Home > Fr Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali > Imħabba kbira lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija – Il-Vigarju Ġenerali

Imħabba kbira lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u minsija – Il-Vigarju Ġenerali


Is-Sibt, 12 ta’ Mejju 2018: Il-Vigarju Ġenerali iċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-31 anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi.

406428-740xnone.jpg

F’għeluq il-31 anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, fil-kappella tad-Dar tal-Providenza saret Quddiesa mmexxija mill-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi, u li għaliha attendew ukoll ta’ membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar. Flimkien ma’ Mons. Galea Curmi, ikkonċelebraw Dun Rueben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-ŻAK u Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Dun Mikiel Azzopardi twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Huwa kien ukoll l-Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, id-Direttur tad-Dar, Dun Martin Micallef, irringrazzja lill-Azzjoni Kattolika Maltija għall-appoġġ sħiħ li dejjem tat u għadha tagħti lid-Dar tal-Providenza. Is-Sur Josef Deguara, President tal-AKM għamel referenza għall-omelija ta’ Mons. Vigarju u tenna li l-ħajja umana irridu ngħożżuha. Dawk preżenti nġabru flimkien għal mument ta’ skiet u talbu madwar il-qabar ta’ Mons. Azzopardi.

Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi
Kappella tad-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi
12 ta’ Mejju 2018

“Il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” Din l-aħħar sentenza tas-silta mill-Evanġelju tal-lum minn San Mark, li tispjega fi ftit kliem il-ħajja u l-missjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù wara li hu tela’ s-sema, tfakkarni ħafna f’Mons. Mikiel Azzopardi li llum qegħdin infakkru l-31 anniversarju mill-mewt tiegħu.

Il-Mulej ħadem permezz ta’ Dun Mikiel fil-kelma li hu xandar għal snin b’ħeġġa u b’determinazzjoni, u l-Mulej wettaq din il-kelma b’dan il-miraklu kbir ta’ mħabba, id-Dar tal-Providenza, li dis-sena ċċelebrajna l-50 sena minn meta nfetħet l-ewwel dar tagħha. Għalhekk illum aħna nfakkru b’għożża lil dan il-qaddej tal-Mulej u nirringrazzjaw lil Alla għal dak li għamel permezz tiegħu għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

Dun Mikiel għaraf ukoll li l-viżjoni tas-sema mhijiex aljenazzjoni

Dun Mikiel emmen bis-sħiħ li s-sema hu pajjiżna – dak li turina l-festa tal-Mulej tiela’ s-sema. Kien jemmen li dik hi d-destinazzjoni tagħna, lil hemm mexjin, biex ’il quddiem naslu fejn wasal qabilna Ġesù fil-glorja tiegħu. Din il-fidi soda fi Kristu ħaj kienet dejjem f’qalb u f’fomm Dun Mikiel, u din il-fidi mexxietu tul ħajtu kollha.

Imma fl-istess waqt, Dun Mikiel għaraf ukoll li l-viżjoni tas-sema mhijiex aljenazzjoni – ma tħalliniex inħarsu ċċassati lejn is-sema b’idejna marbuta u nieqfu hemm – imma, il-kontra, hi xprun biex hawn, fuq din l-art naħdmu b’entużjażmu u kuljum biex ngħixu l-Kelma ta’ Alla u nwasslu l-imħabba tiegħu. Għaraf li l-missjoni tagħna hi hawn, f’din id-dinja. Hawn imsejħin biex nimpenjaw ruħna f’azzjoni Kattolika. Hawn imsejħin biex naħdmu għall-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem u nibdlu s-soċjetà għall-aħjar.

Kien dan l-impenn sħiħ ta’ Dun Mikiel li wera ruħu fl-imħabba tiegħu lejn dawk emarġinati, bla vuċi, moħbija u għalhekk minsija minn ħafna nies. Hu għaraf li iktar ma bniedem hu dgħajjef, iktar jeħtieġ appoġġ u għajnuna. Ried li s-soċjetà Maltija tagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem, u għalhekk tal-persuni b’diżabilità wkoll. Dan kien il-mod sabiħ li bih għex din il-mixja lejn is-sema pajjiżna.

Dun Mikiel ifakkarna li l-ħajja umana rridu ngħożżuha … minna titlob rispett sħiħ.

Dan hu messaġġ importanti li Mons. Azzopardi jagħti lilna lkoll miġbura hawn. Ifakkarna li aħna maħluqin biex fl-aħħar tal-mixja tagħna f’din id-dinja ningħaqdu għal dejjem ma’ Alla li hu mħabba. Ifakkarna wkoll li din il-viżjoni lilna timliena b’enerġija biex hawn, f’din il-ħajja, kull wieħed u waħda skont is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, nagħtu kontribut siewi lis-soċjetà.

Il-messaġġ ta’ Dun Mikiel hu tassew attwali meta jfakkarna li l-ħajja umana rridu ngħożżuha. Quddiem il-ħajja umana, ma noqogħdux ngħoddu ċ-ċelloli biex naraw jistħoqqilhiex dinjità jew le, ma noqogħdux niddiskriminaw bejn min jistħoqqlu jgħix u min nistgħu nħalluh għal riħu. Il-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u t-tul kollu tagħha. Minna titlob rispett sħiħ.

Meta ngħixu b’dan l-ispirtu, ġa nkunu qegħdin minn issa ngħixu l-ħajja ta’ dejjem. Inkunu qed niltaqgħu ma’ Kristu hawn, hu li qal “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Inkunu qegħdin inħallu lil Kristu bl-ispirtu tiegħu jgħallimna l-valuri veri tal-ħajja li smajna fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin: l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar, l-imħabba, is-sliem.

Grazzi, Mulej, ta’ Mons. Mikiel Azzopardi. Ħa jkun għalina dejjem ispirazzjoni kif għandna ngħixu bil-viżjoni tas-sema u b’impenn sħiħ fis-soċjetà llum.

Mons. Joe Galea Curmi
Vigarju Ġenerali, Arċidjoċesi ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: