GĦAX JIENA HEKK NAĦSEB.


Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

Din pjuttost tirrifletti l-kultura tagħna llum. Mhux qed ngħid hekk biex innaqqas is-sabiħ li għandna fil-kultura li qed ngħixu fiha, iżda biex naraw li biex ngħixu ta’ nsara rridu nagħtu każ ta’ din l-attitudni. In-nisrani ma jistax jimxi ma’ dan l-individwaliżmu tas-soċjeta’ tagħna u jimxi wara Kristu. Għandna espressjonijiet oħra li jfissru l-istess ħaġa: “Għax jien hekk inħoss”; “Għax hekk inħoss fil-kuxjenza tiegħi”.

Mgr Paul Cremona OPAlla l-Ħallieq ta l-kuxjenza lil kull bniedem, jemmen u ma jemminx. Din hija fakulta’ fil-moħħ tagħna li turina d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Inħossuna tajbin meta nimxu skont il-kuxjenza tagħna lejn it-tajjeb, inħossuna mċanfrin meta nagħmlu xi ħaġa kontra dak li tgħidilna l-kuxjenza bħala tajjeb. (Jista’ wkoll jiġri li wieħed jasal biex imewwet il-kuxjenza tiegħu hekk li ma jħossx xejn fiha).

Alla l-Imbierek wriena din ir-realta’ fil-Ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2,7-9.15-17). Niktbu iktar fuq dan il-ktieb tant importanti f’post ieħor. Alla spjegalna veritajiet kbar b’dan b’mod li nistgħu nifhmu. Alla ħalaq lil Adam u Eva, u qegħdhom ġewwa ġnien. F’dan il-ġnien kien hemm siġra tal-frott – is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Qalilhom biex ma jeklux minnha: iħallu lilu jgħidilhom xinhu tajjeb u ħażin.

Huma ġew ittentati biex jieklu minnu b’dan il-kliem: “Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3,4-8). Minflok ma jħallu ‘l Alla jmexxihom, issa se jagħżlu huma xinhu t-tajjeb u l-ħażin. Hija l-istess ħaġa li ħafna drabi qed jiġri llum kif semmejna ‘l fuq.

Iżda n-nisrani jrid iwieġeb għall-istess domanda li rajna fil-Ġenesi: iniex se nħalli ‘l Alla jurini xinhu t-tajjeb u l-ħażin jew inwarrab lilu u nimxi b’rasi biss. Alla l-Imbierek ried iħeffilna t-triq. Għallimna hu xinhu t-tajjeb u l-ħażin: fil-kmandamenti, fil-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesu’. Min jemmen irid jafda lil Alla biżżejjed hekk li jorbot il-kuxjenza tiegħu mad-direzzjoni li tana Alla. Irid iħalli il-Kelma ta’ Alla ddawwal il-passi kollha li jagħmel. Irridu nagħmluha tagħna bil-fidi u bit-talb u nwettquha bil-fatti. Hu b’dan il-mod li aħna niffurmaw il-kuxjenza tagħna (Katekiżmu tal-KNISJA KATTOLIKA,  n. 1802. Ara wkoll nn 1776 – 1802). San Pawl jitkellem hekk: “… anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi, iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani” (I Kor 4, 3.4).  

Ma tistax timxi fiż-żewġ direzzjonijiet: tgħid li inti ‘kristjan’ iżda timxi bil-kuxjenza tiegħek biss. Trid tagħżel. U mbagħad li fl-aħħar mill-aħħar tkun aħjar jekk timxi fuq il-passi tal-Mulej.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.