Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tnejn, 18 ta’ Diċembru 2017

L-Evanġelju tat-Tnejn, 18 ta’ Diċembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 1, 18-24

Donnu l-iktar ħaġa normali. Donna ħaġa li tiġri kuljum lil kulħadd. It-tqala la hi ppjanata u lanqas mistennija mill-koppja. Il-qrab u l-ħbieb u r-raħal kollu kienu jistennewha u jixtiquha. Iżda kif ġraw l-affarijiet ix-xitan daħħal denbu bejn Ġużeppi Marija.

Forsi kultant, tant drajna nismigħu ir-rakkont, li rari jqajmilna kurżità dwar dak li tassew ġara. San Mattew, wara li jagħtina l-arblu tar-razza ta’ Ġesù, u li fih iktar jidher li tinteressah l-aspett spiritwali tiegħu, it-twettiq ta’ dak li Alla xtaq u ppjana milli l-aspett geneoloġiku storiku, jgħaddi biex jgħidilna kif seħħew il-ġrajja fil-fatt. Bħalma jagħmel spiss jorbot ir-rakkont ma’ siltiet mill-profeti biex ikompli jsaħħaħ li dak li qe djiġri huwa t-twettiq u l-qofol ta’ dak li Alla wiegħed. F’dan il-kas, il-Lhud li qed jisimgħu jew jaqraw dawn ir-rakkonti jħossu tassew li Alla żamm kelmtu u jindunaw bil-milja tar-rivelazzjoni fis-seħħ f’dan il-ġrajja.

Iżda, bħal ma nafu lkoll, mhux kollox huwa faċli. Saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi taf, għax nafu minn San Luqa li Alla talab anke l-kunsens tagħha u hi aċċettat, iżda Ġużeppi, ġust kemm huwa ġust, jidher li ma niżlitlux ħafna din l-aħbar. U tant kien ġust li ried jimxi mal-liġi. Ġust ma jfissrx baħnan. Ġust ifisser fidil lejn il-liġi u t-twettiq tagħha. Kien jaf li skont il-liġi, kien jpnqos li kieku ddeċieda li jħalli kollox għaddej, imma fl-istess ħin ma riedx li tiġri ħsara lil dik li ħabb u lanqas lil dak li kellha f’ġufha. Konflitt tal-biża’ li ġej mill-ħtieġa tal-għażla mhux bejn it-tajjeb u l-ħażin, iżda bejn dak li ħass u dak li tgħallem; il-konflitt li jqum fik meta moħħok jgħidlek mod u qalbek tgħajjat mod ieħor. Legalment ma setax iżommha b’martu iżda fl-imħabba li kellu lejha ma setax jikxifha quddiem in-nies; kien jaf ukoll li jekk jagħmel hekk kienet tkun akkużata b’adulterju b’sentenza waħda mdendla fuq rasha: it-tħaġġir.

Bis-sejħat strambi li Alla jagħmel iqajjem tiġrib kbir f’qalb il-bniedem. It-tiġrib mhux bilfors tentazzjoni, iżda jista’ jfisser ukoll konfużjoni, kif wara kollox ġarrbet Marija fit-tħabbira. It-tiġrib huwa l-konflitt bejn dak li taf u dak li mdorri bih, anke jekk hu tajjeb u dak li Alla jixtieq minnek. Tiġrib li għandu l-ħila jkisser lil min jinsab fih jekk ma jagħrafx li min qed isejjaħlu huwa qawwi u ta’ min jafdah; li għalih kollox jista’ jkun.

Jidher li l-irqad ta’ Ġużeppi ma ġablux mistrieħ. Iżda Ġużeppi joħlom u jagħraf dak li jingħadlu fil-ħolm. Ir-raġel li joħlom jisma’ lill-anġlu fil-ħolm li jurih l-isfond ta’ dak li qed jiġri. Ismu jfisser ‘dak li jżid’ u huwa bin David, razza rjali li minnha kellha toħroġ ir-rimja l-ġdida, minn Iben Ġesse (missier David). F’dan l-isfond, serraħ moħħok, tibża xejn.

‘Tibża xejn’ huwa l-kuraġġ li jingħata għexieren ta’ drabi fl-Iskrittura kollha, tlitt darbiet fl-Evanġelju ta’ San Mattew. Alla jaf li l-bniedem huwa dgħajjef, iktar u iktar meta jiġi mistieden biex jagħmel pass fid-dlam. L-imgħoddi huwa l-korazza tagħna, l-esperjenza li għaddejna minnha aħna u ta’ qabilna tibni madwarna s-swar li jiidefenduna minn adak li huwa ġdid, anke jekk hu tajjeb, anke jekk hu l-aqwa, anke jekk ġej minn Alla. Nibżgħu meta nissuspettaw li dawn is-swar mhux qed jiddefenduna iżjed minn dak li qe djiġi mitlub minna. Ħafna drabi jew naħarbu jew inkella nippruvaw nirreżistu nilli nqawwu dawn is-swar u ngħixu għalihom, biex nikkonvinċu lina nfusna li kull ġdid huwa ħażin. Tant ninsatru u ninħbew fl-imgħoddi li naħsbu li għadna ngħixu fih.

Ġużeppi jemmen dak li ħolom bih u jafda. Ġużeppi jqum u jagħmel dak li sema’ fil-ħolma stramba tiegħu.

Forsi f’dawn il-jiem Alla qed iħallem lilna lkoll biex mingħajr biża’ nagħtu kasu u nafdawh. Il-wegħda seħħet permezz ta’ Ġużeppi imma sseħħ ukoll bik u bija. La tibża xejn. Mhux bilfors se nsibuha faċli, għax il-kuraġġ u l-fiduċja mhumiex il-bluha ta’ min ma jaħsibx imma l-għerf u l-għaqal ta’ min jafda f’Alla. Mhux bilfors se nagħmlu dak li jagħmel kulħadd, imma mhux dak lkollu li jagħmel kulħadd huwa l-aħjar.

It-toroq ta’ Alla mserrpa ħafna u l-mogħdijiet tiegħu strambi lkoll. Strambi f’għajnejn il-bnedmin. Imma l-istramberija tal-bnedmin dejjem tellgħet fil-wiċċ in-normalità ta’ Alla, li mhix mibnija fuq il-loġika tal-moda maħduma bizzilla fuq l-aptiti u x-xewqat tal-bnedmin, imma fuq l-imħabba li tagħmel minn kollox biex issalva lill-bnedmin u telishom mix-xkiel ta’ dnubiethom.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: