“SE NIŻŻEWWEĠ”. “ARA SE TITGĦALLAQ?”: IŻ-ŻWIEĠ SAGRAMENT (11)

Print Friendly, PDF & Email

Mill-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona OP

KONSAGRAZZJONI TAL-FAMILJA LIL ALLA L-MISSIER PERMEZZ TA’ MARIJA.

(adattata minn talba   miktuba għall-Festa Familja, Mejju 2011)

Sidtna Marija: inti ġejt mogħtija lilna fuq is-Salib ta’ Ġesu’ bħala l-Omm tagħna lkoll. Nitolbuk li twassal quddiem Alla l-Missier din il-Konsagrazzjoni tagħna.

Mgr Paul Cremona OPMISSIER:

Nikkonsagrawlek il-ħajja personali tagħna ħalli kull wieħed u waħda minna nimxu fuq dak li wrejtna permezz ta’ Ibnek Ġesu’, u li ħallejtilna miktub fil-Evanġelji.

Nikkonsagrawlek l-imħabba tagħna li offrejna lil xulxin meta aċċettajna lil xulxin bħala Don minn għandek Missier, fil-mument tat-tieġ tagħna

Nikkonsagrawlek l-imgħoddi tagħna biex nsaffuh minn dak kollu li jista’ jfixkilna milli noħolqu realta’ ġdida bejnietna.

Nikkonsagrawlek il-karattru tagħna, biex ikollna l-kuraġġ inbiddlu minnu dak li joħloq tbatija f’min hemm ħdejna.

Nikkonsagrawlek il-moħħ tagħna ħalli nużawħ billi nkunu kreattivi kif inwettqu r-risponsabbilta’ tagħna fil-familja u mhux naħarbu minnha. Nikkonsagrawlek il-ħsibijiet tagħna biex iwassluna lejn imħabba ikbar fil-familja.

Nikkonsagrawlek il-kliem tagħna biex bihom inkabbru d-dinjita’ tal-persuna li rċevejna minn għandek u li quddiemek wegħdniha l-imħabba kollha tagħna.

Nikkonsagrawlek il-qalb tagħna biex tkun biss tal-persuna li żżewwiġna u tat-tfal tagħna.

Noffrulek ir-rieda tagħna biex dejjem isservina ħalli nintrabtu mal-wegħda li għamilna fiż-żwieġ u mhux ma’ dak li jfixkilna fil-mument.

Nikkonsagrawlek l-għemejjel żgħar u umli tagħna ta’ kuljum, biex iferrħu lil min hemm ħdejna.

Nikkonsagrawlek ix-xogħol u l-istudji tagħna biex ma nħalluhomx ikunu ta’ tfixkil għall-ħin li nqattgħu fil-familja tagħna.

Nikkonsagrawlek il-Ħdud u l-ħin ta’ mistrieħ tagħna, biex ikunu wkoll żmien ta’ għaqda bejnietna u mal-Mulej fil-Quddiesa.

Nikkonsagrawlek il-fidi tagħna fik, biex twassalna biex ngħixuha bħala spiritwalita’ ta’ bejnietna bħala koppja.

Nikkonsagrawlek l-imħabba ta’ bjenietna biex tkun tixbaħ lil dik ta’ Kristu għall-Knisja.

Nikkonsagrawlek l-imħabba ta’ bejnietna biex tinfetaħ għat-twelid u t-trobbija tat-tfal li jogħġbok tibgħatilna u tafda f’idejna.

Nikkonsagrawlek ilf-ferħat u t-tbatijiet tagħna ta’ kuljum, biex bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, ma nħalluhomx jifirduna minn xulxin iżda, kif wegħdna, inħalluhom iktar iqarrbuna lejn xulxin.

Nikkonsagrawlek il-familji u ż-żwiġijiet kollha li għaddejin minn mumenti diffiċli ta’ tbatija. Nikkonsagrawlek l-għana kollha li pprovdejtilna, kemm spiritwali kif ukoll materjali: użahom,Mulej, għall-ġid ta’ dawn il-koppji.

Nikkonsagrawlek it-tfal kollha biex il-ġenituri jipproteġuhom minn kull esperjenza li tista’ tweġġagħhom fil-mixja tagħhom ta’ maturita’ lejn ħajja adulta sana.

Nikkonsagrawlek liż-żgħażagħ u l-għarajjes tagħna, biex jinfetħu għas-sbuħija tal-pjan tiegħek għaż-żwieġ u l-familja: agħmel li aħna nkunu dejjem xhieda għalihom ta’ dan il-pjan tiegħek fis-soċjeta’ tagħna ta’ llum.

Marija:

Aħna nirringrazzjawk għaliex int ħadt iż-żwieġ tiegħek ma’ Ġużeppi bħala sejħa mingħand Alla l-Missier, biex Ibnu  Ġesu’ jitrabba mdawwar mill-imħabba tagħkom.

Aħna nirrinngrazjawk għaliex, flimkien ma’ Ġużeppi, inti wrejtna li aħna kapaċi bl-għajnuna tal-Mulej, negħlbu kull tfixkil li niltaqgħu miegħu.

Fl-aħħar nett, Ommna Marija, nitolbuk li tieħu taħt idejk il-familji kollha ta’ dawn il-gżejjer, kif inti ħadt ħsieb l-għarajjes tat-tieġ ta’ Kana, biex il-Knisja u s-soċjeta’ tagħna jinbnew qawwija fil-valuri li għallimna Ibnek, għall-ġid ta’ din is-soċjeta’ tagħna stess.

 

 

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d