajti? Is-Seminarju! …

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: