Minn Fr Michael Bugeja

L-Evanġelju tat-Tnejn 14 ta’ Mejju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 15:9-17

Wara l-festa tat-tlugħ tal-Mulej fis-sema ma setax ikollna silta aħajr illum aħna u niċċelebraw lil San Mattija, l-Appostlu li daħal b’sejħa tal-aqwa siwi; dik li jsodd toqba li nħolqot bin-nuqqas ta’ Ġuda. Ħafna jiddejqu b’din is-sejħa iżda hija l-aqwa vokazzjoni li mingħajrha kulħadd jaħseb għal rasu biex jidher hu. Min isodd it-toqob għalkemm ma jidhirx, isolvi l-problemi li jkun ħoloq ħaddieħor. M’hemmx imħabba aħbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal dawk li jħobb u ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien, jiġifieri lil kuħadd u mingħajr limiti u kundizzjonijiet.

Li tħobb kif ħabb Ġesù tidher biċċa xogħol daqs muntanja kbira. Li tħobb bla limiti u bla kundizzjonijiet tidher ħaġa li ebda bniedem ma jista’ jasal għaliha, u sa ċertu punt, dan huwa veru. L-imħabba tal-bniedem, kbira kemm hi kbira għandha mnejn tkun dejjem imtebba’ bl-egoiżmu jew imxellfa b’intenzjonijiet moħbija; inħobbu lil min irridu, kif irridu u meta rridu. Dejjem imħabba tibqa’ imma imħabba li tistenna lura, tikkmanda hi u tagħżel hi. Forsi iktar business minn imħabba.

Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li nikkmandakom u dan hu li nikkmandakom, li tħobbu lil xulxin. Aħn ata’ ġewwa jekk inħobbu kif iħobbna hu. Min jgħi dli jemmen fi Kristu u jgħid li hu tiegħu, iżda mbagħad minnu jorħroġ dak li huwa l-kontra tal-imħabba, dak, jgħid San Ġwann, huwa giddieb u s-sewwa l-anqas biss ixommu; dak hu l-qarrieq li juża l-imħabba biex iqarraq u jifred u jkisser. Dak hu l-anti-krist. Dak li jeħodha kontra Kristu.

Iżda kif ħabb Ġesù bie xaħna nħobbu bħalu? Jekk wieħed jisserva dak li għamel Ġesù u dak li jirrikmanda li jsir, wieħed malajr jinduna li l-ideja tal-imħabba għal Ġesù hija sempliċi. L-imħabba mhux ideja jew ħsieb jew xewqa, jew rieda. Hija dan kollu miżrugħ fil-ħajja ta’ kuljum, li ma jibqax tejorija iżda jsir prattika: għal Ġesù l-imħabba hi li tagħti lil min tħobb, dak li jkollu bżonn fil-ħin li għandu bżonnu, xejn iżjed xejn inqas.

Biex dan iseħħ, l-ewwel u qabel kollox, jinħtieġ li wieħed jagħraf il-bżonn; jekk il-bżonn ma jingħarafx ma jistax jiġi sodisfatt. U minħabba li l-bżonnijiet tal-bniedem huma differenti għax kull bniedem hu differenti, l-imħabba trid tkun krejattiva mhux stabbli u riġida. Kull bżonn jeħtieġ attitudni u mġieba differenti.

Il-bżonn mhux ġej mill-fsied u l-anqas mid-dritt. L-imħabba mhix fsied u lanqas hija t-tixrid ta’ drittijiet li l-bniedem iħoss jew bżonn li joħloq għalih innifsu. L-imħabba tfisser ukoll li tgħin lil min tħobb jifhem u jaċetta dak li hu b’dak li jagħmlu u tgħinu jgħix tajjeb u kuntent b’dak li hu u b’dak li jagħmlu.

Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien; mhux kif jgħid li jħobb dak jew dik jew l-oħrajn. Jista’ Alla jħobb lil xi ħadd u biex jagħmel dan ikun inġust ma’ ħaddieħor, ikasbar lil ħaddieħor, iżebilhu jew jeqridu? Fejn hemm l-imħabba, u Alla hu mħabba, ma jistax jagħmel dan kollu. Jekk Alla jagħmel dan, likieku dan jista’ jseħħ, ma jibqax Alla u aħna nispiċċaw għall-frisk.

Mela: intom maħbubin tiegħi jekk tagħmlu biss dak li jiena nikkmandakom u dak li qe dnikkmandakom huwa dan: ħobbu lil xulxin kif inħobbkom jien.

Tiġġustifikawx lilkom infuskom għax ma jħobbukomx. Dak li ma jagħmilx ħaddieħor, għamluh intom.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s