Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Marija purtinara li nafdawha

Marija purtinara li nafdawha


Is-Sibt 7 ta’ Ottubru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Pellegrinaġġ Nazzjonali tal-Morda tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ San Ġwann. Festa ta’ Sidtna Marija tar-Rużarju Mqaddes, Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

36899749383_d5e15b2267_o.jpg

Insellem lilkom morda li bl-għajnuna tal-Ordni ta’ San Ġwann qed tieħdu sehem f’dan il-Pellegrinaġġ nazzjonali lejn is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.

Meta nirrifletti dwar il-ġrajja ta’ meta l-Anġlu Gabrijel, il-messaġġier ta’ Alla, żar lil Marija f’Nazaret, nammira t-tjubija ta’ Alla li biex jiltaqa’ mal-bniedem lest li jiġi jżuru fid-dar tiegħu stess! Ħafna jaħsbu li Alla jgħammar fit-tempju, u huwa l-bniedem li jrid jinqala’ minn postu u jmur fit-tempju biex jiltaqa’ ma’ Alla. Imma Alla tagħna jaħdem mod ieħor: huwa jħabbat fuq il-bieb ta’ Marija, jitlobha tiftaħlu, jidħol ipoġġi għandha u jiddjaloga magħha.

Dak li Alla għamel ma’ Marija lest li jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna. Alla jrid jixref fil-kamra tiegħek biex jagħtik il-wens tiegħu; huwa lest jieħu s-siġġu vojt li hemm f’kamartek u bis-sabar u l-imħabba jisimgħek. Hekk biss il-bniedem ikun jista’ jifhem it-tislima sinifikattiva tal-anġlu: “Il-Mulej miegħek”.

Jien nissuspetta li hawn min jaħseb li biex Alla jiġi f’kamartu, wieħed irid ikollu l-kamra ordnata u f’postha. Il-moħħ limitat tagħna l-bnedmin jgħidilna li Alla ma jidħolx fejn hemm l-imbarazz, il-ħmieġ u d-diżordni. Imma dan huwa raġunament żbaljat, għax l-imbarazz, il-ħmieġ u d-diżordni ma jnaffrux lil Alla. Alla ma tagħmilx bih il-konfużjoni, għax huwa jħares lejn il-persuna. Għalih il-bniedem huwa dejjem sagru, anki jekk ikun jgħix fit-taħwid. Anzi, huwa meta Alla jiġi f’kamritna li mbagħad aħna nsibu l-kuraġġ u l-qawwa biex inqiegħdu l-affarijiet f’posthom.

Jien konvint li qed tifhmu li jien mhux qed nitkellem dwar il-cubicles materjali fejn ngħixu, imma dwar “il-kamra interjuri” tagħna – qed nirreferi għal qalbna! Alla jixtieq isib post fil-qalb tagħna; tinkwetawx jekk f’qalbna mhux kollox huwa ordnat. Ladarba niftħulu biex jidħol mill-għatba ’l ġewwa, imbagħad l-affarijiet jinżlu f’posthom bil-mod il-mod.

Ħafna drabi nibqgħu sorpriżi bil-modalità li juża Alla biex jagħmel lilu nnifsu preżenti f’ħajjitna, għax ġieli jimmanifesta ruħu b’mod stramb ħafna. Fil-fatt, mhux lakemm inniżżluha li Alla jaf iżurna waqt it-tbatija. Normalment it-tbatija tifxilna u ddaħħalna fi kriżi umana u spiritwali. Ħabib tiegħi li bħalissa laqqat daqqa sewwa ta’ stanga fuq rasu beda jistaqsi fejn hu Alla meta jippermetti l-inġustizzji! Imma l-esperjenza tixhdilna li kien hemm min fit-tbatija ngħaqad ma’ Kristu msallab u ġarrab faraġ kbir! Hemm min, għax imwieżen bil-fidi, waqt li kien qed iġorr is-salib tat-tbatja (mard, solitudni, umiljazzjoni, u l-bqija), kien konvint li Ġesù kien iċ-Ċirinew tiegħu!

Għalhekk, għeżież morda, qawwu qalbkom. Alla qatt ma huwa sejjer jabbandunakom; anzi, kif għidna aktar ’il fuq, jixtieq jiġi joqgħod għandek u miegħek biex jagħmillek kumpanija.

Illum, Festa tal-Madonna tar-Rużarju, inħeġġiġkom tieħdu f’idejkom il-kuruna tar-Rużarju u ssejħu l-għajnuna ta’ Marija Ommna. Inpoġġikom taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu biex xħin il-Mulej iħabbat fuq il-bieb ta’ kamartkom, hi tgħinkom tiftħulu beraħ biex jidħol joqgħod magħkom. Marija hija purtinara li nistgħu nafdawha!

Ritratt: Martin Micallef

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: