L-Evanġelju tal-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 7, 15-20

Il-profeta huwa dak i jwassal il-messaġġ ta’ Alla lill-bnedmin. Fit-Tieni Ktieb tas-Slaten, is-sultan Ħeżekija jmur it-tempju b’ittra ta’ disprezz lil Alla mis-Sultan Senakerib tal-Assirja. Ħeżekija jqiegħed l-ittra fuq l-artal u jagħmel it-talba tiegħu, iżda Alla ma jkellmux direttament; ikellmu b’fomm il-profeta Iżaija bin Amos. Dan mhux ġrajja waħdanija tal-mod kif Alla jikkomunika mal-bnedmin. Fit-Testment il-Qadim il-profeti għandhom dan ir-rwol, l-istess rwol li għandu l-Appostlu fit-Testment il-Ġdid.

Mela jekk il-profeta huwa dak li jwassal il-kelma ta’ Alla lill-bniedem, il-profeta falz jinqeda bir-rwol ta’ fiduċja li għandu mal-bnedmin biex iwasslilhom il-kelma jew tiegħu jew ta’ ħaddieħor li mhux Alla. Eżempju konkret fi żmienna huma dawk li jabbużaw mill-fiduċja ta’ dawk afdati f’idejhom minn Alla stess, jew dawk li jibdew kliemhom billi jgħidu li huma Nsara prattikanti u jemmnu f’Alla u f’dak li jgħid u jkomplu billi jgħidu dak li huwa totalment il-kontra ta’ dak li jrid Alla, jew dawk li mbagħad jagħmlu li jfettlilhom.

Mhumiex biss ipokriti, għax juru wiċċ b’ieħor, imma huma qarrieqa għax jużaw lil Alla u dak li hu tiegħu biex jirbħu għalihom lill-bnedmin bil-ħsieb, u ħafna drabi huwa ħsieb li jirnexxi, li jimmanipulaw il-mentalità tal-bnedminu jieħdu mingħandhom dak li jridu huma. Dan hu l-profeta falz, il-lupu liebes ta’ ħaruf u minnhom hawn ħafna, ħafna iktar milli naħsbu. Tant hawn li saru n-norma u għalhekk huwa ferm iktar diffiċli tagħrafhom.

It-twissija ta’ Ġesù hija iktar milli f’waqtha. Iftaħ għajnejk għax magħluqin u b’għajnejk magħluqa ma tarax. Il-fiduċja għamja tittradik u ġġiegħelek temmen dak li b’għajnejk miftuħa ma tara li hu bil-maqlub. Ħafna, tant ġew mirbuħa mill-profeti foloz ta’ żmienna, li jaslu biex jemmnu dak li jgħidulhom u jmeru dak li qed jaraw b’għajnejhom stess. Altru milli niftħu għajnejna għandna bżonn, irridu nkissru l-bibien u t-twieqi li bihom għalaqna kull xaqq ta’ dawl li jista’ jidħol f’moħħna. Jista’ jkun li nagħmlu hekk għax jaqblilna biex niġġustifikaw lilna nfusna meta nsiru profeti foloz aħna! Min jaf!

Iftħu għajnejkom u għarblu l-frott tagħhom iktar milli kliemhom għax mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Il-frott tagħhom stess jittradihom għax il-frott ma jigdibx. Siġra tajba għandu mnejn kultant ikollha frotta li titħassar, imma l-biċċa l-kbira tal-frott huwa bnin u jaħji. Iżda siġra ħażina tagħmel frott b’togħma ħażina u velenuża; meta tiekolha ddejqek it-togħma tagħha u l-effet ġo fik ma tixtiequ f’ħadd.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading