Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tlieta, 19 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tat-Tlieta, 19 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 1, 5-25

Luqa jibda billi jagħtina l-isfond. L-ewwel u qabel kollox storiku. Iż-żmien huwa l-kuntest. Dak li se jirrakkonta mhux ħolma jew stħajjila iżda fatt li ġara fiż-żmien, żmien li fih is-sultan kien Erodi l-kbir bl-ikbar saltna għax warajh inqasmet bejn l-erba’ wliedu. Kien iż-żmien li fih inbena t-tempju ta’ Ġerusalemm mill-ġdid biex jibqa’ jfakkar il-qawwa tas-sultaniktar milli biex ikun id-dar fejn Alla jgħammar.

Imbagħad jagħalq fuq dar fil-kampanja, ftit ’il barra minn Ġerusalemm, fejn kienet tgħix koppja mdaħħla fiż-żmien, Żakkarija (Alla jiftakar) u Elisabetta (Alla jżomm kelmtu u jagħti bl-abbundanza). Kienu mnissla mit-tribù ta’ Levi, minn ulied Aaron, ħu Mosè, familji ta’ qassisin; nies ġusti, fidili quddiem Alla li r-rabta ta’ bejniethom kienet mibnija fuq l-osservanza tal-kmandamenti u tal-liġi. F’għajnejn is-soċjetà li kienu jgħixu fiha, minkejja li kienu nies tajba, kellhom żvantaġġ wieħed, ulied ma kellhomx u San Luqa jurina mill-ewwel li issa kull tama ta’ wlied kienet intfiet; żewġ ragunijiet: Eliżabetta ma setax ikollha u t-tnejn kienu mdaħħla fiż-żmien. F’għajnejn kulħadd, it-tnissil tal-ulied fi ħdan din il-koppja ta’ nies ġusti kien impossibli.

Luqa jeħodna fit-tempju imma ma jgħidilniex jekk hux fis-sebħ jew fi nżul ix-xemx, iż-żewġ ħinijiet li fihom, kuljum, kien jinħaraq l-inċens fil-qalba tat-tempju, fil-kamra ta’ qabel il-post imsejjaħ il-Qaddis tal-Qaddisin. In-nies kienu qed jitolbu barra. Magħżulin bix-xorti tlitt qassin kienu jidħlu wieħed wara l-ieħor. L-ewwel wieħed jidħol u jnaddaf l-artal mil-irmied tal-offerta ta’ qabel u joħroġ, it-tieni wieħed idaħħal il-faħam jaqbad u jqiegħdu fuq l-artal tad-deheb u joħroġ u t-tielet jiħdol, iferrex l-inċens fuq il-faħam u jitlob għall-poplu. Żakkarija kien tal-aħħar, bl-ikbar ġieħ. U hemm iseħħ dak li ma kienx mistenni. L-anġlu Gabrijel jidher fil-lemin tal-artal u jkellem lil Żakkarija. Tibżax. Tibżax għax it-talb tiegħek instema’. Inti tlabt biex ikollok iben imma qiegħed hawn biex titlob għall-poplu. Alla se jagħtik dak li tlabt għalih, iben biex iħejji lill-poplu bilqawwa ta’ Elija. Isem Żakkarija u isem martu jtwettqu; Alla jiftakar u Alla jagħti li jwiegħed bl-abbundanza. Din hi l-Evanġelju għal Żakkarija; l-aħbar it-tajba ta’ iben li ġej, biex iqiegħed kollox f’postu bi tħejjija għal dak li ġej warajh: iben ieħor, il-Mulej.

Din il-bxara tasal f’post qaddis, fil-ħin tat-talb meta x-xewqat tajba tal-bniedem jitilgħu ifuħu mall-fwar tal-inċens quddiem Alla. Il-fwieħa tal-offerta tat-talb togħġob lil Alla u Alla jżomm kelmtu b’ġenerożità u b’abbundanza, jagħti b’idejh miftuħa. Anke l-isem mogħti minn Alla stess lit-tarbija mħabbra juri dan: Jo ħannan – Alla jħenn.

Quddiem il-ġenerożità bla tarf ta’ Alla, il-bniedem ikejjel bil-qies tiegħu u jiddubita; kif jista’ jkun! Jiena ma nistax! Qed tgħaddini biż-żmien! Kif tista’ twiegħedni xi ħaġa li jiena naf li ma tistax isseħħ! Hekk għamel Żakkarija. Hekk nagħmel jien u hekk tagħmel int. Iżda Alla ma jitlobx mingħandna. Alla jgħidilna x’se jagħtina u jurina kif nilqgħuh u nagħmluh tagħna.

Mhix il-qawwa tagħna li taħdem imma l-imħabba ħanina tiegħu. L-iżball tagħna huwa li naħsbu li Alla qed jitlobna nagħtuh, u aħna nafu li ma nistgħu nagħtuh xejn li m’għandux diġa. Alla ma jrid xejn mingħandna ħlief li nilqgħu b’qalbna kollha dak li jagħtina. Meta niddubitaw il-ġenerożità abbundanti ta’ Alla nisfaw bla smiegħ u bla kliem kif spiċċa Żakkarija. Widnejna jingħaqlu għall-aħbar it-tajba li taslilna u b’riżultat ta’ hekk ma nistgħux nitkellmu dwarha. Mhux jien għamilt xi ħaġa ma’ dak li jista’ kollox, iżda hu għamel miegħi ħwejjeġ kbar.

Għall-ġenerożità abbundanti ta’ Alla m’hemm ħitan. Il-wegħda sseħħ u Alla jagħti xorta waħda minkejja d-dubji u s-suspetti tagħna. Id-dubju ta’ Żakkarija, is-suspett li l-anġlu kien qed jgħaddih biż-żmien ma żammx lil Alla milli jkompli jagħti. Eliżabetta nisslet.

U fina għadu jnissel ukoll biex ineħħi minn fuqna l-għajb tad-dgħufija u l-limitazzjonijiet tagħna.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: