Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Ġesù jikser il-liġi

Ġesù jikser il-liġi


It-Tnejn 18 ta’ Diċembru 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Funeral tal-Kan. Ġużepp Said. Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.

Mhux darba jew tnejn jiġrilna li nsibu ruħna f’ċirkustanzi fejn inkunu f’salib it-toroq għax ma nkunux naf jekk għandniex nimxu mal-ittra tar-regola jew nagħlqu għajn waħda! Ċiċerun kien jgħid li “summum ius, summa iniuria”, fis-sens li xi drabi l-applikazzjoni dejqa tal-liġi maħsuba biex ikun hemm il-ġustizzja, tista’ tikkawża inġustizzja. Is-sitwazzjoni tkompli ssir gravi jekk dan il-kunflitt ikun mal-liġi ta’ Alla!

Fil-Vanġelu naqraw li San Ġużepp kien sab ruħu f’sitwazzjoni bħal din meta sar jaf li l-maħbuba tiegħu, Marija minn Nazaret, kienet qed tistenna tarbija mhux minn tiegħu! Hu kien jaf tajjeb ir-regoli li hemm fil-Bibbja. Fil-fatt, fil-ktieb tad-Dewteronomju hemm miktub illi jekk “ma jinstabux il-provi tax-xbubija tax-xebba, jieħdu t-tifla fil-bieb ta’ missierha u jħaġġruha l-irġiel tal-belt tagħha sakemm tmut għax tkun għamlet għajb f’Iżrael” (22:22). F’ċertu sens Ġużeppi ma kellux għażla: skont il-liġi hu kellu “jxandarha quddiem kulħadd”; imma ta’ bniedem “ġust” li kien, fid-dixxerniment tiegħu Ġużeppi jasal għall-konklużjoni li l-liġi tal-imħabba tirbaħ fuq il-liġi tal-kundanna. Huwa “jikser” il-liġi biex “jobdi” liġi superjuri: il-kmandament tal-imħabba. Misjuq mill-imħabba lejn Marija, huwa jagħmel għażla li tpoġġih f’riskju li n-nies tal-belt jakkużawh li ma kienx mexa mar-regola!

37

Dan ifakkarni f’dak li tgħid il-filosfa u mistika Simon Weil: meta l-liġi tiġi qabel il-persuna, din tkun l-essenza tad-dagħwa. Awtriċi oħra tirrimarka li “r-regola tagħna hija l-imħabba u aħna għandna nwarrbu kull regola meta din tiġi f’kuntrast mal-imħabbba”.

F’ċertu sens, San Ġużepp antiċipa dak li mbagħad għamel Ġesù meta fejjaq fil-jum tas-Sibt (Mt 12) u hekk kiser il-liġi tal-ħarsien tas-Sibt biex seta’ jagħti dinjità lil persuna marida.

Naf li dan li qed ngħid jista’ jħawwadna, għax il-kultura tagħna hija għalkollox l-oppost – normalment aħna ma nistriħux qabel ma nieħdu l-pound of flesh mingħand min ikun għamel xi azzjoni ħażina! Ħafna minna li jippreżentaw ruħhom bħala difensuri tal-ġustizzja, jemmnu biss fil-ġustizzja vendikattiva u mhux dik restorattiva. Għalhekk xi drabi nissuspetta li taħt l-għajta għall-ġustizzja jkun hemm moħbi l-għatx għad-demm ta’ min ikun żbalja.

San Ġużepp seta’ jagħmel dan ir-raġunament għax kien raġel li “joħlom” u l-qofol tal-ħolm tiegħu ma kinux xbihat imma kliem. Dan il-ħolm tal-kliem huwa propost anki lilna llum permezz tal-Vanġelu, fejn Ġesù jissostitwixxi l-għadd ta’ kmandamenti u regoli li kellhom il-Lhud bi kmandament wieħed: il-kmandament tal-imħabba.

Illum qegħdin nagħtu l-aħħar tislima lill-Kan. Ġużepp Said, li bħala saċerdot kien xandar ta’ dan il-Vanġelu li jispira l-ħolm fil-bniedem! Kull meta niċċelebra funeral ta’ wieħed minn ħuti s-saċerdoti, inħoss li għandi nġedded l-appell tiegħi biex il-komunità ekkleżjali titlob għall-vokazzjonijiet saċerdotali. Għax jekk ma jkollniex lil min iħabbrilna l-Vanġelu, aktar u aktar nitilfu l-ħila li noħolmu ħolm imnebbaħ mill-Kelma ta’ Ġesù li jgħinna nkomplu nibnu ċiviltà tal-imħabba.

Filwaqt li bit-talb u l-penitenza nissufrugaw ir-ruħ ta’ Dun Ġużepp, għandna tama li meta l-għeżież erwieħ jersqu fil-preżenza ta’ Alla, bħal San Ġużepp Alla mhux ser ikun bil-ktieb tal-liġi f’idejh, imma għani fil-ħniena jħaddanhom b’dirgħajh miftuħa.

Ritratt: Mario Muscat.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: