Home > Lectio Divina > Lectio Divina għall-Festa tal-Ġisem u Demm tal-Mulej. Sena “B”

Lectio Divina għall-Festa tal-Ġisem u Demm tal-Mulej. Sena “B”


Vanġelu (Mk 14, 12-16, 22-26): Fl-Aħħar Ċena Ġesu, wara li qasam il-ħobż u offra l-kalċi bl-inbid lid-dixxipli, tahom kmand: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Fl-ewwel sekli, il-komunitajiet kienu jiltaqgħu fid-djar fil-jum imsejjaħ “tax-xemx”, biex jobdu dal-kmand. Ma kienu jagħmlu l-ebda devozzjoni oħra ħlief dan il-qsim tal-ħobż. Kienu jiltaqgħu madwar il-mejda tal-ikel, f’atmosfera familjari, xejn pompa bħal, p.e. ir-riti tat-Tempju. Kien rit sempliċi, awtentiku u festiv għax kienu konxji tat-tifsira ta’ dak li kienu qed jagħmlu. Kien piuttost provokattiv ukoll għal dak iż-żmien meta jistqarru li qed jieħdu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu. Mal-medda taż-żmien daħlu xi devozzjonijiet fuq l-Ewkaristija li ċajpru xi ftit is-sinifikat awtentiku ta’ dal-ġest li għamel Ġesu. L-aħħar Konċilju reġa’ afferma il-veru sinifikat u, biex aħna nagħmlu hekk ukoll, irridu nerġgħu lura għalli ġara dak in-nhar.

  1. “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?” Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, l-Lhud kienu jsumu minn dak li mhux permess. Ħobż ażżmu jkun bla ħmira li tifforma ruħha minn għaġna qadima. Mela dis-sawma kienet tfisser: “naqtgħu kull imġieba ħażina tal-passat biex niċċelebraw kif jixraq l-Għid li se jtina spinta għall-ħajja ġdida, ħielsa minn kull skjavitu tad-dnub.” L-Ewkaristija se tingħata bidu f’dan l-isfond. Kif il-Lhud ifakkru l-bidu tagħhom bħala poplu ħieles, i.e. dak in-nhar li telqu mill-Eġittu, hekk l-Insara jiċċelebraw il-festi tal-Għid bħala l-bidu tagħhom bħala l-poplu l-ġdid t’Alla. Il-punt ta’ riferiment hu l-komunita tal-ewwel dixxipli bl-Ewkaristija bħala l-oriġini. In fatti, il-qofol tal-festi tal-Għid hi l-Ewkaristija. In-Nisrani jipprepara ruħu għal dan b’sawma twila biex jeħles minn kull jasar tad-dnub. Suppost jagħmel hekk qabel kull tqarbina. Fis-silta tal-lum naraw kemm kienet importanti għal Ġesu din l-ikla bil-mod dettaljat kif xtaq li jippreparaw għaliha d-dixxipli. Kien jaf li Ġuda baqa’ mwaħħal mat-tagħlim tar-Rabbini. Dan għaraf li Ġesu se jriegħed dawn l-istrutturi mill-pedament. Mela hemm bżonn li Ġesu jitneħħa min-nofs. Dan kien aktar importanti għalih mill-flus. Imkien ma naqrawli li “ittradieh” lil Ġesu, imma li “ta, ikkonsenja” ‘l Ġesu f’idejn il-kapijiet Lhud.
  2. “… raġel iġorr ġarra ilma.” Dan żgur mela l-ġarra mill-pixxina ta’ Siloe, tela’ t-taraġ t’hemm u mar lejn triqtu. Id-dixxipli għarfuh għax dan kien xogħol in-nisa jew sefturi. L-irġiel kienu jġorru l-ilma f’xi ġild ta’ mogħża. Il-messaġġ hu: is-sinjal distintiv li juri s-sinifikat awtentiku tal-Ewkaristija huwa dak li jfittex l-aħħar post u jsir seftur tal-oħrajn bla ma jħossu umiljat.
  3. “Jurikom kamra kbira fuq…” (i) L-ewwel Insara baqgħu jżommu din l-użanza li jiċċelebraw l-Ewkaristija fil-kamra ta’ fuq. B’dan riedu jfissru li kellhom jinqatgħu mill-pjan terran fejn xi nies jiżvolġu l-egoiżmu, il-kilba għall-flus, il-poter, eċċ.  Anki aħna jiħtieġ li ninqatgħu minn dawn il-valuri pagani biex inkunu denji li nirċievu ‘l Kristu fina. (ii) Il-kamra kienet kbira, miftuħa għal kulħadd.  Fil-parabbola tat-tieġ, is-sid qal lill-qaddejja: “Morru f’salib it-toroq ….. sakemm is-sala timtela’ kollha.” F’dis-sala kulħadd jidħol fraġli u midneb. Mela ħadd m’għandu jiġi ġġudikat. (iii) Il-kamra kienet “mgħammra”, lesta għaċ-ċelebrazzjoni ferrieħa tal-liberta’.
  4. Il-Lhud kienu jagħmlu din l-ikla sdrajjati, mimdudin u mhux bil-qiegħda. Ipoġġu l-minkeb tax-xellug fuq kuxin, u b’id l-oħra jieklu. Din pożizzjoni ta’ min hu rilassat għax liberu. Biex nieħdu sehem f’dil-ikla, aħna wkoll jiħtieġ neħilsu minn kull skjavitu u mill-ideja antika ta’ Alla kattiv, għajjur u li jpattiha.
  5. “Ħudu, Dan hu ġismi.” Ġesu ried ibiddel il-bniedem il-qadim, bl-imġieba tiegħu ta’ lupu feroċi, fi bniedem ġdid b’imġieba ta’ ħaruf. Qabel ma jmut, Ġesu ried jgħaddi dil-missjoni lid-dixxipli b’sinjal. Il-ħobż għal-Lhud kien jindika dak kollu li għandu bżonn il-bniedem għall-għixien, inkluż l-imħabba u ‘l min jagħdru u jifhmu. “Qal il-barka”, għax aħna nirrikonoxxu li Alla hu l-awtur ewlieni ta’ dawn id-doni u tagħhom jiħtieġ inroddulu ħajr. “Imbagħad ħa l-inbid”, simbolu tal-ferħ u festa. Ħobż u nbid huma frott tal-art, tas-sema (xemx u xita) u xogħol il-bniedem li joħroġ id-dqieq mill-qamħ u l-inbid mill-għeneb. Il-bdiewa madwar mejda jaraw fil-ħobż l-għaraq ta’ ġbinhom: il-ħrit tal-missier, il-ġarr tal-ilma mit-tfal, id-dris tal-qamħ u l-għaġna tal-omm. Mela, r-radd ta’ ħajr kien ukoll għas-saħħa li Alla qed jagħtihom f’dirgħajhom.
  6. “Qasmu” biex jieħu kulħadd. Hawn tispikka l-ideja li ħadd ma jikkapparra l-ħafna biex oħrajn jibqgħu b’xejn. Hawn kulħadd irid ikun moħħu fil-ħtiġijiet tal-oħrajn. “Newwilulhom”, i.e. tahulhom bħala rigal. “Dan hu ġismi” – mhux laħam u għadam imma l-persuna. P.e. jekk inħares lejn missieri jien nara ħajtu kollha quddiem għajnejja. “Dan hu ġismi” jfisser “hawn hi l-persuna tiegħi bl-istorja ta’ ħajti, mit-twelid s’issa. Dan hu JIEN. Mhux nidħol fil-ħobż imma NSIR ħobż biex inkun ikel għalikom. Ħudu u kulu.” “Ħudu, i.e. aċċettaw  dal-misteru. Kulu, i.e. assimilaw u xtarru din ħajti mogħtija għall-oħrajn, u b’hekk tgħaqqdu ħajjitkom ma’ tiegħi. “ Henjin dawk li huma mistednin għat-TIEĠ tal-Ħaruf” (Pawlu VI), għax din hi stedina ta’ mħabba. Wara tqarbina, in-nies hemm bżonn jaraw fija ħajjet Kristu mogħtija bħala rigal. Għall-Lhud, id-demm ifisser il-ħajja. Meta nieħdu l-inbid ikkonsagrat inkunu qed nimtlew b’ħajjet Kristu, i.e. inħallu ‘l Kristu jgħix ġo fina. “Ilkoll xorbu”, i.e. kollha aċċettaw il-proposta ta’ Ġesu. Mhux biżżejjed nitqarbnu darba għal dejjem?  Le, għax anki għarusa, wara t-tieġ, kuljum trid tisma’ l-kelma “inħobbok.” Hekk f’kull tqarbina nġeddu l-leħen ta’ Ġesu li jgħid “Inħobbok”. Immorru l-Quddies mhux ħela ta’ ħin, bħalma mhux ħela ta’ ħin nixxemxu ftit ħdejn il-baħar biex inħammru ftit il-bjuda tax-xitwa. Hekk kull nhar ta’ Ħadd nixxemxu bil-Kelma, bil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu u noħorġu mill-Knisja aktar sbieħ milli dħalna.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefrancescoarmellini

Categories: Lectio Divina
  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: