Vanġelu(Mt 17, 1-9): Bil-Grieg tintuża l-kelma “metamorfosi” mhux trasfigurazzjoni. Aħna din nużawha meta dudu jsir farfett. Hawn min jitqażżeż meta jara ċertu dudu, imma jammirah meta jsir farfett sabiħ. It-test jibda bil-kliem: “Sitt ijiem wara..” għax sitt ijiem qabel, f’Ċesareja Filippi, Ġesu staqsa lill-Appostli: “Min tgħidu li jien?” Pietru wieġbu: “Int il-Messija.” Wara din l-istqarrija ta’ fidi, Ġesu ħabbrilhom li se jmur Ġerusalemm. U kellu jċanfar lil Pietru għax lumu, u għax b’raġunar bħal tal-bnedmin kien fi kliem ieħor qed jgħidlu: “Min jagħti ħajtu għall-oħrajn huwa fallut.”
Illum Ġesu ried juri lit-tlitt appostli li dak li f’għajnejn in-nies jidher ikrah u fallut, jista’ jkun sabiħ u ta’ suċċess. Riedhom jagħmlu esperjenza mill-viċin tal-wiċċ u tal-presenza tal-Missier. Illum qed jistieden lilna wkoll biex inħarsu lil hinn mill-bniedem fallut fuq is-salib u nagħmlu esperjenza tal-istess bniedem mibdul f’wieħed glorjuż u li jittrasmetti l-Wiċċ imdawwal tal-Missier Etern.
- Pietru, Ġwanni u Ġakbu magħżula llum u aktar tard fl-Ort tal-Ġetsemani.
- “Fuq muntanja għolja”, i.e. il-post fejn wieħed jinqata’ mid-dinja u jagħmel kuntatt aktar mill-viċin m’Alla. Biex nagħmlu l-esperjenza tal-lum, anki aħna rridu ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja – hawn min jagħmel ħin ta’ talb fil-kwiet (quiet time) id-dar jew f’xi kappella. Hawn min kull tant imur f’xi dar tal-irtiri. Irridu ninqatgħu mhux biss mill-istorbju imma wkoll mir-raġunar u l-kriterji tad-dinja. F’dan is-silenzju, waqt ir-riflessjoni u l-meditazzjoni, il-Mulej se jtina l-grazzja li nagħmlu esperjenza tal-preżenza ta’ Kristu fil-glorja tiegħu, u nħossu l-ferħ li ħassew l-Appostli. Mose’ u Elija kienu ppreparaw il-poplu Lhudi għall-glorja t’Alla.
- Mose’ darba staqsa lil Alla biex jara wiċċu. Alla qallu: “Ħa ngħaddi minn quddiemek imma se ngħattilek għajnejk. Wara li nkun għaddejt tista’ tiftaħ għajnejk u tara l-glorja tiegħi fl-opri li nkun wettaqt.”
- Elija wkoll kien tela’ fuq muntanja (Ħoreb) biex ifittex lil Alla. Ma sabux fit-terrimot jew fit-tempesta, imma f’żiffa ħelwa, fil-vuċi tas-silenzju. Din kienet preparazzjoni għall-miġja ta’ Kristu li kellu juri lid-dinja id-dawl tal-Missier.
- Pietru tant għoġbitu dix-xena li ried iwaqqaf l-arloġġ. “Intellgħu tliet tined”, i.e. ħa nibqgħu hawn u nkomplu ngawdu dan il-wiċċ ġdid ta’ Kristu għal dejjem.” Mela jekk aħna nitilgħu il-muntanja (inħallu warajna l-kriterji u r-raġunar tal-bnedmin) , aħna wkoll nibdew induqu dal-ferħ, għax naffaxxinaw ruħna meta naraw lil Kristu kif jaraH il-Missier. Ġesu ħa t-tlitt Appostli għalihom, imma fuq l-għolja kienu ħaġa waħda – kommunita. Aħna nitilgħu l-għolja kull darba li niltaqgħu bħala kommunita għat-talb u għall-qsim tal-Ewkaristija. Din għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ kbir għax hemm kuljum nitgħallmu dejjem iżjed kif niċħdu l-kriterji u l-valuri tad-dinja u nħaddnu dawk tal-Kelma t’Alla. Imma ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja l-ħin kollu. Irridu nerġgħu lura fid-dinja biex inħajru lil ħutna iħaddnu dak li ksibna aħna.
- “Sħaba mimlija dawl….” ma tantx tagħmel sens. Sħaba s-soltu ġġib id-dlam. Din tfisser li dment li għadna f’did-dinja qatt m’hu se naraw lil Alla kif inhu. Dejjem se jkun hemm mumenti ta’ dlam. ċpar, misteru. Imma minn qalb is-sħaba toħroġ il-vuċi t’Alla: “Dan hu Ibni l-Għażiż….” Darb’oħra biss smajniha din il-vuċi: fil-magħmudija ta’ Ġesu. Dak in-nhar Ġesu ma deherx waqt li kien qed jagħmel il-mirakli, imma deher bħala midneb li kellu bżonn il-magħmudija ta’ Ġwanni. Għalhekk il-Missier jikkonferma lin-nies: “Dan m’huwiex il-midneb li qed taraw intom, imma Ibni l-Għażiż.” Illum fuq it-Tabor il-Missier jerġa’ jikkonfermalna: “F’Ibni l-Għażiż għandkom taraw lili. Mela, isimgħu Lilu.” In-Nisrani jrid jisma’ lil Ġesu billi jaċċetta l-proposti tiegħu. In fatti it-tliet appostli li raw id-dija ħierġa mill-wiċċ Divin ta’ Ġesu, issa, għal dil-proposta, waqgħu wiċċhom fl-art bil-biża’. Kull tant il-proposti li jagħmlilna Ġesu m’humiex faċli. Anzi xi kull tant huma tal-biża’ għax huma mpenjattivi ħafna. Għalhekk Ġesu resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux!” Fi żmien ta’ qtiegħ il-qalb, ejjew aħna wkoll nistħajlu lil Ġesu jgħidilna biex inqumu fuq saqajna u ma nibżgħux. Niftakru li kien hu li l-ewwel ta ħajtu għall-oħrajn.
- “Huma refgħu għajnejhom u raw lil Ġesu biss.” Issa li għandna d-Dawl, ix-xogħol ta’ Mose u Elija intemm. L-espressjoni “refgħu għajnejhom” tħabbar li xi ħaġa sabiħa se tiġri dal-waqt. Eżempji: (a) Meta Alla qal lil Abram: “Erfa’ għajnejk u ara tistax tgħodd il-kwiekeb” – riżultat: Alla għamel patt mal-poplu Lhudi (b) ..lil Mose: “Ħares lejn il-Lvant u l-Punent” – riżultat: Alla ta b’wirt l-Art Imwiegħda lill-poplu magħżul Tiegħu. (c) Meta Ġesu refa’ għajnejh lejn is-sema qabel xi miraklu; jew biex jara l-Żakkew fis-siġra. Jekk għad hawn il-faqar u l-gwerer fid-dinja forsi għax mhux qed nerfgħu għajnejna lejn is-sema aktar ta’ spiss.
Wara din l-esperjenza, l-Appostli niżlu minn fuq il-muntanja, persważi li, biex jgħinu lill-oħrajn jiskopru il-vera identita ta’ Kristu, kien meħtieġ li jservuhom. Aħna għandna bżonn nagħmlu l-istess.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini