Home > Minn Angelo Xuereb > Attwalità ta’ Dun Ġorġ Preca

Attwalità ta’ Dun Ġorġ Preca


Kitba ta’ Angelo Xuereb

Meta persuna tiġi ddikjarata qaddisa jkun ifisser li l-Knisja trid twassal messaġġ partikulari. Għalhekk tajjeb li nistaqsu: Xi jfisser li Dun Ġorġ Preca ġie dikjarat qaddis?

1Qassis li emmen fil-Lajċi

Mill-ħajja ta’ San Ġorġ Preca naraw kemm ta importanza lil-lajċi fil-missjoni tal-Knisja. Fi żmienu  l-lajċi qajla kienu jieħdu sehem f’inizjattivi ta’ appostolat. Iżda huwa nqeda bihom biex jeqred l-injoranza reliġjuża li kienet teżisti fil-gżejjer Maltin. Il-poplu kien veru mdawwar mal-knisja iżda ma tantx kien mgħallem fi ħwejjeġ ta’ reliġjon. Darba sema’ lil tifel isaqsi lis-sagristan li kien qiegħed jgħallem: “Alla, min ħalqu”. U dak wieġbu: “Alla nħalaq waħdu”. Din ir-risposta xxukkjat lil Dun Ġorġ u żgur li immotivatu biex jibda jinqeda bil-lajċi sabiex jgħallem il-katekiżmu. Għalhekk nistgħu nsejħulu dak li l-ewwel għallem il-lajċi u mbagħad qabbadhom jgħallmu lill-oħrajn.

2 Għalliem ta’ kulħadd

Dun Ġorġ qatt ma kien jixba’ jgħallem. Għallem fil-Mużewijiet, f’konferenzi u kif ukoll f’sajdat. Tant kien jitkellem b’konvinzjoni li min kien jisimgħu ma kien jixba’ qatt. It-tagħlim tiegħu kien jibbażah fuq il-Bibbja, it-tagħlim tal-Knisja u tal-qaddisin, eżempji mill-istorja tal-Knisja u ħajjiet tal-qaddisin. B’hekk huwa ma kienx biss għalliem tal-Katekiżmu iżda kien iħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex ibiddlu ħajjithom u jagħtu lil Alla kemm jistgħu.

Kien jitkellem b’mod sempliċi b’mod li jifhmu kulħadd. Iżda l-kontenut li kien iwassal kien ta’ livell. Fuq kollox Dun Ġorġ kien jifhem kif iġib ruħu l-bniedem u kellu prattiċità kbira. Dan jixhdu wkoll il-fatt li bosta persuni kienu jfittxuh għall-pariri tiegħu u biex jikkunsulahom waqt il-provi tal-ħajja.

L-intenzjoni retta

L-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca hija bbażata fuq l-intenzjoni retta. Huwa jgħallem li dak li nagħmlu għandna nagħmluh għall-glorja ta’ Alla u mhux għal xi interess partikulari. Tant ried jgħallem fuq din l-intenzjoni retta li darba kien hemm waħda mara fil-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun li ntlaqtet minn raġel b’siġġu waqt li dan kien qiegħed iġorr. Dak il-ħin kienet qiegħda titlob ir-Rużarju b’mod mill-aktar devot. Din il-mara saħnet bil-kbir iżda DunĠorġ ġibdilha l-attenzjoni li fil-Qaddisa kienet tgħid li aħna midinbin. U b’ċajta kkonkluda: “U jekk wieħed huwa midneb, x’jixraqlu jekk mhux daqqa fuq rasu.”

Naraw eżempju ieħor. Darba wieħed żagħżugħ mar għandu biex jitolbu parir fuq il-vokazzjoni tiegħu. Din il-persuna xtaqet issir patri. Iżda DunĠorġ staqsieh il-għala jrid isir patri u mhux ajk, jiġifieri brother. U dan dlonk wieġbu: “Jekk insir ajk, nispiċċa seftur tal-patrijiet”, u għalhekk Dun Ġorġ reġa’ wieġbu li kien qiegħed ifittex l-unur u r-rispett u mhux il-glorja ta’ Alla.

Dun Ġorġ Preca kien korenti miegħu nnifsu u kien jgħix dan it-tagħlim. Meta l-awtoritajiet tal-Knisja ordnawlu biex jagħlaq iċ-ċentri tad-duttrina li kien fetaħ, huwa dlonk obda. U l-intenzjoni retta tiegħu tidher aktar ċara meta bil-barka tas-Superjuri, reġa’ fetaħhom mill-ġdid. Barra minn hekk huwa baqa’ ubbiddjenti għas-Superjuri tiegħu matul ħajtu kollha. Kieku ma kellux intenzjoni mill-iżjed pura, kieku Dun Ġorġ ma baqax miexi fit-triq li qabad minkejja li kellu jsofri ħafna tbatijiet.

Għalliem tal-maħfra tal-għedewwa

Kien kontinwament jisħaq li Ġesù jridna li nimitawh b’mod partikulari fl-umiltà u fil-maħfra tal-għedewwa, u li Alla ma jaħfrilniex jekk aħna ma naħfrux lill-għedewwa tagħna. Meta l-gazzetti ta’ dak iż-żmien kienu qegħdin jixħtu dell ikrah fuqu, ma rrikorriex fil-qorti u fittex jiddefendi ruħu permezz ta’ xi kawża. Kiteb ktieb żgħir mill-isbaħ fuq dan is-suġġett u semmieh “Ittra popolari fuq il-Manswetudni”. Barra minn dan għandu kitbiet oħra fuq dan is-suġġett.

Qassis eżemplari

Niġu issa biex naraw x’tip ta’ qassis kien. Qatt ma okkupa karigi bħal dik ta’ Kappillan jew Vigarju Parrokkjali u lanqas qatt ma kellu xi xogħol fil-Kurja Veskovili. Iżda dan ma jfissirx li ma kienx attiv anzi kien attivissimu. Moħħu kien il-ħin kollu jaħseb kif Kristu ser jiġi magħruf u maħbub, u għalhekk qatt ma tilef okkażjoni biex jgħallem. Anki ċajta jew kumment tiegħu kien fihom tagħlim profond.

Il-poplu induna bil-qdusija ta’ dan is-saċerdot  u għalhekk kien jirrikorri għandu fil-bżonnijiet tiegħu. Anki kelma waħda minn tiegħu kienet biżżejjed biex wieħed jitfarraġ jew jibda t-triq it-tajba. Ta’ min isemmi li kien Direttur Spiritwali ta’ bosta persuni kif ukoll kien imfittex għall-qrar.

Dejjem warrab l-unuri anki dawk li tagħti l-Knisja, għalkemm fihom infushom huma tajbin. Meta l-Arċisqof Mons.Mikiel Gonzi bagħat għalih ħalli jinfurmah li sar kamrier sigriet tal-Papa, bit-titlu ta’ Monsinjur, Dun Ġorġ Preca xejn ma ħa gost u ħalla d-dokument fuq l-mejda ta’ l-Arċisqof. U qatt ma talbu lura.

6 Appostlu tal-Bibbja

Għex fi żmien meta l-Bibbja ma kinitx f’idejn il-poplu. Iżda DunĠorġ ta l-Bibbja f’idejn il-lajċi. Bibbja bil-Malti ma kienx hawn. Għalhekk huwa beda jaqleb mill-Vulgata Latina partijiet mill-Bibbja. Ta’ bniedem mill-aktar prudenti li kien, meta l-Professur Pietru Pawl Saydon beda jittraduċi l-Bibbja bil-Malti, waqaf mix-xogħol li kien qiegħed jagħmel. Appoġġja kemm felaħ lil dan il-Biblista u lingwista Malti li ta ħajtu għall-Iskrittura. F’dan ir-rigward kien profeta tal-Konċilju Vatikan II li ta l-Bibbja lill-poplu.

Spirtu ta’ umiltà

Fuq kollox kien bniedem li l-umiltà kienet tispikka fih flimkien ma’ fiduċja totali fil-providenza ta’ Alla. Is-Soċjetà li Alla ħawwel permezz tiegħu bdiet tikber bil-mod il-mod. Huwa dejjem emmen fil-qawwa ta’ Alla u anki meta kellu jgħaddi mill-burraxxki, ma qatax qalbu iżda emmen li dak li l-istess Alla li nebbhu b’din is-Soċjetà ma huwiex ser jitilqu waħdu iżda ser ikompli jagħtih dejjem l-għajnuna meħtieġa. B’hekk il-fiduċja f’Alla tant kienet kbira li qatt ma tkabbar lanqas meta s-Soċjetà kibret u huwa kiseb ċerta fama ta’ qdusija.

Tant kien umli li donnu ried iwaqqa’ lilu nnifsu għaċ-ċajt billi kien jinżel ibus is-saqajn tan-nies. Ġest ta’ umiltà kbira li wassal lil ħafna biex jgħidu li qiegħed jagħmel ċerti stramberiji. Iżda Dun Ġorġ ma kienx jagħti kas u ħsiebu kien li jimita biss lil Sidna Ġesù Kristu. U tant kellu intenzjoni retta f’din il-ħaġa li, meta s-Superjuri tiegħu pprojbewlu li jagħmel din il-ħaġa, huwa ma baqax jagħmilha.

Dejjem ħarab l-unuri u qatt ma ried pubbliċità għal dak li kien qiegħed jagħmel. Kien iħobb jgħid bit-Taljan: “Il bene non fa chiasso e il chiasso non fa bene” jiġifieri li t-tajjeb ma jagħmilx ħoss u l-ħoss ma jagħmilx ġid.”

8 Dun Ġorġ  għex esperjenza profonda ta’ talb

Dun Ġorġ kien bniedem li daħal mill-qrib f’intimità ma’ Alla. Kien iqaddes b’ċerta devozzjoni, jitlob bil-mod il-Liturġija tas-Sigħat kif ukoll jitlob quddiem Ġesù Sagramentat. Iżda anki meta kien jitlob kien ikompli jaħseb fit-tagħlim fuq Alla. Tant huwa hekk li fit-talb li kiteb fih ċerta profondità ta’ tagħlim. Kien devot ħafna tal-pjagi ta’ Kristu u tal-Verġni Marija. Għandhom kien idur fil-bżonnijiet tiegħu iżda fuq kollox kien jagħtihom tifħir u jieħu gost jaħseb fihom.

Xhieda tassew nisranija

Dun Ġorġ kien mehdi b’Alla u kien jgħix ukoll bi stil ta’ faqar. Il-lussu u l-kumdità qatt ma għamlu bih. Tant huwa hekk li fil-waqt ħafna mid-djar wara l-gwerra installaw id-dawl elettriku, Dun Ġorġ baqa’ mingħajru. U probabbilment li kieku qrib is-sena 1958, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija ma bagħtitx membru biex jinstallahulu, kien jibqa’ mingħajru.

Meta kien idaħħal xi ħaġa tal-flus, kien iżomm dak li huwa meħtieġ u l-bqija kien jagħtih lid-Djar tad-Duttrina, partikularment lis-sezzjoni femminili, billi xi wħud minnhom ma kienx ikollhom biex iħallsu l-kera, jagħtih karità u jistampa  l-kotba.

10 Kittieb

Dun Ġorġ  kien kittieb ta’ fuq minn mitt ktieb ta’ tagħlim. Huma miktuba b’mod ħafif. Napprezzaw ħafna l-isforz tiegħu meta naraw li fi żmienu la kien hawn computers u lanqas stamperiji sofistikati. Anzi lanqas dawl elettriku ma kien hawn iżda kien jeħtieġlu jikteb bid-dawl tal-lampa.

Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija ħadet ħsieb li terġa’ tistampa dawn il-kotba. Hekk ħafna minnhom jinsabu fil-ħwienet tal-kotba u jista’ jixtrihom kulħadd. Xi wħud minnhom inqalbu wkoll bl-Ingliż.

Jalla l-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ tkun okkażjoni wkoll biex nagħrfu s-sejħa universali għall-qdusija li kienet tant għal qalbu. L-aqwa monument li nistgħu nagħmlulu huwa li nimxu fuq il-passi tiegħu biex Ġesù jkun maħbub mill-bnedmin tad-dinja kollha.

Categories: Minn Angelo Xuereb
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: