L-Evanġelju tas-Sibt 3 ta’ Marzu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 15, 1-3.11-32

Meta naħsbu f’din il-paroabbola tiġina t-tentazzjoni li nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq wieħed mill-karattri ewlenin; jew il-missier jew l-iben iż-żgħir jew l-iben il-kbir.

l-ewwel u qabel kollox ta’ min wieħed jara lil min qed tingħad; lill-fariżej u lill-kittieba li beżgħu għall-fama ta’ Ġesù u bdew igemgmu kif jagħmilha wkoll mal-midinbin magħrufa, dawk li dnubhom jidher. It-tajbin, jew dawk li dnubhom m ajidhirx iddejqu li Ġesù ma kienx jagħmilha magħhom biss, iżda mal-midinbin magħrufa wkoll. Jekk in-nies jaraw lilu magħhom u lilhom miegħu beżgħu li jieħdu l-fama tiegħu għax kif ngħidu hux: ma min rajtek xebbaħtek. Ma jistax ikun hemm qawl imnissel minn ħsieb li ġej minn preġudizzju iktar minn dan.

Fil-parabbola, Ġesù ma jitkellimx dwar persuna waħda, iżda dwar familja; familja ta’ bdiewa li jidher li ma kien jonqosha xejn għax kien hemm il-ġid. Iżda jekk kien hemmil-ġid, mill-ewwel nindunaw li l-membri ta’ din il-familja kellhom xi ħaġa nieqsa: ma kienux kuntenti, la bil-ġid u lanqas b’xulxin.

Iż-żgħir kien moħħu biex iberbaq u jagħmel li jfettillu imma ma setax dment li kien għadu d-dar u allura ħassu mxekkel, mgħaffeġ, fgat nieqes mil-libertà li jagħmel li jrid b’ħajtu. Forsi kien jirraġuna li m’hemmx għalfejn taħdem jekk għandek il-ġid, iktar u iktar jekk hu ġid li ma ħdimtx għalih int; il-ġid qiegħed hemm biex titbaħrad u tgawdi ma’ ħbiebek. Nies bħal dawn għadhom jiġru fostna llum ukoll u ġieli aħna wkoll nirraġunaw bħalu. Naħsbu li l-ġid hu dritt tagħna, anke l-ġid ta’ ħaddieħor. Kollox hu dritt tagħna barra r-responsabiltajiet tagħna. Għalfejn napprezzaw dakli għandna meta l-vit miftuħ u l-ilma nieżel! La nieżel ipprova għum ġo fih anke b’sogru li tgħereq.

Il-kbir jidher li kien bil-għaqal, jaħdem minn filgħodu sa filgħaxija, anke jsib ċertu sodisfazzjoni li ma kienx isib id-dar fix-xogħol fl-għalqa. Kien wieħed minn dawk li ma jogħġbu xejn imma mhux lest li jċaqlaq xejn bie xibiddel is-sitwazzjoni. Dejjem igerger u jeqred tant li ma baqax jara it-tajjeb u s-sabiħ. It-tgergir u l-qrid għandhom l-iżvantaġġ li mhux talli ma jsolvux il-problemi, talli jirduppjaw il-piż tagħhom u jaqilgħu problemi oħrajn. Niex bħal dawn jaħsbu li jistgħu isolvu l-inkwiet billi jaljewnaw ruħhom b’inkwiet ieħor li jivvintaw. Minflok inaqqsu l-inkwiet, iżiduh. U bħal dan hawn ħafna wkoll u ġieli nkunu aħna stess; dejjem wiċċ laskri, ma jogħoġobna xejn u dejjem irridu nitfgħu il-ġebla fuq saqajn ħaddieħor. Nies li ndallmu l-ġurnata malli jisbaħ.

Missier ta’ żewġ ulied bħal dawn qajla jista’ jkun kuntent, imma uliedu ma kienux tfal iktar, jista’ jinfluwenzahom jew jikkontrollahom. Il-karattru tagħhom kien magħġun u lest. Xitla li telgħet mgħawġa, diffiċli tiddrittaha jekk mhux b’ħafna paċenzja u mħabba. Imma jidher li qatt ma tkellem dwar dan, dejjem ħa paċenzja u żamm ġo fih anke meta d-deċiżjoni tal-iben iż-żgħir qasmitlu qalbu għax ried jitlaq. B’qalbu maqsuma, għax kien jaf x’ġej, mhux biss ta’ sehemu lill-iben iż-żgħir, iżda tah nofs ġidu u n-nofs l-ieħor tah lill-kbir, minkejja li ma jidhirx li talabulu; ried ikun ġust u dak li ta lil wieħed tah lill-ieħor. Tiegħu ma kien fadallu xejn. Sar jiddependi hu minn fuq il-ħniena ta’ ibnu l-kbir għax l-ieħor żarma. Imn’alla l-iben il-kbir żammu miegħu għa xkien jispiċċa fit-triq.

Tlieta minn nies li jgħixu taħt l-istess saqaf, iżda bejniethom dagħbien iwaħħax. Donnom lanqas jafu lil xulxin. Is-sgħajjetta fil-bnazzi ħasdithom ilkoll.

Iż-żgħir sab li qatt ma stenna li se jsib; qatt ma basar li dak li kien jixtieq jista’ jiġri, imma ġara u nessih kulma trabba fih. Ħeles mill-iż u telaq.

Il-kbir sab ruħu geddumu fix-xgħir b’dak li issa sar tiegħu imma baqa’ kkakkmat f’dar missieru, għax għalkemm dak li għamel ħuh ma għamlux hu, imma tbiegħed minn missieru bħalu għalkemm baqa’ jgħix miegħu. Aħna nafu b’waħda mit-tgergiriet tiegħu, għax ma nafux jekk wara kliem missieru, meta ħuh reġa’ lura, rattablux qalbu jew le. Ġesù jħallina bil-kurżità dwar dan. Immaġina tgħix ma’ bniedem li m akull siegħa jżid id-doża tal-qrid u t-tgergir.

Il-Missier, għalkemm qatt ma tilef it-tama li xi darba kollox jiġi aħjar milli kien, jinqata’ mill-ħajja tat-tnejn. L-unika rabta li kien għad baqalu dwar l-għaqda tal-familja tiegħu mill-ġdid kienet it-tama mnissla mill-imħabba lejhom it-tnejn, li wasslitu biex jibqa’ jemmen fit-tajjeb, ċkejken kemm hu ċkejken, li kien hemm fil-fond ta’ qalbhom. Hu ma qata’ qalbu qatt. Iżda ma jfissirx li ma kien imnikket.

l-imħabba tiegħu jidher li tatu raġun għallinqas dwar l-iben iż-żgħir. Reġa’ lura. Dwar il-kbir, mill-mod kif kellmu, kien lest li jibqa’ jittama.

l-istorja tkompli, il-ġrajja għadha għaddejja fostna u fina. Imma l-Missier ma jħarisx lejn dak li ġara; imħabbtu għalina tokkonvinċih li xi tama x’imkien baqa għalina wkoll.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.