Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018, Aħbarijiet > “Tibżgħux tkunu u turu li intom Insara” – L-Arċisqof lill-adolexxenti f’Pentekoste

“Tibżgħux tkunu u turu li intom Insara” – L-Arċisqof lill-adolexxenti f’Pentekoste


Il-Ħadd, 20 ta’ Mejju 2018: L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

 

L-ewwel nett nirringrazzjakom talli ġejtu llum biex tirċievu s-Sagrament tal-Griżma. Nirringrazzja lill-parrini li daħlu għal din ir-responsabbiltà li jsostnukom, ikunu ta’ sapport għalikom u jagħtukom pariri sbieħ u eżempju sabiħ. Imma fuq kollox nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri u lill-qraba li għenukom biex taslu sa din il-ġurnata sabiħa fejn intom se tirċievu l-Ispirtu qaddis tal-Mulej bħalma rċevuh bħal-lum, f’Għid il-Ħamsin, id-dixxipli ta’ Ġesù miġburin madwar Marija.

Hija ħaġa sabiħa li din is-sena ġejna hawnhekk f’dan is-santwarju bażilika tal-Madonna tal-Karmnu biex inkunu lkoll madwar Marija u nitolbu lill-Mulej jagħtina d-don tal-ispirtu qaddis tiegħu. Insellem lill-kappillani tal-Belt tal-parroċċa ta’ San Duminku, tal-parroċċa ta’ San Pawl u tal-parroċċa ta’ Santu Wistin, u nilqagħukom, għeżież żgħażagħ membri ta’ dawn il-parroċċi tas-City, tal-Belt fi ħdan din il-knisja kkonsagrata li ilha timbena ħafna snin bħalma aħna wkoll indumu nimbnew u l-Mulej jilqagħna għandu u nkunu tiegħu. Hekk jixtieq jagħmel minnkom il-Mulej.

Il-Mulej illum qed jafdak u qed jitolbok iġġedded dak li għamlu l-ġenituri f’ismek

Aħna għadna kemm iddikjarajna li intom grown ups, adulti. X’jiġifieri? Għad għandek 12-il sena, jew forsi se tagħlaq 13 u tgħidli: ‘Jien għad baqagħli biex inkun nista’ nsuq karozza pereżempju’. Imma l-Mulej illum qed jafdak u qed jitolbok iġġedded dak li għamlu l-ġenituri f’ismek meta kont tarbija. Meta kont tarbija il-ġenituri tiegħek u l-parrinijiet ġabuk fil-knisja u għammduk. Int sirt ta’ Ġesù!

Imma llum il-Mulej qed jitolbok tikkonferma l-għażla li għamlu l-ġenituri tiegħek u għalhekk wara din l-omelija, se nitlob lilkom żgħażagħ biex tiċħdu lix-Xitan u tikkonfermaw —għalhekk dan is-sagrament huwa wkoll sagrament tal-konfermazzjoni— il-fidi tagħkom fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu, f’Alla li huwa mħabba. Tikkonfermaw ukoll l-impenn tagħkom li tkunu parti mill-familja ta’ Ġesù li hija l-Knisja. U dan se tagħmluh intom. Il-katekisti u l-familji tagħkom, bl-għajnuna anke tal-parrinijiet ippreparawkom għal dan il-jum. Il-parrinijiet se jgħinukom biex din il-wegħda li qed tagħmlu llum, l-impenn li qed tieħdu llum, tgħixuha. Għax bħalma qalilna l-Appostlu Missierna San Pawl fit-Tieni Qari: “Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu” (Gal 5:25). Irridu li l-Ispirtu s-Santu jmexxina, imexxina fl-għażliet tagħna, immexxina f’dak kollu li hu tajjeb.

Fit-Tieni Qari smajna lista ta’ affarijiet koroh li huma l-ispirtu tad-dinja, l-ispirtu tal-ħażin (ara Gal 5, 19-20). Meta tgħid li ser tiċħad lix-Xitan qed tiċħad ukoll dak kollu li hu ikrah fil-ħajja, li jagħmel lill-bnedmin inqas bnedmin. Imma fl-istess ħin ma rridux niċħdu biss in-negattiv niċħdu imma rridu wkoll inħaddnu dak kollu li hu sabiħ u tajjeb: il-ħlewwa, il-ħiena, il-maħfra, it-tjubija, il-ġustizzja, il-verità u r-rażan (ara Gal 5, 22-23).

Il-Mulej Ġesù, fl-irxoxt tiegħu, jonfoħ l-ispirtu tiegħu fuq l-appostli u jgħidilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura” (Ġw 20, 22-23). Hu jagħtihom din il-qawwa straordinarja li aħna ngħixu fil-Knisja, din il-qawwa ta’ Alla li taħfer id-dnubiet, mogħtija lis-suċċessuri tal-appostli, u l-appostli lis-suċċessuri tagħhom.

U inti, li inti Nisrani, li inti Nisranija, illum se tiġġedded f’dan l-impenn imma wkoll se tirċievi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex tgħix ta’ Nisrani adult, jiġifieri li tagħżel inti. Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tgħinek tagħżel it-tajjeb. Ilkoll kemm aħna jkollna ħafna tentazzjonjiet, stediniet biex nagħżlu l-ħażin fil-ħajja tagħna, kemm fiċ-ċokon u kemm fil-kobor, imma l-Ispirtu Qaddis huwa wkoll dik il-vuċi tal-Mulej li ssejħilna, tgħinna u tagħtina l-parir it-tajjeb biex nagħżlu s-sewwa.

L-ewwel parir hu: isimgħu mill-ġenituri tagħkom.

Meta Ġesù ried jispjega min hu l-Ispirtu s-Santu qal li huwa l-‘avukat’ tagħna, dak li jiena nsejjaħ biex jagħtini parir u jiddefendini. Sejjaħlu wkoll il-‘konsolatur’ dak li jfarraġġni, dak li jgħini meta jkolli qalbi maqtugħa jew inkun imdejjaq jew inkun ħafna irrabbjat u jkolli bżonn min jikkalmani. Fis-Sekwenza ta’ din il-festa, li ma qrajniex imma se naqrawha flok it-Talba tal-Fidili jew magħha, lill-Mulej nitolbuh biex meta nkunu berdin iħeġġiġna, imma jekk inkunu ħafna mħeġġin, b’mod speċjali b’xi passjoni tal-ġisem, jikkalmana ftit. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna lill-Ispirtu s-Santu nitolbuh idawwal il-menti tagħna imma wkoll jikkalmana għax Alla tagħna, kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca, huwa Alla tal-paċi mhux Alla tal-inkwiet jew tal-qtigħ il-qalb. Alla tagħna, dak li qed tagħżel inti llum, huwa Alla tal-paċi. Kemm hi ħaġa sabiħa din li nifhmuha: Alla tagħna huwa Alla tal-paċi. Jiena ninduna li qiegħed fir-rieda ta’ Alla jekk ikolli l-paċi f’qalbi. Jista’ jkolli mitt elf miljun ħaġa imma jekk m’għandix il-paċi f’qalbi, jista’ ma jkolli xejn għax kollox suf, kollox sħab.

Jiena nitlob ħafna għalikom u nagħtikom l-aħħar tliet pariri. L-ewwel parir hu: isimgħu mill-ġenituri tagħkom. Tgħiduli: ‘Dawk dejjem għaddejjin, dejjem jillitikaw’. Tiġġudikawx lill-ġenituri tagħkom. Tafu li mhumiex perfetti, imma jħobbukom. Isimgħu l-vuċi tal-imħabba li tidwi fil-kliem tal-ġenituri tagħkom.

It-tieni parir: fittxu t-tagħlim.

It-tieni parir: fittxu t-tagħlim. Mhux għax issa għamilt il-Griżma, sirt professur. Imma l-aħwa, għad baqagħlna x’nitgħallmu! Anke jien dejjem nitgħallem. Hemm bżonn nibqgħu nfittxu t-tagħlim, it-tagħlim tajjeb. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid:”‘It-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid”.

It-tielet u l-aħħar parir: ħallu lil min jarakom.

It-tielet u l-aħħar parir: ħallu lil min jarakom. Tgħiduli: ‘Iva, tarani u niltaqgħu il-Main Guard, Sur Arċisqof’. Le! Jien nixtieq narak hawnhekk ukoll fil-knisja, fil-parroċċa tiegħek. Hawnhekk il-Belt għandkom knejjes sbieħ u kull nhar ta’ Sibt u Ħadd għandkom kemm tridu quddies. Kull nhar ta’ Sibt u Ħadd fil-Belt Valletta jkun hemm qassis iqaddes. Intom tas-City ma tistgħux tgħiduli li m’għandkomx knejjes jew li l-knisja qiegħda ’l bogħod. Tgħiduli: ‘Għalfejn? Mhux aħjar immorru dawra mal-Belt? Il-Belt sabiħa!’ Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna kull ġimgħa niċċarġjaw ftit il-batteriji tal-ħajja Nisranija. Ilum l-Ispirtu s-Santu se jimliek bil-qawwa tiegħu, bil-ferħ tiegħu, bil-paċi tiegħu, imma mbagħad is-Sibt filgħaxija jew il-Ħadd li ġej se jistenniek biex tisma’ l-Kelma ta’ Ġesù, biex titqarben u jekk hemm bżonn, tqerr. Tibżgħux tkunu u turu li intom Insara. Imma għalina l-Insara mhijiex kwistjoni ta’ badges. Taf kif jagħrufkom li intom ta’ Ġesù? Billi tħobbu lil xulxin. Dik hija l-badge tan-Nisrani. Qisu li bil-qawwa tal-Ispirtu li qed tirċievu llum jgħarfukom mill-imħabba tagħkom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: