Is-Sagrifiċċju ta’ Kristu


Kitba ta’ Angelo Xuereb – Kristu bata waqt il-passjoni u għalhekk permezz tas-sagrifiċċju li għamel kisbilna l-fidwa.

Sagrifiċċju

Il-kelma sagrifiċċju għandha diversi tifsiriet. L-ewwel nett tiġina quddiem għajnejna t-tifsira li nsibu fil-Bibbja. Fit-Testment il-Qadim kienu jsiru s-sagrifiċċji tal-annimali billi dawn kienu jinqatlu u jiġu offruti lil Alla u hekk il-bniedem kien jitħabbeb ma’ Alla. Fit-Testment il-Ġdid naraw lil Kristu, jinqatel flok l-annimali, bħala sagrifiċċju lil Alla biex jifdi lill-bnedmin kollha ta’ kull żmien. L-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħidilna: “Hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess” (Lhud 9,12).

Il-martri mxew fuq il-passi ta’ Kristu meta huma ssagrifikaw ħajjithom biex jagħtu xhieda għall-fidi. Meta huma ġew biex jagħżlu bejn il-mewt jew li jiċħdu lil Kristu, huma għażlu li jmutu. Dan għamluh b’konvinżjoni li mewthom kienet tkun ta’ ġid mhux biss għalihom infushom iżda wkoll għall-oħrajn. Il-għaref Tertulljanu jgħidilna: “Id-demm tal-martri huwa żerriegħa ta’ nsara ġodda.” Meta nkunu nitkellmu dwar il-martri ma rridux nitqarrqu u naħsbu li dawn kienu fl-ewwel żminijiet tal-Knisja iżda nistgħu ngħidu bla tlaqliq li s-seklu 20 u l-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin kien kienu żmien ta’ martirju.

Iżda l-kelma sagrifiċċju tfisser aktar milli wieħed jħalli ħajtu. Tfisser kull ċaħda li nagħmlu biex niksbu xi ħaġa aħjar. L-eżempju tal-istudent li jagħmel ħiltu kollha biex jgħaddi mill-eżami huwa xhieda ta’ dan. Kull sagrifiċċju li nagħmlu jimplika tbatija. L-awtur tal-Ittra lil-Lhud jgħidilna: “Tabilħaqq, skont il-Liġi, tista’ tgħid kollox jissaffa bid-demm; u bla tixrid tad-demm ma hemmx maħfra” (Lhud 9,22).

Kull sagrifiċċju jimplika tbatija. Tista’ tkun żgħira jew kbira imma dejjem hija tbatija. Huwa ssagrifika ħajtu fit-tbatija biex iġibilna s-salvazzjoni. U t-tbatijiet ta’ Kristu waqt il-passjoni kienu mill-aktar ħorox. Bata f’ġismu billi safa flaġellat b’mod mill-aktar kiefer kif ukoll inkurunat bil-kuruna tax-xewk. Sofra wkoll it-titqib f’idejh u riġlejh bl-imsiemer. Mhux hekk biss. Sofra wkoll fl-ispirtu tiegħu. Sofra fil-ġnien tal-Ġetsemani meta għaraq id-demm, meta ttradieh Ġuda, meta l-Appostli abbandunawh, meta safa kkundannat għall-mewt bla ħtija, u minn tant insulti.

Iżda s-sagrifiċċju ta’ Kristu ma kienx għalxejn. Permezz ta’ tbatijietu u mewtu, Kristu kisbilna s-salvazzjoni u fit-tielet jum qam rebbieħ biex ma jmutx aktar.

Fuq il-passi ta’ Kristu
Bħala nsara aħna msejħin biex nimxu fuq il-passi ta’ Kristu. San Ġorġ Preca jfisser b’mod mill-aktar ċar: “Kristu għallimna nagħmlu tul il-ħajja tagħha kollha sagrifiċċju f’kollox, meta kkmanda lilna lkoll sekulari tiegħu li niċħdu lilna nfusna. Tiċħad lilek innifsek tfisser ma tagħmilx dak li lilek jogħġob, tmieri lil qalbek, ma tikkuntentax in-natura tiegħek, u b’hekk għandha tidħol dejjem is-sofferenza, jew kbira jew żgħira, għax in-natura ftit jew wisq dejjem tibqa’ mingħajr is-sodisfazzjon tagħha, u għalhekk tbati” (Il-Kalċi tal-Morr, Nru 195).

Inkunu nitqarrqu jekk naħsbu li r-reliġon nisranija tgħallimna ċaħda li tagħmilna mdejqin. Meta wieħed jagħmel sagrifiċċju jimmerita mhux biss premju fil-ħajja ta’ dejjem iżda minn din id-dinja stess. Iħoss paċi kbira li Alla biss jaf jagħti.

Hekk jew hekk wieħed irid ibati. Min ma jagħmilx sagrifiċċju jbati wkoll. Jekk ma jmerix lilu nnifsu u jissodisfa lilu nnifsu jidħol f’baħar ta’ inkwiet. It-triq hija ċara. Jew tbati ma’ Kristu u ssib il-ferħ jew tbati mingħajr Kristu. Din mhix ħlief it-triq tal-frustrazzjoni. Fl-ewwel Ittra ta’ San Pietru nsibu dan: “Għax aħjar li wieħed jagħmel it-tajjeb u jsofri, jekk din hi r-rieda ta’ Alla, milli jagħmel il-ħażin” (1 Pt 3, 17).

San Ġorġ Preca jagħmilha ċara li min ma jridx isofri, lanqas irid igawdi: “Skont l-ordni tal-grazzja huwa stabilit li min jiżra fid-dmugħ jaħsad fil-ferħ, kif hemm hemm miktub fis-salm 125: ‘Marru u bkew jqiegħdu ż-żrieragħ tagħhom, u jiġu bil-ferħ iġibu l-qatet tagħhom.’ Dan huwa wkoll stabilit fil-kors tan-natura li, l-ewwel wieħed isofri u mbagħad igawdi. Kull ħaddiem isofri bix-xogħol, u mbagħad jifraħ bil-frott tax-xogħol tiegħu. Fil-kumbatt wieħed isofri u fil-vittorja jifraħ u jgawdi” (Il-Kunvent tal-Kruċjati, Cella Nru. 1).

Nagħmlu kuntrast bejn Kristu waqt it-tbatija u Kristu fil-glorja. Kristu waqt it-tbatija jidher qisu tellief, abbandunat saħansitra mill-Appostli, filwaqt li ħass l-abbandun tal-Missier u ġismu sar pjaga waħda. Iżda fil-Għid narawh rebbieh fuq il-mewt u fuq id-dnub.

Jekk nimxu fuq il-passi ta’ Kristu l-istess jiġri lilna. Veru li ngħaddu mit-tbatija iżda jekk din tkun imġarrba “bi Kristu, fi Kristu, u ma’ Kristu” tħalli l-frott anki f’din id-dinja. U kif Kristu qam minn bejn l-imwiet, għandha l-garanzija li xi darba ser nidħlu mhux biss fil-glorja tal-ġenna iżda fl-aħħar jum inqumu b’ġisem glorjuż.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.